Intervista | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
Julia Farrugia tintervista lil Victor Carachi, President tal-GWU
Victor Carachi dejjem nafu bħala bankier prim. Fiż-żmien li kont naħdem il-Mid-Med Bank u aktar tard l-HSBC, Victor kien il-punt ta’ referenza għal mijiet ta’ ħaddiema għax kien wieħed mir-rappreżentanti trejdunjonistiċi tal-GWU.
Illum il-ġurnata Victor Carachi hu senior manager audit and compliance ta’ l-istess bank imma kompla jissiġilla l-imħabba tiegħu fil-kamp trejdunjonistiku.
Nhar il-Ġimgħa Carachi inħatar bħala l-president il-ġdid tal-GWU u fl-età ta’ 48 sena se jkun imexxi l-akbar trade union f’pajjiżna.
“S’issa l-ħsieb hu li nibbilanċja bejn il-karriera tiegħi bankarja u r-rwol il-ġdid tiegħi fil-GWU,” jgħid Carachi.
“Kelli warm congratulations mit-tmexxija tal-HSBC fosthom mill-Kap Eżekuttiv. Mat-tmexxija tal-HSBC għad irrid niddiskuti l-futur tiegħi fil-bank imma jien dik hi x-xewqa tiegħi, li nibqa’ naħdem hemm għax hu x-xogħol li ili fih sa mill-1978,” jistqarr il-President tal-GWU.
Is-siġġu ta’ President ta’ Union hu wieħed li miegħu iġib ċerti piżijiet. X’inhuma l-akbar sfidi għall-General Worker’s Union?
Fi kliemu din it-tweġiba tista’ tinqasam fuq tliet binarji: “il-core services hi waħda minnhom. Fis-suq tax-xogħol hemm bidliet u sfidi kbar fosthom il-kuntratti għal żmien definit, it-teleworkers u oħrajn.
“Hemm punt importanti ieħor: il-union mhux se tkun l-union tal-membri biss imma se tkun l-union tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom. Diġà qed noffru servizzi b’xejn u oħrajn sussidjati ta’ psikologi, avukati u dan apparti l-membership discount scheme.
“Imbagħad hemm it-tielet sfida: il-GWU se jkollha management infrastrutturali biex tapplika u timplimenta dan kollu,” jispjega Carachi.
Din tal-management tinħass kontinwament tul l-intervista. L-isfond bankarju u t-trawwim ta’ Carachi fil-ħajja personali tiegħu jagħtuk sensazzjoni li se jilagħbu rwol importanti fil-mod ta’ kif fix-xhur li ġejjin se jimbotta lill-GWU.
Nistaqsieh speċifikament dwar il-motto li beħsiebu jaddotta.
“Dak li niddeċiedu li nagħmlu se nwettquh. Il-GWU se tkun union dixxiplinata u dinamika,” iwieġeb fil-pront ir-raġel.
Għajnejh kaħlanija jittrasmettu ċerta mistħija, forsi għax l-ewwel intervista li qed jagħti, imma r-raġel jammetti li għad irid isib saqajh u jieħu handover sew tal-kariga ġdida li għadu kemm ħa.
Il-President il-ġdid tal-GWU kif jaħsibha dwar il-problemi interni li għaddiet minnhom il-union inkluż l-emorraġija li seħħet bit-tluq ta’ ħafna segretarji tat-taqsima u uffiċjali oħra?
“Insomma, irridu nikkwantifikawha l-kelma ‘ħafna’,” jirrispondi Victor Carachi.
Nargumenta li ħames riżenji minn flotta ta’ 1,000 ruħ mod imma ħames riżenji minn fost 10 persuni tħalli impatt akbar.
“Ftit ilu kien hemm riżenja mis-CMTU u anke f’union oħra iżda għajnejn in-nies dejjem fuq il-GWU,” iwieġeb Carachi.
“Iva, veru kellna dawn ir-riżenji. Imma f’dawn l-aħħar sentejn ukoll l-union issaħħet b’4,000 membru ġdid. Riżenji jfissru demm ġdid ukoll u dan jgħin f’kull tip ta’ tmexxija.
“Jiddispjaċini li ġara hekk Imma rridu nkomplu għaddejjin u nħarsu ’l quddiem.”
Inwaqqfu għal ftit u nistaqsih fuq l-4,000 membru ġdid li qal li ssieħbu fil-GWU. Isir awditjar ta’ dawn il-figuri?
Jgħid li ma jafx. Nagħtih il-benefiċċju tad-dubju għall-fatt li ilu fil-kariga ftit siegħat biss u ngħaddu għal argument ieħor.
U l-leakages li kellha l-GWU tul l-aħħar xhur? Il-ġurdien inqabad?
Jistqarr li l-kelma ġurdien iddejqu.
“Fl-opinjoni tiegħi din naqset ħafna. Business as usual. Din hi fażi li għaddiet, definittivament. Naqset ħafna. Kważi spiċċat,” jinsisti.
X’se jkun ir-rwol tal-GWU mal-Partit Laburista u mal-partiti politiċi l-oħra? Lil Victor Carachi jdejqu l-fatt li ħafna nies għandhom perċezzjoni li l-GWU dejjem spalla ma’ spalla mal-MLP?
“Aħna ħa nippruvaw inżommu relazzjoni tajba ma’ kull partit politiku. Għandna l-aġenda tagħna u se nimbuttawha f’ġieħ u favur il-membri tagħna u l-familji kollha tagħhom,” isostni Carachi.
“Imma dwar li għidt m’hemm xejn differenti minn dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra, fosthom fl-Ingilterra. Hemm delegati ta’ l-union li huma delegati fil-Labour Party Ingliż. Hemm min jikkontribwixxi finanzjarjament ukoll.
“Din mhix xi ħaġa li qisha tiġri only in malta.com!” ikompli jargumenta l-President il-ġdid.
Nistaqsieh jekk il-GWU taġixxix bl-istess mod taħt Gvern Laburista bħalma qed tirreaġixxi taħt il-Gvern preżenti.
U hawn joħroġ il-lat l-ieħor tat-trejdunjonista. Ir-raġel jidher li se jkun il-wiċċ moderat ġdid ta’ din il-union.
“Skond iċ-ċirkustanzi nieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn. Għandna naraw li strajk ġenerali jkun l-aħħar riżorsa. Għandna nimbuttaw l-ideal tal-peace to strength,” iwieġeb Carachi.
Inkompli nimbuttah fuq dan l-argument. Jaqbel mal-kunċett ta’ l-union li tinżel fit-toroq?
“Il-protesti jsiru kullimkien. Il-protesti għadhom validi sa llum. Naqbel ma’ protesti fit-toroq dejjem jekk dawn ikunu temi nazzjonali. Imma jien l-ewwel ninsisti fuq id-djalogu,” itenni għal darb’oħra r-raġel.
Għall-President il-ġdid tal-GWU l-akbar problemi bħalissa għall-ħaddiema Maltin huma l-qagħda ekonomika tal-pajjiż u l-implikazzjonijiet kollha li din iġġib magħha.
“Dan l-aħħar kellna żewġ statistiċi interessanti, apparti s-surveys li tagħmlu intom stess u li jindikaw l-istess affarijiet,” jispjega Carachi.
“L-għoli tal-ħajja hu fuq moħħ il-ħaddiema kollha. Kellek inflazzjoni ta’ 1.83% fejn għolew prodotti u ikel essenzjali. Kellek statistika li turi li fl-Ewropa l-pagi żdiedu bi 3.3 fil-mija meta f’Malta kienet biss ta’ 0.3 fil-mija. Dan qed juri biċ-ċar li kellek ħafna setturi bil-pagi tal-ħaddiema ffriżati,” jgħid Carachi.
“Jien mhux se ngħidlek inħarsu lejn iċ-ċifra ta’ 31.6 fil-mija żieda fil-pagi tal-Latvja imma ċertament il-figura ta’ Malta mhix xi figura li nistgħu niftaħru biha. Din hi figura baxxa ħafna.”
Il-President tal-GWU iwieġeb mistoqsijiet dwar il-ħidma tal-union fil-kuntest modern tad-dinja tax-xogħol fejn ħafna ħaddiema qed jingħataw kuntratti li jiġġeddu minn xahar għal xahar.
“Għidli kif ħaddiem li jkollu kuntratt li jiġġedded minn xahar għal xahar jista’ jasal għal livell ta’ stabbiltà f’ħajtu. Kif jista’ jieħu self mill-bank pereżempju? Aħna qed nimbuttaw li dawn it-tip ta’ xogħlijiet ikunu regolati,” jinsisti r-raġel.
B’sens ta’ fiduċja Carachi jqabbel din l-isfida ma’ sfidi simili fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema part-time.
“Ir-regolamenti li jirregolaw lill-part-timers tjiebu grazzi għall-GWU,” iżid il-President ta’ l-Union.
Indawwar l-argument fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-General Workers’ Union.
Il-GWU tilfet il-Cargo Handling u din wasslet għal daqqa ta’ ħarta finanzjarja. X’inhi t-triq ’l quddiem?
“Iva, kienet daqqa ta’ ħarta. Ma nafux x’kien hemm warajha din id-deċiżjoni. Il-Gvern seta’ faċilment innegozja ċ-charges. Wara kollox jekk kien hemm monopolju dan baqa’ hemm,” isostni Carachi.
“Issa l-GWU qed tuża r-riżorsi tagħha kollha, kemm il-flus kontanti kif ukoll l-assi l-oħra li għandha inkluż il-proprjetà. Barra minnhekk qed naraw li nżommu l-ispejjeż kemm jista’ jkun baxxi,” jispjega.
Imma minn x’imkien irid jiġi d-dħul.
“Għandna l-Untours, l-Unionprint, il-miżata li jħallsu l-membri. Dawn kollha jridu jintużaw tajjeb u aħjar.”
Nistaqsieh jekk l-Union hix qed tidħol fil-bejgħ u xiri ta’ proprjetà.
“Iva, proprejtà inkluża.”
Barra minn Malta wkoll?
“Ma nafx ngħidlek għax għadni ma dħaltx fiha,” jirrispondi Carachi.
Inpoġġieh fix-xenarju li deħlin għalih: dak ta’ pajjiż fuq għatba ta’ elezzjoni ġenerali u hawn joħroġ argument ieħor.
“Aħna rridu naraw li l-aġenda tagħna tkun fil-manifesti elettorali. Jien qed naħdem ma’ organizzazzjoni wara kollox. Allura jekk il-Kunsill jiddeċiedi li niltaqgħu mal-partiti politiċi, allura iva, ma neskludix li jkollna laqgħat ta’ din ix-xorta,” iwieġeb.
Minn hawn tibda l-ħidma ta’ dan ir-raġel, missier ta’ żewġt itfal. Nitkellmu ftit fuq il-familja u jistqarr li ddiskuta mal-mara jekk għandux jidħol għal din l-isfida u l-ħidma ġdida.
“Jafu kemm inħobb il-union. Kien proċess kważi naturali. Imma, iva, ddiskutejtha mal-mara meta t-talba saret formali. L-importanti li bniedem jagħraf isib dak il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Dak li se nipprova nagħmel.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|