MediaToday

Aħbarijiet | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

Kaċċa illegali: Kulħadd ‘kuntent’

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Is-sensiela ta’ miżuri dwar il-kaċċa illegali li ttieħdu matul dan l-aħħar xahar jidher li s’issa taw riżultati ferm aħjar minn dawk ta’ snin imgħoddija. Din hi l-ewwel reazzjoni ta’ dawk li huma direttament involuti fis-settur tal-kaċċa ewlenin fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Gvern u l-Birdlife Malta.
Fl-aħħar jiem fil-mezzi tax-xandir kienu rrappurtati sensiela ta’ każijiet ta’ qtil ta’ tajr protett u dan minkejja li suppost dan it-tip ta’ tajr qatt ma kellu jinqatel.
Mistoqsi minn Illum jekk f’dan l-istadju l-Gvern hux qed jikkunsidra li jerġa’ jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa qabel iż-żmien bħalma għamel aktar kmieni din is-sena l-Ministeru għall-Ambjent wieġeb: “Il-Gvern se jibqa’ impenjat li jieħu kull pass neċessarju, anke drastiku, kemm-il darba jidher li qed ikun hemm abbużi rampanti bħalma seħħ f’Mejju ta’ din is-sena meta kien inqatel numru kbir ta’ kuċċard.”
Il-Gvern jikkundanna bil-qawwa bl-aktar mod ċar kull abbuż imwettaq. “Il-Gvern qiegħed isegwi kontinwament l-andament ta’ l-istaġun tal-kaċċa u l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-Pulizija.”
F’kumment lil Illum John Rizzo, il-Kummissarju tal-Pulizija, ikkonferma li minn meta nfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fl-1 ta’ Settembru s’issa kien hemm diġà 37 persuna li kisret il-Liġi u dawn mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Il-Kummissarju tal-Pulizija hu tal-fehma li anke jekk dan l-istaġun kien wieħed li fih passew ħafna għasafar, ma kienx staġun li fih sar qtil kbir.
Rizzo jattribwixxi dan ma’ tliet fatturi. “Nemmen li l-Iskwadra ta’ l-ALE qed tagħmel xogħol tajjeb ħafna flimkien mal-Pulizija fl-għases lokali li żiedu l-infurzar. L-ALE ta’ Malta sa qed titla’ tagħmel rondi f’Għawdex u dan qed jagħti riżultati,” sostna l-Kummissarju.
Rizzo jsemmi t-tieni fattur, dak li l-Gvern iddeċieda li bejn il-15 ta’ Settembru u t-30 ħadd ma seta’ jikkaċċa wara t-3pm. “Din id-deċiżjoni għenet għax kellna t-tajr protett f’dan il-ħin.”
Il-Kummissarju jemmen ukoll li l-fatt li l-Birdlife kellha numru ta’ osservaturi f’Malta f’dan il-perjodu delikat tal-kaċċa sarraf ta’ deterrent għall-kaċċa illegali.
“Naħseb il-barranin li kien hawn Malta għenu biex ma ssirx kaċċa llegali,” sostna John Rizzo ma’ Illum.
Ta’ l-istess fehma hi l-Birdlife Malta bil-President tal-għaqda Joe Mangion jgħid li “it-53 barrani li kellna fir-Raptor Camp ħallew l-effett tagħhom. Fl-ewwel jiem li kienu Malta raw b’għajnejhom qtil illegali ta’ għasafar protetti, ġriet il-kelma u l-kaċċaturi qagħdu aktar attenti.”
Mangion kompla li “ma jistax jgħid li l-Birdlife hi sodisfatta għax f’dan l-istaġun xorta kien hawn kaċċa illegali. Il-problema għadha magħna. Nixtiequ naslu għal dak l-istadju li l-kaċċaturi kollha josservaw il-liġijiet. Imma b’mod ġenerali rajna titjib. Il-fatt li ddaħħlet il-miżura ta’ waqfien mill-kaċċa mit-3pm sa l-għabex tal-għada filgħodu għen biex titnaqqas il-kaċċa illegali, l-istess jista’ jingħad għall-fatt li kien hawn aktar nies b’għajnejhom miftuħa dwar il-ksur tal-Liġi. Dan serva ta’ deterrent.”
Imma għall-Gvern u l-Awtoritajiet l-kbir mhux neċessarjament li għadda. Fl-1 ta’ Ottubru li għadda fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fuq il-baħar u b’hekk ir-riżorsi issa jridu jinfirxu mhux biss fuq l-art imma wkoll madwar il-kosta Maltija.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075