MediaToday

Sports | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

Mit-toroq ta’ Tas-Sliema għal eroj f’Old Trafford

Kont ili nipprova ħafna biex lil Michael Mifsud nagħtih l-ispazju mistħoqq f’dawn iż-żewġ paġni. L-aħħar darba li kien hawn Malta kien impenjat wisq u ħarabli. Din id-darba ċempiltlu l-għada li skorja ż-żewġ goals f’Old Trafford biex nifraħlu u fl-istess waqt nitolbu ftit ħin biex malli jerġa’ jkun Malta niltaqgħu. Michael wegħidni li se jkun disponibbli.
U hekk kien. Iltqajt miegħu t-Tnejn li għadda wara nofsinhar f’kafetterija f’San Ġiljan. It-traffiku tal-bidu tal-ġimgħa kien kiefer wisq. It-triq li fi bnadi oħra nagħmilha fi kwarta għamiltha f’aktar minn tliet kwarti. Filwaqt li nsuq biex nasal ninkwieta li b’dan ir-rittmu ta’ fekruna kien se jasal qabli.
Ix-xorti ġiet favuri fil-parkeġġ. Inħares lejn il-punt fejn konna mitehmin. Nieħu r-ruħ hekk kif ma narahx. Inċempillu biex ngħidlu li kont wasalt. Michael jiskuża ruħu għax inqabad fit-traffiku. Ngħidlu li ma ġara xejn u li kont se nibqa’ nistennih fil-post mifiehem. Għamiltha ta’ bir-ruħi li kont ili hemm…
Wara ftit tal-ħin nisma ismi ġej minn naħa xellugija b’leħen irqiq. Nieħu r-ruħ hekk kif narah riesaq lejja. Jgħidli li ma jistax idum għax suppost li kien diġà qiegħed f’post għal appuntament ieħor. Inwiegħdu li kelli biss xi ftit mistoqsijiet x’insaqsih… eżattament xi 25 waħda. Inpoġġu bil-qiegħda u nibda bil-mistoqsijiet tiegħi. Jirrispondihom kollha f’inqas minn 25 minuta!
Michael jemmen li għadu l-istess bniedem ta’ darba bl-istess karattru ta’ meta mess għall-ewwel darba f’ħajtu l-ballun b’saqajh fit-toroq ta’ Tas-Sliema.
“Naħseb li jien bniedem allegru u dejjem b’daħka fuq wiċċi. Niġġudika lili nnifsi bħala persuna li tieħu pjaċir fil-kumpanija tiegħi. Michael Mifsud, it-tifel tat-toroq ta’ Tas-Sliema ta’ 15-il sena ilu, għadu l-istess Michael Mifsud tal-lum, bl-istess daħka fuq wiċċu.”
Kienet frażi li laqtitni mmens. Minnufih jiġini f’moħħi nistaqsih x’jiftakar miż-żminijiet tat-tfulija tiegħu.
“Niftakar in-nies ta’ l-inħawi u l-ġirien li kienu joħorġu jgħajtu barra għax kont inħabbat il-ballun mal-faċċati tagħhom. It-toroq ta’ l-inħawi tiegħi huma ftit dojoq u kull karozza li kienet tgħaddi konna nwaqqfuha minħabba l-ballun. Kienu mumenti sbieħ u għad għandi memorji kbar tal-ħbieb tiegħi li kont nilgħab magħhom dak iż-żmien.”
Mit-toroq ta’ Tas-Sliema l-pass li kien imiss għal Michael kien li jingħaqad ma’ club. Ma setax jonqos li jkun Sliema Wanderers.
“Kont dħalt fin-nursery ta’ Sliema Wanderers fiż-żmien meta kont abbati. Kien hemm alla jaħfirlu s-sagristan Victor u darba staqsieni nkunx interessat li nidħol fin-nursery ta’ Sliema Wanderers. Jien kont għidtlu li nixtieq imma jkun aħjar li jitlob permess lill-mama u l-papa. Il-ġenituri kienu qablu ma’ din l-idea. Kien hemm alla jaħfirlu Ġużi Fava li ma ninsih qatt. Kien dan l-ewwel pass tiegħi fil-logħba tal-futbol bħala club.
“L-ewwel logħbiet tiegħi ma’ Sliema Wanderers jibqgħu mumenti sbieħ li ma ninsihom qatt. Ma nistax ma nirringrazzjax nies bħal Carmel Busuttil, Ernest Barry u Martin Gregory li għenuni ħafna fl-ewwel jiem tiegħi. Kienu l-aktar nies li emmnu fija minn tfuliti.”
Michael Mifsud hu Slimiż imwieled fis-17 ta’ April 1981. Hu t-tieni wild wara ħuh George ta’ 29 sena ta’ Alfred u Stella. Illum il-ġurnata jgħix Warwick l-Ingilterra u għarus lil Massielle Camilleri.
Filwaqt li niċċassa dirett f’wiċċu naħseb kemm setgħet kienet kbira l-qabża biex illum qed jilgħab f’dawn il-livelli ta’ l-Ewwel Diviżjoni fl-Ingilterra. Għal Michael li jilgħab f’pajjiż ieħor kienet ħolma li saret realtà.
“Il-ħolma tiegħi minn dejjem kienet li nilgħab futbol professjonali barra l-pajjiż. Għad għandi intervista ta’ meta kelli 10 snin ma’ Bob Higgins li kien kowċ fis-settur tal-Youths ta’ l-MFA. Dak iż-żmien kont għidtlu kemm kienet kbira l-ħajra li nilgħab f’pajjiż ieħor. L-Ingilterra nħobbha ħafna imma jekk nagħtu kas ikolli offerta mill-Italja ovvja li nikkunsidraha.”
Nistaqsih kif kienet ġiet l-ewwel opportunità biex jilgħab fil-Ġermanja ma’ Kaiserslautern.
“L-opportunità ġiet fuqi għax kont ġejt skawzjat minn mat-tim nazzjonali. Il-plejers li kont nilgħab magħhom fil-Bundesliga dak iż-żmien għadni fil-kuntatt magħhom sa llum u għadhom ħbieb tiegħi sew. Il-Ġermanja ma tantx fadalli ċans immur peress li l-Ingilterra nilagħbu darbtejn f’ġimgħa. Jekk insib ħin għall-vaganza fis-sajf nippreferi mmur x’imkien ieħor.
“Ma’ Lillestrom kien żmien sabiħ ukoll u rrid ngħid li minn dan il-pajjiż tgħallimt ħafna. In-Norveġja wieħed mill-isbaħ pajjiżi li qatt mort.”
Ftit taż-żmien ilu xi ħadd li jaf sew lil Michael kien qalli li jifhem u jitkellem sew biż-żewġ lingwi fejn għex għal xi żmien. Tiġini l-kurżità nsaqsih fuq dan.
“Bil-Ġermaniż iva. Veru li nifhem kważi kollox u fluwenti ħafna biex nitkellmu. In-Norveġiż nifhem ħafna minnu għax simili ħafna għall-Ġermaniż imma qatt ma kelli l-ħajra li nitgħallmu għax m’għandix bżonnu.”
Inkellmu fuq Coventry. Nistaqsih kif jara d-diskors li qal fuqu l-kowċ Ian Dowie li għad fadallu ħafna x’iżid fil-livell tiegħu u li tliet miljun lira anqas sieq waħda ta’ Michael meta ġie mistoqsi fuq il-prezz tiegħu.
“Irrid inkun sinċier u ngħid il-verità li hemm qabża kbira u enormi bejn il-futbol Malti u dak Ingliż speċjalment fil-pass tal-logħba . M’hemm l-ebda paragun.
“Ian Dowie qal dak id-diskors għax probabbilment jemmen li nista’ u għandi aktar potenzjal x’noffri. Jien bniedem li ma nixbà qatt nitgħallem u dejjem infittex li nitgħallem affarijiet ġodda. Nemmen li xi ħaġa hekk tkun fi bniedem għax naħseb li fil-futur se nibqa’ persuna li nkun nixtieq nitgħallem dejjem aktar milli naf.
Iva, il-coach kellu raġun għax fadalli ħafna x’nitgħallem. Il-quċċata ta’ plejer tintlaħaq ta’ 29 sena. F’dawk l-istadji plejer ikollu kollox, kemm esperjenza, kemm stamina u anki ħażen tal-logħba. Diskors bħal dak tieħu pjaċir kbir. Inħossni onorat li l-coach semma li ċifra bħal dik anqas hi biżżejjed għal sieq waħda tiegħi.”
Lil Michael nistaqsih xi jfisser li tkun meqjus bħala l-aqwa sportiv tal-mument.
“Kuntent ħafna li bħalissa qed nitiqes hekk imma nixtieq ngħid li jien bniedem normali bħal ħaddieħor. Hawn ħafna nies f’Malta li qed jagħmlu suċċess fix-xogħol tagħhom u jien qed nagħmel l-istess fix-xogħol tiegħi. Nissemma aktar għax forsi l-futbol hu passjoni għal kulħadd.”
Hu fatt magħruf li l-ġurnalisti m’humiex l-aktar nies ħbieb tiegħu fid-dinja. Lil Michael niftakru mistieden tiegħi fi programm fuq stazzjon tar-radju xi disa’ snin ilu. Dak inhar, li ħadd ma kien jobsor x’se jsir minnu, ukoll iddejjaq xi ftit jitkellem wara mikrofonu. Insaqsih għadux l-istess.
“Mhux idejquni imma bniedem ikun irid il-ħin liberu tiegħu u l-ġurnalisti kultant dan ma jifhmuhx. Wara l-logħba tal-Manchester United il-ġurnalisti għamlu xi tliet ijiem isegwuni sa spiċċajt ngħidilhom biex jiġu d-dar fejn noqgħod ukoll. Il-mobile ma waqafx bit-telefonati u l-messaġġi. Fl-aħħar tal-ġurnata ngħid li huma affarijiet sbieħ għax hi kollha pubbliċità għalija imma l-ħin tiegħi għal kwiet inkun nixtiequ wkoll. Din nies fix-xogħol tiegħek ftit li xejn jifhmuha.”
Lil Michael nurih sms li bqajt ma ħassartx mill-mobile tiegħi. Donnu nħasad kif ra li bgħatlu l-awguri anki Sandro Piccinini. Wiċċu jixhed ċertu sodisfazzjon.
Nipprova noħodlu minn rasu taparsi diġà naf liema se jkun il-club tiegħu wara Coventry. Ngħidlu biex jammetti li diġa’ għandu l-offerti. Fil-verità, jien għadni ma smajt xejn fil-konkret. Michael għadu l-istess bniedem intelliġenti li kien darba fiż-żmien tas-Sliema Wanderers.
“Ma nafx. Għidli ftit x’timijiet huma għax Michael Mifsud għadu ma jaf xejn u forsi int taf aktar minnu. S’issa għad m’hemm xejn ħlief paroli.
“Jien kont mort ma’ Coventry għax niftakar li Nicky Adams kien ġie jarani n-Norveġja u wara 10 minuti iddeċieda li jridni. Din kienet xi ħaġa li stimulatni aktar għax ħsibt li la riedni b’saħħa se jagħtini ċans żgur. U hekk kien. Li ridt kelli ċ-ċans li mmur ma’ Sheffield Utd imma hemmhekk fil-kampjonat Premiership kont naf li l-kompetizzjoni se tkun ħafna akbar. Ħsibt li ċ-ċansijiet ma kinux se jkunu daqshekk kbar u llum nista’ ngħid li għamilt l-aħjar għażla. Imma l-ħolma tiegħi hi li nilgħab fil-Premiership ikun liema tim ikun. Il-kampjonat Premiership inqisu bħala wieħed mill-aktar attraenti fid-dinja.”
Niftakar f’kumment li kien qalli ftit tal-minuti qabel li offerta mill-Italja ma jirrifjutahiex. Insaqsih kemm isegwi lit-tim favorit tiegħu, Inter.
“Mhux daqstant. Imma jien mhux bħal ħaddieħor u int taf x’jiġifieri. Qatt ma kont daqshekk iffissat fuq xi tim partikolari. Hu veru li l-Inter jogħġbuni ħafna kif jilagħbu imma kif taf inti stess minix xi wieħed li se noqgħod insegwihom kull ġimgħa. Qatt ma kont xi Interist fanatiku.”
Il-‘Mosquito’, hekk kif inhu magħruf fl-Ingilterra, jkellimni fuq il-club ta’ Coventry u r-relazzjoni tiegħu mal-partitarji.
“In-nies fil-club u l-partitarji ta’ Coventry l-veru tal-ġenn. Huma nies li nħobbhom ħafna u huma juruni rispett kbir. L-ambjent fit-tim hu wieħed eċċezzjonali u l-plejers bejnietna l-ħin kollu niċċajtaw. Qisna familja waħda kbira.”
Nistaqsih liema fl-opinjoni tiegħu kienu l-isbaħ esperjenzi fil-karriera tiegħu.
“Li lgħabt fil-Bundesliga hi esperjenza kbira. Imma naħseb li dik ta’ Old Trafford kienet l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti. Lgħabt quddiem 75 elf ruħ fi stadium bħal dak quddiem plejers li fil-futur se jkunu jiswew miljuni kbar ta’ liri. Kienet xi ħaġa li mhu se ninsieha qatt. It-‘Theatre of Dreams’ impressjonanti. L-emozzjonijiet tal-goals ma nistax niddieskrivihom għax m’għandix kliem għal xi ħaġa kbira bħal dik. Li jkollok ismek f’ħafna gazzetti Ewropej hi sabiħa wisq.”
Nilgħabha tal-prużuntuż. Kont naf li mistoqsija diffiċli imma staqsejtu xorta liema jaħseb li kien l-isbaħ goal li skorja minn tant.
“Diffiċli ngħidlek liema kien l-isbaħ goal għax fil-karriera tiegħi skurjajt ħafna. Pero’ wieħed mill-isbaħ għalija kien dak tas-sena l-oħra kontra Sheffield Wednesday meta qbadt il-ballun minn nofs il-ground.”
Nitkellmu fuq it-tim nazzjonali. Insaqsih kif jaħsibha fuq il-kowċ Dusan Fitzel.
“Coach tajjeb u coach żagħżugħ u allura nemmen li jista’ jifhimna aktar. Bħala tim qed nitgħallmu dejjem aktar u għamilna titjib kbir f’dawn l-aħħar snin. Fitzel kien strumentali biex daħħal fina aktar professjonalità.
“Nemmen li dan it-tim nazzjonali jista’ jasal safejn jaslu timijiet oħra. Fl-aħħar mill-aħħar aħna plejers ukoll b’differenza li ma twelidniex f’pajjiż kbir. Id-differenza tibqa’ li meta nilagħbu ma’ timijiet kbar ikollhom kull plejer ta’ klassi li aħna m’għandniex. Imma dan it-tim nazzjonali għandu qalb kbira u b’determinazzjoni kbira jista’ jasal ’il bogħod ħafna.”
Nitolbu jfissirli xi tfisser il-ħajja tas-sagrifiċċju.
“Jien għalija s-sagrifiċċju hu sodisfazzjon. Is-sagrifiċċji huma kbar ħafna. Jien għadni f’żogħżiti u rrid noħroġ u ngawdi imma ftit li xejn nagħmel hekk. Ma nistax noqgħod noħroġ u ndum barra. Irrid nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Niekol sew u nixrob ħafna ilma. Irrid nistrieħ sew ukoll. L-alkoħol għalija jeżisti biss f’okkażjonijiet uniċi imma s-sigarretti anki jekk inxommhom idejquni.”
Michael iħares lejn l-arloġġ. B’mossa ħafifa jurini li kien sarlu l-ħin. Iħoss li għandu jwassal ir-ringrazzjamenti u t-tislijiet tiegħu.
“Nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi. Inħossni onorat li kulfejn immur għandi r-rispett ta’ kulħadd. Kburi ħafna li jien Malti u li għandi l-poplu kollu warajja.
“Nixtieq ngħid grazzi kbira lil ommi u missieri għax kienu huma l-aktar nies strumentali f’ħajti. Ħadu ħafna paċenzja bija u li m’għamlux dan kollu miegħi, jien ma wasaltx s’hawn.”

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075