Wenzu Mintoff | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Bħalissa għaddej ferment kbir fl-Italja. Hemm moviment qawwi ta’ ħsieb li jista’ wkoll jittrasforma ruħu f’moviment ta’ azzjoni kontra l-politika b’mod ġenerali u kontra ċerti politikanti.
L-‘anti-politika’ kif qed tissejjaħ, hi mmexxija mill-attur komiku Beppe Grillo li għomru u żmienu jieħu l-klassi politika biċ-ċajt. Il-politikanti minn naħa tagħhom lil Grillo issa qed ikollhom jiħduh b’serjetà liema bħala. L-iktar kritika qawwija li qed issir lill-klassi politika Taljana hi li din qed tidher tiġbed wisq lejha u li mehdija l-ħin kollu tindokra l-interessi immedjati tagħha.
Hemm min isostni pereżempju bl-iktar mod ċiniku li l-Gvern ta’ Prodi għadu m’għeriqx għal kollox għax iridu jgħaddu ta’ l-inqas sentejn mill-ftuħ tal-leġislatura biex id-deputati eletti għall-ewwel darba jikkwalifikaw għall-pensjoni Parlamentari.
Id-dibattitu politiku u anki l-mod kif dan jiġi rrappurtat fil-media ikkontrollata mill-partiti jidher wisq iffukat fuq kif il-politiċi se jippreservaw lilhom infushom u fuq kif se jingħataw raġun biex iżommu jew jiksbu lura l-poter.
Tant qed jinħass qawwi fost in-nies dan is-sentiment ta’ l-anti-politika li ftit tal-ġimgħat ilu d-diriġenti tar-RAI 1 qalu li se jbiddlu l-fiżjonomija tas-servizz ta’ l-aħbarijiet tagħhom biex dan jibda jwassal dak li jinteressahom ikunu jafu n-nies aktar milli dak li jinteressahom li jwasslulhom il-politikanti.
Anki f’Malta, mad-daqqa t’għajn bil-battibekki fil-gallinar bejn il-partiti, ġiġifogi ta’ libelli u kontro-libelli, stqarrijiet u kontro-stqarrijiet għaddejjin bħal vleġeġ minn naħa għall-oħra tax-xmara politika, tista’ tingħata l-impressjoni li l-partiti iktar moħħhom f’xulxin u fihom infushom milli fin-nies li suppost jirrappreżentaw.
Fl-antik u anki fi żmien mhux daqshekk ’il bogħod il-politika kienet tiġbed lejha bosta nies stabbiliti fil-professjoni li kienu akklamati fis-socjetà.
Anki f’elezzjonijiet diffiċli bħal dawk li kienu mħammġa bid-dnub il-mejjet, il-Partit Laburista pereżempju kellu kandidatura ta’ tobba, spiżjara, periti u professjonisti oħra li kienu mqabbdin tajjeb fl-irħula tagħhom.
Illum il-ġurnata ftit huma dawk il-professjonisti bil-klijentela diġà mrawma li jitħajru ‘jiċċapsu’ bil-politika. Il-professjonisti li jitħajru llum ħafna drabi jkunu ġejjin minn dak il-botom li jaraw il-kandidatura politika bħala trampolin tajjeb biex jibnu l-klijentela professjonali tagħhom.
Rispett
L-għada tad-dibattitu bejn Sant u Gonzi tat-Tnejn li għaddew, qgħadt ngħarrex ’l hemm u ’l hawn biex nipprova nieħu l-impressjonijiet tan-nies qabel ma jibda t-tħammim fil-gazzetti bir-reazzjonijiet uffiċjali jew semi-uffiċjali dwar dan id-dibattitu.
L-iktar reazzjoni li sibt kurjuża u interessanti kienet dik ta’ impjegata mara waqt il-ħin tal-brejk tax-xogħol tagħha li bdiet tgħid li hekk kif tara lil Sant u lil Gonzi jitqabdu f’xulxin, taqliblu għax iweġġgħulha rasha għax moħħhom biex jieħdu r-raġun minflok ma jippruvaw jifhmu dak li għaddejjin minnu n-nies.
L-anti-politika tinbet fejn jonqos ir-rispett u fejn jonqos minn naħa se jonqos minn oħra għax ir-rispett ma jistax ikun one way. Il-politiċi ma jistgħux jippretendu li se jibqgħu jikkmandaw ir-rispett tan-nies għall-eternità jekk huma minn naħa tagħhom jonqsu milli jirrispettaw l-intelliġenza tan-nies li jagħtuhom il-fiduċja u s-setgħa.
Fil-fehma tiegħi dan se jkun wieħed mill-elementi kruċjali fl-elezzjoni li ġejja. Biex il-messaġġ tal-politiku jinftiehem minn nies irid ikun messaġġ li jifhem sew il-psyche, l-ansjetajiet u l-aspirazzjonijiet tal-Malti medju.
Jekk il-votant se jibqa’ jara l-politikanti jdabbru rashom u jiġbdu lejn xawwathom se jagħmel l-istess u jirrikatta bil-vot tiegħu biex jipprova jieħu mhux biss dak li ħaqqu imma anki dak li ma ħaqqux.
Naf li l-fehma tiegħi qajla tista’ titqies oġġettiva u imparzjali. Imma xorta waħda tibqa’ l-konvinzjoni ġenwina tiegħi li Alfred Sant rebaħ l-aħħar dibattitu ma’ Gonzi propju fuq dan il-punt li ma tkellimx wisq biex jiġġustifika l-eżistenza politika tiegħu imma serva ta’ portavuċi għal dak li qed iħossu n-nies.
VAT fuq l-edukazzjoni
Il-Prim Ministru Gonzi spiċċa biex il-kwistjoni dwar il-VAT fuq l-edukazzjoni rriduċiha għal waħda legalistika u akkademika u ppersista fl-iżball li fittex li jieħu r-raġun fejn m’għandux.
Niftakru kif kienet twieldet din il-kontroversja meta fl-istess programm fuq il-PBS qabel is-sajf, Sant kien semma li se jneħħi l-VAT minn fuq il-prodotti u s-servizzi edukattivi u Gonzi beda jċewweċ lil Sant li fuq l-edukazzjoni m’hemmx VAT. Tant kien assertiv u dogmatiku Gonzi fuq dan il-punt li anki lil Sant spiċċa ġab fid-dubju waqt dak il-programm.
Il-magna propagandistika tal-PN fil-pront ħarġet ittambar li Sant lanqas biss jaf x’tgħid il-Liġi tal-VAT. Imma mbagħad ftit ftit bdew ħerġin il-fatti li hemm bisibilju ta’ prodotti u servizzi relatati ma’ l-edukazzjoni li hemm il-VAT fuqhom. Minn uniformijiet skolastiċi, għall-kotba, pitazzi u oħrajn sa servizzi tat-trasport skolastiku.
Gonzi baqa’ jmeri s-sewwa magħruf billi ġab l-eżempju redikolu ta’ l-ingravajjet meta kulħadd jaf li ingravata ta’ l-iskola hemmhekk biss tintlibes u mkien ieħor u faċli għall-Gvern jekk ikun irid li jeżenta mill-VAT l-uniformijiet għax il-ħwienet li jbigħu l-uniformijiet għandhom tista’ tgħid monopolju.
Waqt id-dibattitu tat-Tnejn Gonzi pprova jiġġustifika r-rekord politiku tiegħu bl-istatistiċi uffiċjali, b’dak li qed jgħidulu tal-Kummissjoni Ewropea u l-bankiera tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Għamel ukoll stqarrijiet inkredibbli bħal dik li ‘l-isptar il-ġdid ftaħnieh’ meta mill-Imnarja ’l hawn għaddew iktar minn tliet xhur u dan l-isptar għadna ma nafux meta sa jibda jilqa’ l-ewwel pazjenti tiegħu.
Bħal donnu nesa Gonzi dak li għadhom kif qalulu tal-Fond Monetarju Internazzjonali li għalkemm ċerti statistiċi jistgħu jidhru tajbin, it-tkabbir tal-ġid mhux bilfors qed jinħass mill-poplu. L-aktar meta parti sew minn dan it-tkabbir ikun ġej minn attivitajiet bħas-servizzi finanzjarji u l-logħob ta’ l-azzard li qajla jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-Malti medju.
L-aħħar kelma dwar Alfred Sant li fil-fehma tiegħi rnexxilu jdawwar favur tiegħu b’mod konvinċenti sitwazzjoni li kienet xi ftit jew wisq imbarazzanti, meta ammetta l-iżball dwar ‘Goooonziiiiiii’ f’Birżebbuġa u spjega li kulma ġara kien li pprova joħroġ ftit mill-karattru serju żżejjed tiegħu u għamel ċajta li ma rnexxietx u li setgħet inftiehmet ħażin.
Ballun baraxx ieħor tal-PN minfuħ b’ħafna arja sħuna li spiċċa mifqugħ b’daqsxejn ta’ tingiża ta’ splengun.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|