Editorjal | 14 ta’ Ottubru 2007 • Nr 50
Il-viżjoni li fassal il-Partit Nazzjonalista għas-snin li ġejjin hi ambizzjuża.
Madankollu teħtieġ ħafna aktar dettal għax bħalissa qisha skeletru mingħajr laħam.
Is-Segretarju Ġenerali Joe Saliba din il-ġimgħa f’Bondiplus sostna li l-pass li jmiss hu t-tfassil tal-programm elettorali li se jkun qed ilaħħam dik il-viżjoni bi proposti konkreti f’kull qasam.
Konna nistennew li ħames xhur wara li l-Prim Ministru vara dik il-viżjoni fl-1 ta’ Mejju li għadda l-PN kien se jippreżenta qafas iktar iddettaljat ta’ fejn jixtieq jasal u kif.
Is-sitt oqsma li fihom il-PN irid lill-Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza huma msejsa fuq l-ekonomija u x-xogħol. Anki jekk dawn huma importanti fil-ħajja tal-bniedem, nemmnu li biex jgħix ħajtu b’mod sħiħ il-bniedem jeħtieġ ikollu l-mistrieħ tiegħu, id-divertiment u d-dinjità mħarsa.
Il-viżjoni 2015 ftit tagħti ħjiel ta’ x’tip ta’ żvilupp soċjali u demokratiku jixtieq jara l-PN.
Anki jekk il-preambolu tad-dokument isemmi l-familja bħala pern ewlieni ta’ din il-viżjoni mhux ċar x’tip ta’ familja qed tkun indirizzata. Ma nafux jekk miċ-ċentru ta’ eċċellenza hux se jibbenefikaw ukoll familji mhux tradizzjonali. Ma nafux x’tip ta’ politika se jaddotta l-Gvern biex iwennes u jagħti dinjità lil koppji li jikkoabitaw, jew dawk li fallielhom iż-żwieġ, jew koppji gay.
Ma nafux jekk il-PN jixtieqx jara demokrazija iktar mifruxa bit-tkattir tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ referendum proposittiv u ta’ liġi elettorali iktar miftuħa li tiżgura pluraliżmu politiku fil-Parlament.
Fl-oqsma imsemmijin fid-dokument ukoll hemm nuqqas ta’ dettal. Ma nafux jekk Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tas-saħħa tinkludix ukoll liġi progressiva li tiffavorixxi r-riċerka fil-qasam taċ-ċelloli staminali. Ma nafux x’se jkun ir-rwol tat-Tarzna speċjalment meta jispiċċa s-sussidju, b’Malta ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tal-manifattura.
Fil-viżjoni 2015 l-edukazzjoni hi identifikata wkoll bħala qasam li fih pajjiżna jista’ jkun ċentru ta’ eċċellenza. Madankollu, l-enfażi fid-dokument hi fuq l-edukazzjoni ogħla bħall-università u l-MCAST bi ftit li xejn referenza għall-iżvilupp fl-iskejjel primarji u sekondarji. Irridu nkunu nafu iktar dwar kif l-iskejjel primarji tagħna se jkunu ċentri ta’ eċċellenza mhux biss fuq livell infrastrutturali imma wkoll fit-tagħlim li joffru.
Li tkun ċentru ta’ eċċellenza jfisser ferm iktar minn żvilupp ta’ proġetti kapitali. Dawn huma importanti biex il-pajjiż jaġġorna mal-bidliet imma weħidhom mhumiex biżżejjed. Jeħtieġ li jkun hemm ukoll żvilupp fuq livell soċjali u komunitarju li mhux bilfors jista’ jsir bi proġetti infrastrutturali.
Nemmnu li din ukoll hi sfida ewlenija għall-pajjiż u l-partiti politiċi jridu jagħtu t-tweġibiet fuq dan ukoll.
Indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-abort għandux ikun legali jew le f’Malta, f’dan l-istadju nħossu li hemm bżonn li ssir diskussjoni matura fuq is-suġġett.
Nemmnu li f’pajjiż demokratiku u sekulari hemm lok għal diskussjoni serja li tmur lil hinn mill-argumenti reliġjużi ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin.
Il-libertà ta’ l-espressjoni hi mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħna u kulmin f’dan il-pajjiż jixtieq iqanqal dibattitu dwar il-legalizzazzjoni ta’ l-abort għandu d-dritt li jagħmel dan.
Id-dibattitu jgħin biex l-argumenti fuq naħa jew oħra jitpoġġew għall-kunsiderazzjoni pubblika. Il-bdil ta’ ideat, anki dawk li nistgħu ma naqblux magħhom, hu bżonjuż f’demokrazija ħajja.
Mhuwiex ġust fuq dawk in-nisa Maltin li wettqu abort għax iċ-ċirkostanzi wassluhom lejn dik is-soluzzjoni li fil-pajjiż ikun hawn atmosfera ta’ biża’ meta jitqanqal is-suġġett ta’ l-abort. Lanqas mhu ġust fuq dawk in-nisa li ma jridux jafu bit-tarbija tagħhom u għax m’għandhomx mezzi finanzjarji biex isiefru fi klinika barranija jirrikorru għal soluzzjonijiet nofs kedda li jistgħu jkunu ta’ ħsara għal saħħithom.
Hemm lok għal dibattitu ħieles fejn nifhmu iktar u niġġudikaw inqas. Hemm lok għal diskussjoni serja li ma tittimbrax lin-nies bħala anġli jew xjaten.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|