MediaToday

Ittri | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50

M’għandux l-iċken idea

Minn Helena Dalli MP,
Marsaskala

Fil-ħarġa ta’ Illum ta’ nhar il-Ħadd li għadda Lou Bondì kiteb li m’għandix interess dwar ix-xandir pubbliku. Ħafna jafu li fil-Partit Laburista jien għandi obbligu u jien kommessa mal-partit tiegħi li jkolli dan l-interess.
Allura jidhirli li għandi nkun jien li niddikjara li Bondì m’għandux l-iċken idea ta’ x’inhu jiġri f’dan il-qasam. Naturalment miniex bi biħsiebi nirrepeti dan fi kliem ieħor kull ftit linji, kif għamel hu, biex sottilment inġiegħel lil xi ħadd biex fl-aħħar jemmnu. Ma nħossnix li għandi l-iċken idea ta’ kif nimita lill-inimitabbli.
Dwar kemm jiswa programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq il-PBS Bondì jgħid li ċ-ċifra li kkwotajt jien mhix il-verità. Madankollu jieqaf hemm u ma jgħidx x’inhi il-vera ċifra. Għalhekk ikolli nammetti li m’għandix l-iċken idea għalfejn Bondì qed jiċħad dak li għidt jien filwaqt li ma jgħidx il-fatti, għallinqas, skond ma jafhom hu.
Imbagħad Bondì jagħmel riferenza għall-argument tiegħi billi jgħid li programm jirrikjedi ħafna aktar spejjeż milli indikajt jien. Donnu m’għandux l-iċken idea dwar il-fatt li fost l-impjegati diġà salarjati fil-PBS hemm minnhom li għandhom l-akbar idea dwar kif programm għandu jkun organizzat. Fost in-nies li semma hu, pereżempju camerpersons, edituri eċċ, dawn diġà huma mpjegati mal-PBS u għandhom jissaħħu.
Il-poplu Malti permezz tat-taxxi xorta qed iħallas għas-servizzi ta’ dawn in-nies mingħajr ma jkunu motivati. Mhumiex jitħallew jagħtu l-esperjenza, il-ħiliet u l-potenzjal kollu tagħhom billi jaħdmu fuq programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.
Oħrajn, ukoll b’ħafna esperjenza fix-xandir, qegħdin f’xi dipartiment tal-Gvern fejn mhux qed jużaw il-ħiliet li huma mħarrġin fihom. L-investiment li sar f’dawn il-ħaddiema tul is-snin hu mitluf.
Għaldaqstant mhux talli mhux kif qed jgħid Bondì li “għal Dalli dawn il-ħaddiema... ma jiswewx ċenteżmu wieħed” imma talli l-problema hi li bil-mod kif inħadmu l-affarijiet, dawn qed jiswewh id-doppju lill-poplu Malti.
Minbarra l-ħlas tagħhom issa hemm ukoll l-ispiża tal-kuntratturi li qed jagħmlu xogħol li jistgħu jagħmlu dawn il-ħaddiema jekk ikun hemm ir-rieda li dawn jingħataw l-opportunità.
Min għandu l-iċken idea ta’ baġit jaf li għandek aktar probabbiltà timxi ’l quddiem u tagħti lill-poplu valur għal flusu jekk issaħħaħ it-tajjeb li għandek u tneħħi l-ispejjeż doppji.
Kif għedt fl-intervista tiegħi, il-ħaddiema tal-PBS se jingħataw motivazzjoni u xogħol u flimkien magħhom inżidu l-ħiliet meħtieġa ta’ nies li bħalissa qegħdin barra l-PBS u anki barra s-settur pubbliku u li hemm post għalihom ma’ l-istazzjon nazzjonali.
L-emozzjoni politika ma ħallietx lil Bondì, lanqas biex jikteb ittra. Ħalliha tikkmandah billi għamel riferenza għall-bidu ġdid tal-MLP. Allura jkollna ngħidu li m’għandux l-iċken idea ta’ distanza partiġġana politika?
Suppost jaf li mhux professjonali li jidħol f’dibattitu politiku partiġġan. Imma kemm-il darba jiżloq hawnhekk bħal meta minn preżentatur spiċċa jiddibatti meta fil-programm kien stieden lis-Segretarju Edukattiv tal-Partit Laburista Wenzu Mintoff.
Fl-ittra tiegħu Bondì reġa’ tefa’ l-ġebla fuq saqajh u ħa pożizzjoni politika anti-Laburista.
Irrid nagħlaq b’nota pożittiva. Bla dubju Bondì mhux sempliċement l-iċken espert fix-xandir. Dan hu ppruvat mill-fatt li l-ewwel il-bord editorjali ħallih barra u wara reġa’ daħħlu l-bord tad-diretturi għax indunaw x’diżastru kien se jsir fil-PBS mingħajru.
Mhux hekk biss. Wara li wrew nuqqas ta’ apprezzament u gratitudni lejn Bondì riedu jikkumpensawh doppjament għal dan l-iżball billi jippermettulu jagħżel il-ġurnata tal-programm tiegħu. B’hekk innutajt li l-bord tal-PBS kapaċi juri umiltà lejn min, wara kollox, għandu l-aqwa idea dwar ix-xandir u l-ogħla rispett għall-ġustizzja.
Ma nafx jekk għandix l-iċken idea, imma jista’ jkun li għax ninsabu viċin elezzjoni ġenerali l-bord tad-diretturi, bil-kontra ta’ dak li jaħsbu tal-bord editorjali, imponew li l-programm isir għax m’hawnx min bħal Bondì biex imexxi kwistjonijiet poltiċi.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075