Emmanuel Micallef | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
Rajt Malta Tinbidel kien stqarr Herbert Ganado fi tliet volumi li kienu ħarġu xi żmien ilu. Ħafna minna llum jistgħu jikkonfermaw din il-bidla u l-bidla li seħħet minn żmien Ganado sa llum. Iżda dan ftakartu meta dan l-aħħar segwejt minn barra l-iżvolġiment tal-Konferenza Ġenerali ta’ union li suppost hi l-ikbar waħda f’pajjiżna. Kienet Konferenza Ġenerali tal-biki fejn meta tqis kulma sar u x’riżultat ħalliet, ikolli ngħid li b’dispjaċir wasalt għal konkluzjoni li ta’ min nikkunsidra li nippubblika ktieb u nagħtih l-isem ta’ Rajt il-Union Tiġġarraf!
Union li tiftaħar li tirrappreżenta ’l fuq sew minn 40,000 membru jmissha jkollha uġigħ ta’ ras jaqsam dwar il-post fejn tkun trid tlaqqa’ d-delegati tagħha. Ta’ l-inqas l-imseħbin iridu jkunu rappreżentati f’din il-laqgħa ta’ l-ogħla awtorità b’madwar 900 delegat. Kieku kellhom jattendu kollha kemm huma lanqas kienu jsibu spazju biżżejjed għalihom fit-teatru tal-kwartieri fejn issejħet il-laqgħa.
Iżda t-teatru baqa’ fil-biċċa l-kbira battal – tliet kwarti tas-siġġijiet vojta! B’200 delegat preżenti r-rappreżentanza ta’ l-imsieħbin tiffigura 10,000 membru. U għal ġieħna 4,000 minnhom issieħbu fl-aħħar sentejn skond il-Kap ta’ din il-Union. Iż-żinnata tas-seklu! Ngħid jien, jekk il-maġġoranza assoluta tad-delegati ma attendewx għal din il-laqgħa tant importanti fil-kalendarju ta’ l-union, mhux għax tilfu l-fiduċja? Sew jekk għax tilfu l-interess, sew jekk għax għażlu l-passività u sew jekk riedu jipprotestaw jew jibbokkottjaw bagħtu messaġġ ċar li kellhom affarijiet iktar importanti x’jagħmlu u ma kellhomx ħin x’jaħlu!
Kienet konferenza fqira minn kull lat. Mhux ta’ b’xejn ma ngħatatx importanza fuq il-mezzi tax-xandir. Il-faqar deher anke fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment. Din id-darba ma ntagħżlitx sala moderna f’xi lukanda kif kienet l-użanza iżda ġie deċiż li kollox isir in-house b’għamara riċiklata u b’backdrop antikwat u ikkupjat. Xejn artistiku. L-ebda idea ġdida. Kollox monotonu.
Anke t-tema tal-konferenza kienet waħda fqira, ġenerika u ma taspira l-ebda viżjoni għall-futur imma biss tistqarr dak li hu ovvju għal min hu midħla fil-union: “Fl-Għaqda Nissaħħu!”
Mur obsor ħej! Donnhom riedu jfakkru lid-delegati li hemm bżonn jingħaqdu għax il-firda kienet qed tagħmel tagħha. Għalhekk kien stunat id-diskors li għamel il-President li tratta l-firda fi ħdan l-istess union, il-ġlied bejn l-uffiċjali tagħha u l-ħin li nħela fuq kwistjonijiet ta’ disgwid b’detriment għas-servizz lejn l-imsieħbin.
Il-President għamel diskors memorabbli. Għax ġedded il-memorja ta’ meta din l-union qabdet it-triq tan-niżla bi tkeċċija u r-riżenji wara xulxin ta’ l-uffiċjali u membri validi tagħha. Min dak in-nhar jidher li baqgħet ma ħaditx ruħ u għalhekk il-gwardjan ta’ l-istatut għażel li jagħmel dak id-diskors.
Il-President mhux biss ammetta li se jibqa’ mniżżel fl-istorja li l-presidenza tiegħu kienet karatterizzata minn inkwiet, disgwid u emorraġija interna imma saħansitra ddikjara li dan kien il-kaġun li ddeċieda jieqaf milli jkompli joffri wens u difiża lill-ħaddiema fi ħdan din l-union.
Imbagħad minn fuq idur fuq is-suċċessur magħżul tiegħu u jappellalu biex ikun differenti minnu ħalli meta jinqala’ għawġ intern ma jitkaxkarx minn naħa kontra oħra! Qisu ried jgħidlu “tgħallem mill-iżbalji tiegħi”. Kos, wara l-froġa kulħadd għaref!
Ma kienx il-President biss li ta xhieda ħajja ta’ kemm din l-union għandha bżonn tadotta u twettaq għaliha nnfisha s-slogan tal-partit laburista: “Bidu Ġdid” jew il-ħtieġa ta’ bidla fit-tmexxija.
Taħt l-iskuża tal-qari tal-minuti kien hemm min ried ifakkar fil-poter u s-saħħa ta’ l-uffiċjali ewlenin ta’ l-union u li min jazzarda jsemmi leħnu b’mod differenti jiġrilu bħal dawk li tkeċċew jew li ġew imġegħlin iparpru ’l barra.
Għaldarb’oħra l-qari tal-minuti servew biex jintqalu kummenti dispreġġattivi lejn eks uffiċċjali ta’ l-istess union u biex id-delegati jżommu f’moħħhom il-kapolavuri li jistgħu jitwettqu minn min jaħseb li hu militanti f’għemilu daqskemm hu fi kliemu.
Imbagħad kellna wkoll id-diskors ta’ l-uffiċjal ewlieni li suppost seraq l-attenzjoni tal-media. Iżda għal darb’oħra d-diskors kien wieħed fqir nieqes minn ħsieb ideoloġiku profond,ġabra ta’ repetizzjonijiet kważi skaduti. Viżjoni u direzzjoni ta’ xejn. Kummenti ġeneriċi. Xejn speċifiku. Kollox superfiċjali. Fl-ebda ħin ma ssemmiet proposta konkreta waħda li ressqet il-union għall-baġit li ġej jew dwar dak li suppost kien is-suġġett tar-riżoluzzjoni mressqa għall-approvazzjoni tad-delegati. Bħalikieku bi tnedija ta’ websajt se jitrażżan l-abbuż fis-suq tax-xogħol. Jew billi tibki t-telfa tal-kumpanija kummerċjali tal-ġarr tal-merkanzija se ġġib il-finanzi ta’ l-union fis-sod!
Apparti li r-riżoluzzjoni kienet imfassla u miktuba b’mod li ma tirrisolvi xejn. Kulma ntqal kien li l-union għad trid tara x’se tagħmel biex taħdem ma’ unions oħra u biex tara kif issib soluzzjonijiet għal forom ġodda ta’ kuntratti u kundizzjonijiet tax-xogħol li ilhom prattikati fl-Ewropa għexieren tas-snin.
Fi ftit kliem għaddew riżoluzzjoni biex jagħmlu dak li suppost għandhom jagħmlu u li unions Ewropej ilhom jagħmlu għal snin sħaħ. Ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ ħsieb kreattiv, ta’ inizjattiva ġdida jew ta’ xi pjan ta’ ħidma fit-tul. Din suppost hi l-union bi status ta’ istituzzjoni nazzjonali li tixpruna l-valuri u d-dinjità tal-ħaddiema fil-pajjiż. Ir-riżoluzzjoni bl-ebda mod ma rriflettiet din il-missjoni. Altru!
Ma fhimtx lanqas kif din id-darba ma pparteċipawx rappreżentanti ta’ unions barranin biex ta’ l-inqas kienu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar kif il-unions ħadu azzjonijiet f’pajjiżhom biex jilqgħu għall-mewġ ta’ żminijietna. Forsi l-union qiegħda fil-proċess li tnaqqas l-ispejjeż għax il-finanzi m’għadhomx fis-sod.
Ħasra li jum din il-union, fl-opinjoni tiegħi, ġie iċċelebrat b’dan il-mod fjakk u medjokri. Fuq dak li rajt nitħajjar noħroġ l-ewwel volum ta’ Rajt l-Union Tiġġarraf. It-tieni volum inħallih f’idejn il-ħabib tiegħi Charles Mizzi bil-pubblikazzjoni tal-ktieb: Din Mhux il-Union li Naf Jien!
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|