Il punt | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
L-istħarrig ta’ James Debono fl-Illum (16 ta’ Settembru) juri li 22 fil-mija jixtiequ żieda fil-paga, 18 fil-mija jixtiequ tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u 13 fil-mija jixtiequ tnaqqis fit-taxxi.
Fi kliem Debono: “l-ikbar għajta qabel il-baġit hi dik favur żieda fil-pagi. Din tista’ titqies bħala risposta għall-ħofra fil-but li ħallew numru ta’ miżuri fiskali li ttieħdu tul dawn l-aħħar tliet snin flimkien ma’ żieda fl-għoli tal-ħajja.”
Dan l-istħarriġ, flimkien ma’ stħarriġ ieħor li deher fil-MaltaToday fl-istess ġurnata, juri li ħafna Maltin qed jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ekonomija u s-socjetà.
Dan juri biċ-ċar li l-klassijiet soċjali u n-nuqqas ta’ ugwaljanza għadhom jeżistu sew.
Żminijietna – Leħen ix-Xellug temmen li l-baġit għandu jintroduċi miżuri biex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tal-ħaddiema u l-familji li qed jiffaċċaw realtajiet ħorox minħabba politika neo-liberali.
Ħafna familji qed ibatu minn stress ikkawżat minn sigħat twal ta’ xogħol għal paga baxxa, anki fost dawk li għandhom xogħlijiet relattivament stabbli. Barraminhekk, jeżistu forom ġodda ta’ sfruttar fuq ħaddiema mhux rappreżentati minn unions, ħaddiema part-time, ħaddiema fuq kuntratt u ħaddiema każwali fost l-oħrajn.
Il-baġit għandu jikkonfronta problemi li qed jiffaċċaw bosta kategoriji ta’ ħaddiema billi jintroduċi miżuri bħal żieda fil-paga minima, anki fuq xogħol imħallas bis-siegħa. It-taxxa fuq id-dħul u taxxi oħrajn għandhom jinbidlu biex jagħtu nifs lil min għandu paga baxxa jew medja.
Min-naħa l-oħra għandha tiżdied it-taxxa fuq is-sinjuri, fuq l-ispekulazzjoni tal-proprjetà, pereżempju mit-tielet proprjetà vojta ’l quddiem, u fuq kumpaniji li qed jagħmlu profitti barra minn normal bħall-banek u kumpaniji tal-logħob ta’ l-azzard, biex b’hekk ikun hemm iktar fondi pubbliċi li jistgħu jintużaw għal skopijiet soċjali.
Dawn il-miżuri għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri oħra li jsaħħu l-welfare state. Dawn għandhom jinkludu mhux biss benefiċċji soċjali iżda wkoll inċentivi, investiment akbar f’edukazzjoni għat-tfal, żgħażagħ, adulti u fir-riżorsi umani, investiment fis-servizzi ta’ gwida, u miżuri fil-qasam tax-xogħol ta’ benefiċju għall-familji, bħal żieda fil-leave tal-maternità, investiment fiċ-ċentri ta’ ħarsien għat-tfal u possibbiltà ta’ flessibiltà fil-ħin tax-xogħol b’għażla tal-ħaddiema.
Il-welfare state għandu jissaħħaħ biex jikkumpensa għall-inugwaljanzi u t-tbatijiet li jġib miegħu l-kapitaliżmu. Bosta gruppi soċjali huma vulnerabbli għal bosta inugwaljanzi u għalhekk jeħtieġu l-protezzjoni mill-welfare state.
Dawn jinkludu koppji f’koabitazzjoni li huma nieqsa minn bosta drittijiet speċjalment jekk nisa; single parents ġenwini, li jridu jagħmlu bilanċ bejn it-trobbija ta’ tfal żgħar u x-xogħol; u gruppi soċjali oħra inkluż dawk li jġorru inugwaljanzi magħhom meta jsiru pensjonanti. Qasam ieħor li għandu jiġi enfasizzat fil-baġit hu dak tal-housing.
Żminijietna temmen li għandu jkun hemm iktar fondi pubbliċi għall-housing soċjali li jista’ jintlaħaq minn nies komuni. Il-Gvern għandu jissussidja l-interessi tal-banek għal skop soċjali. F’dan ir-rigward, Żminijietna taqbel mal-proposti tal-Partit Laburista.
Pożizzjonijiet bħal dawk ta’ Alternattiva Demokratika, li sejħu l-proposta tal-Partit Laburista bħala waħda ‘bla sens’, jikkonfermaw il-biża’ ta’ ħafna nies li l-proposti ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar il-liġi tal-kera jiffavorixxu biss grupp soċjali wieħed – dak tas-sidien tal-proprjetà.
Diskussjoni veramanet sħiħa dwar dan is-suġġett m’għandiex tkun daqshekk żbilanċjata. Għandha tingħata importanza xierqa lir-realtajiet ta’ kuljum ta’ nies b’paga baxxa jew medja, koppji żgħażagħ u nies li resqin lejn l-età tal-pensjoni li m’għandhomx proprjetà. L-ebda liberalizzazzjoni fil-liġi tal-kera mhi se twassal għal djar iktar affordabbli għall-gruppi soċjali bħal dawn. Għall-kuntrarju, din iġġib magħha iktar tbatijiet.
Żminijietna ma taqbilx ma’ iktar liberalizzazzjoni fil-liġi tal-kera qabel ma jkun hemm proċess li jwassal għal pjan sħiħ u nazzjonali dwar il-housing. Dan il-pjan għandu jiżgura li l-gruppi soċjali l-iktar vulnerabbli ma jispiċċawx evakwati minn fejn joqogħdu.
Forsi l-Gvern jista’ jikkunsidra li jissalvagwardja d-drittijiet ta’ min jgħix fi proprjetà li nkriet qabel il-liberalizzazzjoni tal-1995 billi jagħti kumpens annwali lis-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet.
L-istħarriġ ta’ Illum jikkonferma li lil hinn mid-dogmi ta’ dawk li qegħdin għarkubbtejhom quddiem l-artal tas-suq ħieles, il-verità hi li t-tkabbir ekonomiku ma jnaqqasx l-inugwaljanza u l-faqar jekk il-ġid li jġib miegħu l-istess tkabbir ma jitqassamx b’mod ekwu. Il-kunċett ta’ l-effiċjenza għandu jitpoġġa f’kuntest ta’ ugwaljanza u ġustizza soċjali.
Michael Briguglio, l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi Żminijietna – Leħen ix-Xellug
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|