MediaToday

Aħbarijiet | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

DJ, doqqli waħda bil-Malti!

Franica Pulis

Minkejja li l-mużika ta’ produzzjoni Maltija saret tingħatalha aktar importanza minn qatt qabel, minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta fost tmien stazzjonijiet tar-radju, tlieta minnhom għandhom politika li ma jdoqqux mużika bil-lingwa Maltija.
Il-Bay Radio, XFM 100.2 u Magic ma jdoqqux diski bil-Malti għax skond huma l-istil tal-mużika ma jaqbilx ma’ dak li jxandar l-istazzjon.

Terry Farrugia, maniġer ta’ l-istazzjon Bay, qal: “Mill-informazzjoni li ġbarna s’issa inkomplu nikkonvinċu ruħna li l-politika tagħna li nikkonċentraw fuq diski rrekordjati bl-Ingliż hi t-tajba għall-istazzjon tagħna u għas-semmiegħa.”
Carlo Borg Bonaci, maniġer ta’ l-istazzjon XFM, qal: “Hi politika ta’ l-istazzjon li ndoqqu biss diski lokali bil-lingwa Ingliża. Ma teżistix regola ta’ kemm jindaqqu fis-siegħa. Ma ndoqqux diski bil-lingwa Maltija għax inħossu li l-orjentazzjoni tad-diski mhix kompatibbli mal-ħoss ġeneriku ta’ l-istazzjon.”
Min-naħa tiegħu Simon Lumsden, il-maniġer ta’ l-istazzjon Magic, qal li “mhemmx mużika bil-Malti” fuq l-istazzjon għalkemm ma tkellimx dwar politika li tispeċifika dan.
Sostna wkoll li l-istazzjon Magic inħoloq mill-PBS “biex tkabbar l-għażla ta’ mużika għas-semmiegħ billi toffrilu xi ħaġa differenti.” Barra minn hekk fuq il-frekwenza 106.6 FM, li fuqha jixxandru s-seduti tal-Parlament, kull nhar ta’ Sibt u Ħadd jixxandar Maltin Biss u se jkun l-istazzjon li jxandar l-aħjar mużika Maltija.
Il-bqija ta’ l-istazzjonijiet li tkellimna magħhom kienu Calypso, Smash, Super 1, 101 u RTK. Kollha, ħlief l-RTK, għandhom politika speċifika li tgħid kull kemm għandhom jindaqqu kanzunetti ta’ produzzjoni Maltija. Il-medja hi ta’ waħda jew tnejn fis-siegħa minbarra li wħud għandhom programmi apposta għall-mużika Maltija bħal tal-baned jew tal-għana.
Iżda minkejja dan xorta tingħata preferenza lil diski bl-ilsien Ingliż għax għażla akbar u huma aktar popolari mas-semmiegħa. Dan sostnewh il-maniġers tal-101 u ta’ Smash.
“Hemm preferenza għall-mużika bil-lingwa Ingliża għax din hi l-aktar popolari mas-semmiegħa,” qal Noel Mallia tal-101. Miegħu kompla Joe Baldacchino ta’ Smash: “Id-diski Ingliżi xorta priorità għax l-istazzjon idoqq aktar diski disco.”
L-iktar stazzjonijiet akkaniti fuq il-kanzunetti Maltin huma Super One u Calypso Radio. Ray Azzopardi, il-maniġer ta’ l-istazzjon tas-Super One, qal: “Aħna nenfasizzaw li fil-programmi kollha tindaqq mużika Maltija. Tista’ tkun produzzjoni Maltija u mhux bilfors bil-lingwa Maltija. Nispeċifikaw li din tindaqq kull nofs siegħa. Naturalment, fejn hemm programmi ta’ mużika klassika jew Reggae, hemmhekk ma tindaqqx. Imma fi programmi magażin, fejn għandek taħlita, trid tindaqq kull nofs siegħa bilfors biex nagħtu imbuttatura lit-talent lokali.”
Il-maniġer ta’ l-istazzjon Calypso Frank Camilleri qal li bħala stazzjon, inklużi l-preżentaturi, dejjem taw preferenza lill-mużika Maltija.
“Nagħmlu l-almu tagħna biex nippromwovuha. Naħseb li ta’ min li stazzjonijiet oħra jagħtuha aktar appoġġ. Kulħadd għandu d-dritt idoqq li jrid fuq l-istazzjon tiegħu imma mhumiex jimbuttawha biżżejjed u għandhom jagħtuha aktar importanza. Aħna ndoqquha qisu darbtejn f’siegħa imma mhix regola. Ġieli preżentatur idoqq iktar u ġieli xejn.”
Noel Mallia qal ukoll li l-mużika Maltija tindaqq tista’ tgħid kull siegħa. Imma enfasizza fuq il-kwalità tagħha u mhux kollox jindaqq fuq l-istazzjon.
“Aħna ndoqqu diski Maltin li huma ta’ kwalità. Ma jfissirx li d-diski Maltin kollha li joħorġu għall-bejgħ jindaqqu. Jeżisti filtru ta’ kwalità li japplika wkoll għad-diski barranin,” qal Mallia.
Kevin Aquilina, Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità tax-Xandir, qal li bħalissa mhemmx regola għall-istazzjonijiet li tindaqq persentaġġ ta’ mużika bil-Malti bilfors u regola dan it-tip qatt ma ġiet diskussa fl-Awtorità.
“Iżda tagħmel sens, bħalma kellna kundizzjoni li jrid ikollok persentaġġ ta’ programmar bil-Malti, li jkollok liċenzja li tħeġġeġ il-mużika bil-Malti,” qal Aquilina.

Bay Radio
Jikkonċentra fuq diski rrekordjati bl-Ingliż minn Maltin u barranin għax mill-istħarriġ li jagħmlu regolarment is-semmiegħa jippreferu mużika bl-ilsien Ingliż. Jiddependi jgħaddux għall-playlist li jagħżlu kull ġimgħa.

XFM 100.2
Hi politika ta’ l-istazzjon li jdoqq biss diski lokali bil-lingwa Ingliża. Ma teżistix regola ta’ kemm jindaqqu fis-siegħa. Ma jdoqqx diski bil-lingwa Maltija għax iħoss li l-orjentazzjoni ta’ diski mhix kompatibbli mal-ħoss ġeneriku ta’ l-istazzjon.

Malta’s Magic
Fuq l-istazzjon tissemma’ b’mod regolari matul mużika ta’ artisti Maltin bl-Ingliż il-ġurnata imma ma jdoqqx diski bil-lingwa Maltija.

Super 1 Radio
Mużika ta’ produzzjoni jew lingwa Maltija tindaqq kull nofs siegħa fi programmi magażin li għandhom taħlita ta’ mużika. Hemm ukoll żewġ programmi dedikata għall-għana u għall-baned.

Smash Radio
Il-mużika Maltija tindaqq darba jew darbtejn f’siegħa imma mhemmx regoli. Id-diski Ingliżi xorta huma priorità minħabba l-istil ta’ diski li jdoqq l-istazzjon.

Radio 101
Ġeneralment jindaqqu żewġ diski Maltin jew diski bl-Ingliż kantati minn Maltin kull siegħa. Hemm preferenza għall-mużika bil-lingwa Ingliża għax din hi l-aktar popolari mas-semmiegħa.

Calypso Radio
Idoqqha darbtejn f’siegħa imma mhix regola. Ġieli preżentatur idoqq iktar u ġieli xejn. Imbagħad hemm programm darbtejn fil-ġimgħa li jdoqq speċifikament mużika bil-Malti.

RTK
Għandu politika fejn tindaqq mużika ta’ kull ġeneru b’taħlita bejn il-lingwi kollha inkluża dik Maltija. Jagħti importanza lit-talent Malti.

 

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075