X'kien jġhid?| 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Għadda minn ala widnejja l-kbar, li għal grazzja t’Alla għadhom jisimgħu anki minn daqshekk bogħod, li fir-Rabat ta’ Għawdex erġajtu bil-kummiedji.
Issa, bħalma forsi tafu, jien qatt ma kilt il-kirxa la mal-qassisin u wisq inqas ma’ l-isqfijiet. Imma jkolli ngħid li l-kolp ta’ l-Isqof Marju Grech li biddel ħames kappillani f’daqqa kien hemm bżonnu u ta’ min ifaħħru.
Issa biex jien Dimech l-ispreċċetat u skomunikat qabel kulħadd, qabel Strickland, Boffa u Mintoff, nispiċċa nfaħħar l-opri ta’ xi isqof, ci vuole kif jgħidu t-Taljani u bilfors li riesaq l-aħħar tad-dinja.
Li fit-tielet millennju wara Kristu għadek issib f’Malta, ossija f’Għawdex, dawk il-vġejjel u bawxati mibnija fuq fanatiżmu mill-iktar estrem, għadda kważi seklu minn mindu tlaqt minn Malta u għadkom qiskom fil-formalina.
Vġejjel li ma tarahom imkien ieħor fejn parroċċa titqâbad b’qilla liema bħala mal-parroċċa l-oħra dwar liema purċissjoni għandha toħroġ f’Ħadd il-Palm u liema għandha toħroġ fil-Ġimgħa l-Kbira.
Sentejn, tlieta ilu, il-bieb prinċipali ta’ knisja minnhom, bażilika għal ġieh wiċċek, safa issuttat bir-rollijiet tat-toilet paper għax kien hemm xi għaref li dehrlu li għandu jdoqq b’saħħtu kollha l-qniepen ta’ l-istess knisja waqt li kien għaddej il-marċ ta’ l-oħrajn.
Fis-sena ta’ wara l-istess bieb tal-bażilika reġa’ fil-mira. Din id-darba bit-tgarar ta’ rutelli tal-kejl għax il-bieb il-ġdid tal-bronż kien tkejjel ħażin u ma qagħdx tajjeb f’postu u tan-naħa l-oħra tgħidx kemm għoxew u kienu estażjati.
Dawk iċ-ċerimonji kollha pompa manja inqas minn sentejn ilu u dik l-akklamazzjoni popolari kollha għall-Isqof Mario Grech, biex issa spiċċa bbojkottjat mill-parruċani tal-Katidral ta’ fejn hu isqof. Ma stajtx nifhem x’ried jgħid biha Michael Caruana l-Billi, il-miljunarju li kien inqabad jieħu ċ-children’s allowance meta mhux suppost, u u jsostni waqt laqgħa għall-partitarji li s-Socjetà Leone ‘bħala l-leġittima rappreżentanta tal-parroċċa tal-Katidral’ kellha d-dritt tiġi kkonsultata fl-għażla ta’ l-Arċipriet tal-Katidral? Ngħid jien x’għandu x’jaqsam id-daqq tat-tubi u l-infieħ fit-trumbetti u l-kant ta’ l-opri mal-għażla ta’ l-arċipriet tal-Katidral. Minflok joqgħod jedha biċ-ċuċati, il-Billi mhux aħjar jintefa’ jmexmex il-koxxa tal-perżuta ġewwa Chambray forsi xi darba jitlesta dak il-proġett li ilu ġej madwar 17-il sena?
Fl-istess laqgħa li ssejħet għall-partitarji qam biex jitkellem il-Monsinjur Anton Gauci li ddeskriva dak li tinsab ghaddejja minnu l-Knisja f’Għawdex bħala ‘sitwazzjoni skabruża’, ‘tazza żgħira ta’ ħafna nkwiet’, ‘għaddejjin minn dehra ta’ Satana’ u kliem bombastiku ieħor. Nisma’ monsinjur bħal dan jitkellem bid-dehriet ta’ Satana għax dan kollu nbidel l-arċipriet li inċidentalment hu n-neputi tiegħu, ma’ wieħed ġdid li kumbinazzjoni jiġi ħu Giovanna l-Ministru. Nirringrazzja ’l Alla kull ħin u kull mument li ili ma nirfes l-għatba tal-Knisja għal iktar minn 100 sena.
Il-mossa ta’ Mario Grech li jbiddel l-imsiemer antiki b’żewġ imsiemer ġodda li kienu qed iservu f’Ruma u allura għamlu żmien twil miftumin minn din il-klima ta’ fanatiżmu spjetat, ta’ min ifaħħarha ħlief għal dettal li jista’ jkun kruċjali.
Ngħid jien, minn tant qassisin iservu barra minn Għawdex, l-għażla kellha proprju taqa’ fuq ħu Giovanna, bir-rispett kollu lejh?
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|