Ittri | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
Minn Jean Govè,
Birkirkara
Jiddispjaċini li ftit nista’ nsib fiex naqbel ma’ Dr Mark-Anthony Falzon fl-argumenti tiegħu biex l-Ingliż isir il-lingwa esklussiva ta’ l-akkademja Maltija
Naqbel li l-Malti, bħal-lingwi Ewropej, kien sempliċiment ħlejqa moderna, waħda mill-għażliet politiċi fil-ħolqien tan-nazzjon Malti. Imma jekk dan il-fatt b’xi mod jagħmel il-Malti ugwali għalina ma’ kull sistema oħra ta’ komunikazzjoni kemm iktar allura hu aljen għalina l-Ingliż li qatt ma kien xi mexxej Malti u lanqas il-poplu Malti li għażlu iżda li kien imponut minn ħakkiem barrani.
Jekk Dr Mark-Anthony Falzon jaħseb li hemm xi problema fis-soċjetà akkademika għax qed nitkellmu wisq bil-Malti jew għax qed nixorbu wisq minn għejun Maltin fl-istudji tagħna għandu jkun jaf li sejjer żball kbir għax il-problema hi pjuttost bil-kontra!
M’aħna qed nixorbu minn ebda għajn oħra ħlief dik Ingliża, jew aħjar Anglo-Amerikana u din ma ġġibx magħha biss problemi ta’ lingwa iżda wkoll problemi kulturali u professjonali, speċjalment fejn għandna rabta mal-Kontinent iktar milli ma’ l-Ingilterra.
Eżempju favorit, għalkemm żgur mhux uniku, hu l-każ tal-liġi Maltija mibnija fuq forom Kontinentali iżda li kontinwament imsoqqija u interpretata minn studenti u avukati li jkunu mgħarrfa iktar dwar is-sistema Anglo-Amerikana. Din xi ħaġa li twassal għal taħwid dejjem ikbar. L-akkademiku ma jieħu xejn billi jkun jaf l-Ingliż esklussivament, jew l-Ingliż aħjar mil-lingwi l-oħra. Anzi jitlef biss jista’.
Anki jekk wieħed jaċċetta li l-Malti hu sistema ta’ komunikazzjoni ugwali mat-tnejn l-oħra li semma Dr Mark-Anthony Falzon, jiġifieri l-Ingliż u t-Taljan, minn fejn ħareġ bl-idea li l-Ingliż għandu jkun speċjali? Għalfejn mhux it-Taljan, la m’għoġbux il-Malti? Forsi jemmen il-mit li l-Ingliż huwa l-lingwa internazzjonali, mit sfortunat speċjalment 50 sena wara l-waqa’ ta’ l-Imperu Brittaniku u wara t-tmermir kontemporanju ta’ l-imperjaliżmu ekonomiku u kulturali Anglo-Amerikan.
Jekk l-interess tagħna hu li nitgħallmu lingwa internazzjonali forsi jaqblilna nħarsu ’l quddiem lejn l-Imperi li qed jiżviluppaw, minflok lura lejn Imperi li waqgħu u f’dak il-każ nibdew nitgħallmu ċ-Ċiniż.
L-Ingliż mhuwiex lingwa internazzjonali. F’kull pajjiż li żżur ikollok bżonn għallinqas għarfien elementari tal-lingwa tal-pajjiż u l-Ingliż rari jservik b’mod komplet sakemm ma tibqax tħuf biss madwar il-lukanda.
Anki jekk bħala akkademiku imur ikompli l-istudji u r-riċerka tiegħu fl-Ewropa ftit jiswielu l-Ingliż. Fil-Ġermanja jkollu jitkellem, jgħallem u jikteb bil-Ġermaniż. Fl-Italja bit-Taljan. Fi Franza bil-Franċiż. Nistgħu nibqgħu sejrin hekk.
Imma ningħaqad mal-Prof. Manwel Mifsud billi ngħid li din mhix kwistjoni ta’ lingwa fuq oħra. Ftit issib studenti li għandhom livell eċċellenti f’lingwa waħda b’detriment għal-lingwi l-oħrajn. Ġeneralment min ikun tajjeb fil-lingwi jkun tajjeb fil-lingwi kollha u min ikun batut fihom ikun batut f’kollha. L-ideal għall-akkademiku lanqas mhu l-bilingwiżmu iżda l-multilingwiżmu.
Argumenti li jipproponu l-esklussività ta’ l-Ingliż fil-fehma tiegħi m’għandhom l-ebda bażi jew oriġini utilitarja anki jekk tali bażi utilitarja m’għandhiex tkun biżżejjed għar-riforma kulturali li qiegħed jipproponi Dr Mark Anthony Falzon.
Dawn l-argumenti huma biss frott ta’ serviliżmu nostalġiku pro-Ingliż, li la jagħmel ġid u lanqas għad fadallu post fil-politika lingwistika ta’ l-Università u mkejjen oħra.
Nieħu gost għaldaqstant li l-Università ta’ Malta ddeċidiet li fis-sit tagħha żżid verżjoni bil-Malti.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|