MediaToday

Aħbarijiet | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

“Il-Mepa Qorti tal-Kangaroo”
l-Imħallef Joe Galea Debono

Julia Farrugia

“Il-Mepa Qorti tal-Kangaroo,” huma fost il-kliem ibsin użati mill-Imħallef Joe Galea Debono fil-konfront ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar f’kawża li fetaħ bħala ċittadin komuni, flimkien ma’ aktar minn 30 persuna oħra.
Il-każ hu dwar żvilupp quddiem blokka appartamenti fiż-Żebbuġ, Għawdex, li hi proprjetà ta’ l-Imħallef Galea Debono u ta’ numru ta’ persuni oħra.
Fix-xhieda tiegħu f’Diċembru li għadda l-Imħallef Galea Debono semma numru ta’ irregolaritajiet fosthom kif applikazzjoni li kienet qed tidher bħala invalida ġiet valida u kienet qed tiġi proċessata xorta waħda.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, Dr Galea Debono sostna “Mela hawn kien hemm diġà nuqqas serju min-naħa tal-Planning Authority li jista’ jiżvijja serjament lit-third parties għal dak li hu interessi tagħhom billi konsistentament għal sena sħiħa qed juri li din l-applikazzjoni hi deemed to be invalid u fl-istess waqt, fl-istess ħin, Alla jbierek, kien ilha qed tiġi proċessata sa meta ndunajna f’Ottubru 2005, sa minn Jannar ta’ dik is-sena.”

L-Imħallef Galea Debono jsemmi aktar irregolaritajiet fosthom kif il-Mepa f’avviż li ħarġet fil-gazzetta The Malta Independent kienet indikat li l-iżvilupp se jsir fiż-Żebbuġ, Malta meta fil-verità kien se jseħħ fiż-Żebbuġ Għawdex.
“Dan ukoll nuqqas kbir fl-opinjoni tiegħi, anzi fatt dan, tal-Planning Authority li suppost tagħmel l-affarijiet tagħha sew, toħroġ avviż li hu propju intiż biex it-third parties ikunu alerted għal xi żvilupp, proprju toħorġu u dan mhux żball ta’ triq jew numru ta’ triq, imma minflok gżira tirreferi għaliha bħala żvilupp ġo gżira oħra,” saħaq fix-xhieda tiegħu Dr Galea Debono.
Fil-Qorti ħarġu aktar punti. L-Imħallef semma punt ieħor fejn il-Mepa ittrattat ħażin liċ-ċittadin. Dr Galea Debono sostna li hu u l-persuni l-oħra kollha, permezz ta’ l-avukat tagħhom, bagħtu ittra lill-Mepa u talbu investigazzjoni mill-Awtorità biex tistabbilixxi min kien responsabbli għal dawn l-abbużi, jekk hux il-fizzjal li għandha l-Mepa f’Għawdex jew hux xi ħadd ieħor.
“Din l-ittra l-avukat tagħna Dr Alfred Grech kien ikkupjaha lill-Prim Ministru, ikkupjaha lill-Ministru George Pullicino, lill-perit responsabbli mill-Mepa, lill-Ministru għal Għawdex u lil diversi awtoritajiet oħra,” sostna l-Imħallef Joe Galea Debono.
Fix-xhieda tiegħu l-Imħallef implika affarijiet aktar serji, fosthom il-korruzzjoni.
“Il-Mepa, mingħajr ma tatna sodisfazzjon ta’ xejn, lanqas risposta ta’ l-ittra tagħna… issa din kienet ittra lil nies li jaħdmu mal-Mepa, jekk mhux b’korruzzjoni, b’negliġenza jew traskuraġni grossolana, imma lanqas biss risposta fuqha din, assolutament!”
L-Imħallef Galea Debono jsemmi persuni b’isimhom u jagħmel mistoqsijiet serji. Galea Debono qal li dwar dan il-każ partikolari l-case officer tal-Mepa ra l-applikazzjoni oriġinali u rrakkomanda li l-iżvilupp ma jsirx u fost ir-raġunijiet li ġab kien hemm li dan l-iżvilupp hu barra miż-żona ta’l-iżvilupp u xi raġunijiet oħra.
Imbagħad l-Imħallef Galea Debono rrimarka kif l-applikazzjoni ta’ l-iżvilupp kienet iffirmata mill-Perit Joseph Bondin li apparti milli jaħdem Malta ġie tqabbad jaħdem f’Għawdex u fl-istess ħin kien iservi fuq diversi bordijiet tal-Mepa.
“Sur Maġistrat, hi ħaġa serja ħafna…. Għaliex? Għax kif taf forsi s-Sinjura tiegħek illum il-Mepa l-ewwel ikollok il-case officer li jara l-applikazzjoni oriġinali u dan jirrakkomanda jew ma jirrakkomandax favur l-iżvilupp.
“Imbagħad tmur quddiem id-DCC. Id-DCC, Sur Maġistrat, illum il-ġurnata, jien ngħid ħażin ħafna, huma komposti minn erba’ DCC’s jew tlieta. Huma komposti mhux in gran parti imma parti sostanzjali minn periti eżerċenti l-professjoni libera li għandhom naturalment l-interessi tagħhom bħala periti li, jekk jista’ jkun, jibnu Malta kollha għax minn hemm iridu jgħixu dawn, good luck to them.
“Però mhux biss, illi jista’ jkun hemm każijiet u jekk wieħed jaqra r-rapport ta’ l-awditur riċentament li qed joħroġ u jiġi serialized fil-gazzetti tal-Mepa stess dawn il-każijiet mhumiex daqshekk remoti li jiġru li perit li qiegħed membru tad-DCC A, ikollu applikazzjoni ta’ perit ieħor li qiegħed membru tad-DCC B. Scratch my back and I scratch yours. Jien ngħaddilek tiegħek u inti għada tgħaddili tiegħi meta jiġu quddiem xulxin. U din qed nagħmilha bl-ikbar serjetà din l-allegazzjoni, Sur Maġistrat.”
L-Imħallef ikompli hekk: “Iktar ’il quddiem imbagħad nagħmlu l-provi fuq dan il-perit partikolari x’karigi kellu u ma kellux. Wara ma baqax membru tad-DCC però sar membru ta’ xi Cultural and Heritage Preservation body oħra li tagħti pariri lill-Mepa.
“Jiġifieri anke hawn, din tal-Mepa li taħdem bil-periti privati fuq diversi bordijiet li għandhom interess kif ngħid jien jizviluppaw jekk jista’ jkun kull biċċa art u kull biċċa baħar li hawn madwar Malta, ikunu qed jagħmlu d-deċiżjoni f’min jibni u ma jibnix b’dan il-mod. Din hi waħda mill-affarijiet li fil-fehma tagħna tinkwadra ruħha f’abbuż taħt artikolu tal-Liġi 469 A li tagħti lok serju, illi din il-prattika għandha tinqata’ u definitely dan hu każ minnhom fejn dan il-Perit Joseph Bondin hu ċertament parti in kawża, qiegħed fil-fatt jiġġudika fuq dawn il-bordijiet.”

Intriċċi u Qorti
tal-Kangaroo
L-Imħallef Joe Galea Debono isejjaħ dawn il-ħatriet bħal intriċċi u fix-xhieda tiegħu sostna hekk: “Aħna qatt ma nistgħu nkunu ċerti minħabba dawn l-intriċċi li hemm ta’ periti privati jaħdmu fl-interessi ta’ xulxin, jappoġġaw lil xulxin, u d-DCC all powerful, u x’se jagħmel ma nafx. Jiġifieri aħna l-unika garanzija li għandna l-fiduċja fiha hi l-Qorti għax meta tmur hemmhekk it’s a Kangaroo Court.”
Dr Galea Debono argumenta li fil-Mepa “La tkun taf x’qed jgħidu, ipoġġuk hemm isfel. U apparti dan, l-isbaħ waħda hi din: fin-notice jgħidlek ‘intom ma tistgħux tagħmlu representations.’ Mela jien allura fejn se mmur hemm?! Liema Qorti u liema tribunal kważi gudizzjarju jgħidlek a priori li ma tistax titkellem u tesprimi l-oġġezzjoni tiegħek? Din farsa!”

L-esperjenza ta’ l-Imħallef fil-Mepa
Fil-Qorti l-Imħallef Joe Galea Debono irrakkonta l-esperjenza tiegħu fil-Mepa u sostna li wara li għamlu xi sagħtejn jistennew, mar fuqhom l-avukat tal-Mepa u qalilhom li l-kawża ġiet differita.
“Għidnielu, ‘Ilna hawn sagħtejn ma tgħidilniex li differita! Għax ovvjament irċevew il-mandat. Jiġifieri daqshekk jistmawhom lin-nies dawn. U tarahom qed jipproċessaw applikazzjonijet oħra, igedwdu bejniethom, min qiegħed hemm isfel ma jisma’ xejn u erġajna ġejna qisna pre 1934 meta l-kawżi kienu jsiru bit-Taljan u l-povru Malti kien ikun hemm isfel u ma jisma’ xejn … din il-mod kif qed nimxu dawn it-tribunali kawżi ġudizzjarji.”

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075