MediaToday

Ittri | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

Pożizzjoni ċara ħafna dwar id-divorzju

Minn Ralph Cassar,
Deputat Segretarju Ġenerali AD,
Sliema

Ma nistax nifhem kif Peppi Azzopardi għamel interpretazzjoni ħażina tal-pożizzjoni ta’ Alternattiva Demokratika dwar id-divorzju (Illum, 07/10/07). Il-pożizzjoni tagħna hi ċara u baqgħet l-istess: fil-Parlament l-AD A tressaq abbozz ta’ liġi dwar id-divorzju.
Aħna lin-nies adulti nittrattawhom ta’ adulti. Id-deċiżjonijiet dwar il-ħajja personali tagħhom inħalluhom f’idejhom. Min iż-żwieġ tiegħu spiċċa u issa qed jgħix ma’ ħaddieħor, u anki jekk le, għandu d-dritt għal soluzzjoni legali offruta mill-Istat.
Il-pożizzjoni tagħna mhux bħal ta’ Lawrence Gonzi, li kulma qal hu li ‘forsi xi darba jsir referendum’ u malajr malajr żied ‘imma jekk Alla jrid ma jkollniex bżonnu.’
X’differenza! Il-PN hu kontra d-divorzju għax hu partit li jinqeda bis-sentimenti reliġjużi biex iġib l-appoġġ. AD tagħraf li hawn numru ta’ nies li għandhom bżonn din is-soluzzjoni legali u għaldaqstant fil-Parlament tressaq abbozz ta’ liġi biex l-Istat jirrikonoxxi d-divorzju ta’ żwiġijiet li jsiru Malta. L-ironija hi li divorzju ta’ koppji Maltin li żżewġu barra minn Malta hu diġà rikonoxxut f’Malta.
Il-pożizzjoni tagħna lanqas mhi bħal tal-Partit Laburista li qed jgħid li la s-soċjetà ċivili mhux qed tiddiskuti s-suġġett allura l-partit mhux se jieħu pożizzjoni. Din tmexxija ġdida fl-aħjar tagħha.
F’intervista riċenti lil din il-gazzetta ċ-Chairperson tal-partit tagħna, Harry Vassallo, qal li jekk il-parlament ma jivvutax favur liġi dwar id-divorzju l-unika triq li jkun fadal hi li l-kwistjoni titpoġġa għall-vot tan-nies permezz ta’ referendum. Din tkun l-unika triq demokratika possibbli jekk il-vot fil-Parlament ikun negattiv.
Naħseb hu ovvju għal min jaf kif taħdem id-demokrazija li AD ma tistax tisforza lill-Membri Parlamentari jivvutaw favur. Li hu żgur hu li membri parlamentari eletti f’isem AD jivvutaw favur liġi li jkunu ressqu huma stess.
L-uniku partit li għandu l-kuraġġ li jressaq abbozz ta’ liġi dwar id-divorzju għad-diskussjoni fil-Parlament hu AD. Il-PN żgur mhux se jagħmel hekk għax hu partit konservattiv b’mentalità mwaħħla fil-passat.
Il-Partit Laburista, minn naħa l-oħra, għalkemm isejjaħ lilu nnifsu Soċjalist, m’għandux is-sinsla biex jaqbad il-barri minn qrunu.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075