Carmelo Mifsud Bonnici | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50 Il-programm iħoll u jorbot1. Id-demokrazija hi avvanz fl-istorja taċ-ċiviltà. Mhix l-aħjar fost l-agħar. Hi verament l-aħjar. Il-punt determinanti u li jrebbaħ hu li d-demokrazija hi sistema politika organika. Sistema li hi għall-ġid tal-bniedem u, għax hi hekk, tibqa’ waħda ħajja, waħda li trid il-ħin kollu timxi inkella ma tibqax demokrazija, vuċi tal-poplu. Għalhekk hu evidenti li min iħobb din is-sistema politika jagħraf li jew se jkollu mexxejja li jżidu fil-kontenut u l-valur tagħha jew oħrajn li ma jinteressahomx u jħallu l-ġrajjiet jeħduha lura. 2. Demokrazija hi ħajja skond kemm wieħed jieħu ħsieb li jissudaha u jirfinaha. Dan ovvjament hu essenzjali għalina li, biċċa biċċa, qed nifhmu u napprezzaw li aħna fejn aħna u wasalna fil-pożizzjonijiet preżenti tagħna għax għandna din is-sistema. Mingħajr demokrazija ħajja u stabbli ma jkunx hemm ekonomija li tikber u tavvanza. Il-mekkaniżmu dirett u s-sigriet tagħha hu li mhix monarkija. Id-demokrazija tiċħad kull forma ta’ ideat li huma l-pedestall ta’ dawk monarkiċi. Mhix sistema fejn jiddeċiedi persuna waħdu, iżda ġabra ta’ nies. Mhemmx mexxej wieħed sakemm imut iżda hemm terminu politiku ta’ ħames snin jew inqas. 3. Mhux biss imma l-aġir ta’ min imexxi l-pajjiż qiegħed għall-iskrutinju tal-poplu u jaf li jrid iqis il-ġid tal-poplu u mhux il-kontra. Il-bidla politika mill-monarkija għad-demokrazija fl-Ewropa u fid-dinja kienet determinanti u għadha verament hekk. Il-ġid u l-paċi li d-demokrazija rnexxielha ġġib ħadd ma jista’ b’xi mod imerihom. Però s-sistema riedet u rnexxielha daqshekk proprju għax tkissret l-idea u l-kultura tat-tradizzjoni – dik li taħseb li mhemm bżonn li tbiddel xejn. Id-demokrazija, bil-formazzjoni naturali tal-partiti politiċi bażati fuq ideoloġija ċara, terġa’ ġabet magħha l-bżonn li dawn ikollhom programm tal-ħidma li beħsiebhom iwettqu. Mhux ideat f’ras xi ħadd iżda linja ċara u miktuba. 4. Il-monarkija ma kellhiex il-bżonn li tinforma lill-poplu x’beħsiebha twettaq għax ma kellhiex il-bżonn tal-kunsens popolari. Tagħmel dak li trid, meta trid u jekk hu fl-interess tagħha. Tmexxija li hi marbuta mal-fatt li l-bnedmin iridu jaċċettaw dak li jsir mingħajr forom ta’ kontroll jew kritika. Id-distinzjoni bejn forma ta’ Gvern u ieħor għalhekk hi qawwija. B’din id-direzzjoni l-manifest elettorali, il-programm, hu l-marka li tifred il-linja u fl-istess ħin jiggarantixxi d-demokrazija għall-kontra tal-monarkija. Qiegħed hemm miktub għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. 5. Jiggarantixxi li l-poter ma jkunx f’idejn persuna waħda iżda mifrux f’idejn oħra. Dan minnu nnifsu żied fl-importanza tas-sustanza u s-serjetà tal-kontenut ta’ dan id-dokument. Kiber iktar direttament l-għarfien li biex tibni l-pjani tiegħek trid li jkollok persuni li jifhmu x’inhu l-Istat, jifhmu l-kapaċitajiet u l-ħiliet tiegħu. Dokument miktub u fformulat minn bnedmin ta’ esperjenza, għaqal u għerf li jipproponu dak li jista’ jitwettaq u joħorġu bi proposti konkreti. Ħila li tħares ’il quddiem u tfassal fl-immaġinazzjoni dak li tikkalkula li tista’ twettaq. 6. Il-poplu jfittex dan id-dokument, jgħarblu u fuqu jqis jekk għandux jagħti fiduċja naħa jew oħra. Mhux biss, imma minnu jkun jista’ jagħraf jekk partit u ġabra politika għandhomx fi ħdanhom persuni ta’ sustanza jew le. Mhemm l-ebda dubju li mexxej politiku hu piż kbir fil-kalatura politika, imma daqshekk ieħor hi l-abbiltà li jdawwar ruħu bi bnedmin li kapaċi jiktbu u jsarrfu l-programm. Il-mexxej jikber fil-valur u fl-istima skond kemm għandu politiċi oħra miegħu li huma ta’ sens u sustanza u skond kemm ikun kapaċi jużahom fil-pożizzjoni t-tajba. Għax pajjiż jikber u jissoda fid-demokrazija meta hemm viżjoni ċara u sħiħa. 7. Fi klima politika li trid taqbad mill-ewwel in-nar ta’ l-aħħar jiem ta’ kampanja elettorali hu determinanti li nżommu quddiem għajnejna dawn il-lezzjonijiet sempliċi tal-politika. Partit jintagħżel minn ieħor proprju għax għandu mexxej tajjeb u programm politiku li jista’ jitwettaq. Ebda partit ma jista’ jaħrab minn dan billi jistampa dokumenti li ma jispiċċawx jew mimlija ritratti u li finalment m’għandhomx direzzjoni. Anzi hu mill-iktar ċar li meta jipprova jaħrab minn dan l-eżerċizzju jkun qed jixħet dehra ħażina fuqu nnifsu. |
FEATURES Iddawnlowdja l-features f'PDF
|
|