Tuni u Peppi | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
TONI
Niftakar fil-bidu tat-Tmeninijiet niddiskutu f’waħda mill-konferenzi ġenerali tal-Partit Laburista l-kwistjoni tad-divorzju.
Dak kien żmien meta s-separazzjoni kienet fula f’qargħa. Madankollu d-divorzju kien diġà qiegħed fuq il-ponta ta’ lsien ħafna.
Iktar minn 25 sena wara għadu ma ġara xejn minkejja li x-xenarju soċjali u politiku minn dakinhar sa llum inbidel b’mod li ma tagħrfux. Isiru mijiet ta’ separazzjonijiet kull sena. Ninsabu waħedna fl-Unjoni Ewropea mingħajr liġi tad-divorzju. Il-ħajja estremament konsumista u materjali fuq mudell ġdid ta’ familja hu evidenti. Madankollu, sa llum, id-divorzju għadu ma daħalx f’pajjiżna mill-bieb.
Dan ma jfissirx li ma daħalx mit-tieqa. Sa mill-1975, meta f’Malta daħal l-Att taż-Żwieġ, ilna 32 sena ngħixu f’ipokresija grassa. Dan l-Att jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li żewġ Maltin li żżewġu fuq altar Malti jiksbu divorzju pereżempju mill-Ingilterra u r-Reġistratur taż-Żwiġijiet f’Malta jkollu jirrikonoxxieh. Fi ftit kliem divorzju ‘a la maltaise’.
Għalhekk għal min jaħseb li f’Malta qatt ma kellna divorzju sejjer żbaljat. F’Malta għandna d-divorzju u kif! Iżda bħas-soltu, bħal karozza lussuża, cabin cruiser jew villa ħdejn il-baħar, ċerti ħwejjeġ lussużi huma għas-sinjur biss. Mhux kulħadd għandu l-mezzi finanzjarji jqabbad avukat Ingliż jew Amerikan. L-ipokrezija ta’ din is-sitwazzjoni hi aċċentwata mill-fatt li meta fil-bidu tas-snin Disgħin dan l-Att inbidel bi ftehim mal-Knisja, din il-possibiltà tħalliet hemm!
Ma jfissirx li l-pressjoni soċjali ta’ eluf ta’ koppji li jgħixu barra ż-żwieġ fil-kantina soċjali ma bdietx tagħmel tagħha. Tant hu minnu li snin ilu ċertu Mħallef kien jipproduċi l-annullamenti bħall-pastizzi fuq sempliċi affidavit ta’ parti għall-kawża. Bħal donnu kien jagħmel ħiltu b’mod konsapevoli proprju biex jikkumpensa għall-fatt li f’Malta ma kienx hawn divorzju. Dan baqa’ jagħmlu sakemm xi ħadd fil-kuriduri tal-Knisja ntebaħ b’din il-manuvra istituzzjonali u malajr intervjena mal-Gvern minn taħt.
Imma issa jidher li l-għatu tal-borma ma jiflaħx aktar u hemm iċ-ċans tajjeb li jekk ma nagħmlu xejn l-ilma jfur u jismotna. Fl-1996 taħt Gvern Laburista kienet diġà nħatret kummissjoni biex tikkunsidra fost l-oħrajn il-kwistjoni tad-divorzju. Issa li l-Prim Ministru Gonzi ddikjara li jikkunsidra jaqta’ din il-kwistjoni b’referendum, id-divorzju tela’ sew f’wiċċ l-ilma ta’ l-aġenda politika.
La tkellem il-Partit Nazzjonalista fuq din il-kwistjoni tkellem kulħadd u ġaladarba li ħadd mill-irkejjen konservattivi ma ħareġ jikkritikah, allura l-biċċa qed tinħema sew. Ma kienx ikun Alfred Sant li jagħmel din id-dikjarazzjoni għax ma nafx x’kien jiġri. Iżda bħas-soltu l-PN bħal donnu għandu marġini ta’ libertà li jitkellem fuq kwistjonijiet ta’ kontroversja aktar mill-MLP.
Hu veru wkoll li din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, bħal dik li jaħseb ukoll f’dawk li jgħixu barra ż-żwieġ, saret lejlet l-elezzjoni. Il-wegħda tal-PN lil dawk li jgħixu barra ż-żwieġ saret ’il fuq minn 11-il sena ilu. Sa llum għadu qatt ma sar xejn. Għalhekk sakemm ma ssirx il-liġi minn issa sa l-elezzjoni, li hi improbabbli, dawn il-wegħdi rridu noħduhom b’niskata melħ.
Iżda jibqa’ l-fatt, li tajjeb jew ħażin, il-PN għall-ewwel darba tkellem b’mod ċar fuq id-divorzju. Iżda l-mistoqsija tqum jekk għandux isir referendum.
B’din il-proposta l-Prim Ministru ried jolqot żewġ għasafar. Lagħab bħas-soltu għall-voti ta’ kulħadd. Ried jagħti pjaċir lil dawk l-eluf li ilhom jittamaw għal ħajja ġdida bid-divorzju. Ried ukoll iserraħ ras dawk li huma kontra d-divorzju, b’mod partikolari lill-Knisja, li anki dawn se jkollhom iċ-ċans li jieħdu sehem fid-deċiżjoni. Il-Prim Ministru jaf ukoll li s’issa, għalkemm mhux b’xi marġini eżaġerata, il-parti l-kbira tal-Maltin huma kontra d-divorzju.
Jekk tassew se jagħmel referendum, aktar ma jgħaddi ż-żmien dan id-distakk iktar se jonqos għax kull familja b’xi mod jew ieħor qed tintlaqat bil-pjaga ta’ l-effetti li ġġib magħha separazzjoni fejn xi ħadd fl-istess familja ma jistax jibda ħajja ġdida f’qafas ta’ legalità.
Ma nemminx li għandu jsir referendum fuq id-divorzju. Dan hu dritt ċivili li se jagħti l-possibbiltà lil min iridu u mhu se jnaqqas xejn mid-drittijiet ta’ dawk li huma kontra tiegħu. Hu minnu li f’pajjiż bħall-Italja d-divorzju daħal b’referendum iżda dan kien fl-1973. Minn 34 sena ’l hawn l-affarijiet inbidlu b’mod mgħaġġel u radikali.
Id-dritt li persuna ma tibqax tgħix ma’ familja barra l-qafas ta’ dak li hu leġittimu u dinjituż hu dritt fundamentali biex persuna tgħix fit-totalità soċjali tagħha.
Nifhem li l-Knisja qatt ma tista’ taqbel mad-divorzju u allaħares kieku qatt xi ħadd jipprova jeħdilha dan id-dritt. Iżda bħalma l-Istat m’għandux id-dritt jindaħal fl-istrutturi interni tal-Knisja, hekk ukoll il-knisja ma tistax tuża l-piż kważi istituzzjonali tagħha biex timblokka l-introduzzjoni tad-divorzju.
Jien ma naf lill-ebda Prim Ministru li qatt indaħal lill-Knisja meta ppermettiet lil min jinża’ minn saċerdot biex ikun jista’ jerġa’ jiżżewweġ!
Jien kontra liġi tad-divorzju li toħloq diskriminazzjoni kontra dawk li jridu separazzjoni legali iżda ma jridux ixolju ż-żwieġ tagħhom. Jien kontra divorzju li jkun liberali u li jingħata bl-akbar faċilità bħal pereżempju f’Las Vegas.
Irridu nirrikonoxxu li n-nukleu tal-familja hu l-bażi ta’ soċjetà b’saħħitha. Iżda jien wkoll kontra li nintroduċi d-divorzju b’referendum. Dan mhux il-każ li tgħaddi tal-maġġoranza, għax li kieku kollox kien hekk, kieku l-iskjavitù fl-Amerka u l-vot tan-nisa u taż-żgħażagħ ma kienx jgħaddi b’referendum!
Hemm ċerti kwistjonijiet ta’ natura soċjali li ma jiġux deċiżi b’referendum iżda b’liġi parlamentari sempliċi.
Wara kollox għaliex m’għandux ikun hemm referendum fuq il-proposta li ssir liġi biex jitħarsu d-drittijiet ta’ dawk li huma f’konkubinaġġ? Fuq din il-Prim Ministru ma qal xejn!
Apparti dan illum għandi d-dubju kemm Malta fl-Unjoni Ewropea tiflaħ tkompli tirreżisti għall-pressjoni soċjali u ċivili fuq dan il-punt. Jekk xi darba dan il-punt iqum quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem il-ħitan jaqgħu, irid jew ma jridx l-Arċisqof jew il-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Ftaħarna ħafna li konna l-uniċi li għamilna protokoll fuq l-abort biex niżguraw li l-Unjoni Ewropea ma tindaħlilniex f’din il-kwistjoni. Allura jekk m’għamilniex l-istess fuq il-kwistjoni tad-divorzju dan xi jfisser?
Forsi jista’ jweġibni l-Prim Ministru!
PEPPI
Ħadd m’għandu d-dritt li jżomm żewġ persuni adulti li jixtiequ jiżżewġu milli jiżżewġu. Iż-żwieġ hu dritt fundamentali.
Ħadd m’għandu d-dritt li jwaqqaf żewġ persuni li jagħżlu li jinfirdu u jisseparaw. Dan ukoll għandu jitqies bħala dritt fundamentali. Jekk l-ewwel żwieġ hu dritt fundamentali u jekk għandi dritt nissepara għala t-tieni żwieġ m’għandux jitqies bħala dritt fundamentali tiegħi?
Id-divorzju hu dritt taċ-ċittadini li jużawh meta l-koppja tiddeċiedi li teżerċita dan id-dritt. L-Istat għandu jidħol biss meta ma jkunx hemm qbil bejn il-koppja, l-aktar biex tipproteġi lin-naħa vulnerabbli u speċjalment lit-tfal.
Allura ninħaraq meta niftakar li hawn Malta għadna niddiskutu jekk id-divorzju għandux jidħol f’pajjiżna jew le. Anki l-mistoqsija hi insult u ma nifhimx kif l-Unjoni Ewropea trid tindaħal fuq il-ħitan tas-sejjiegħ ma tindaħalx biex Malta ma tibqax l-unika pajjiż fl-Ewropa li jibqa’ jcaħħad dan id-dritt fundamentali.
Allura ma naqbilx la mal-Partit Nazzjonalista u lanqas ma’ l-Alternattiva Demokratika meta jgħidu li l-kwistjoni tad-divorzju għandha tkun deċiża f’referendum. Ma nafx naqbilx mal-pożizzjoni tal-MLP għax lanqas naf x’inhi.
X’jiġifieri tiddeċiedi l-maġġoranza fuq kwistjoni li sa llum tolqot lill-minoranza?
Xi dritt għandi jien li ma naqbilx li għandi niddivorzja, li s’issa għax m’għandix bżonn id-divorzju, niddeċiedi għal ħaddieħor li jemmen li għandu jkollu jew ikollha dan id-dritt?
Dritt fundamentali jitwieled miegħek u m’għandu jagħtihulek l-ebda referendum. Immaġinaw li kieku fis-Sebgħinijiet iddeċidejna f’referendum jekk l-omosesswali għandux ikollhom id-dritt jagħmlu s-sess bejniethom. Dak iż-żmien xi ħadd jinqabad, fil-privat, jagħmel is-sess ma’ persuna ta’ l-istess sess kien ikun arrestat u mressaq il-Qorti. Il-Gvern kien jindaħal fil-kamra tas-sodda x’jiġri bejn żewġ adulti li jkunu qed jaċċettaw li jkollhom relazzjoni sesswali bejniethom.
Immaġinaw kieku sar referendum dak iż-żmien. Kieku żgur ma kienx jgħaddi u kieku llum tgħidx kemm għandna persuni omosseswali fil-ħabs.
Iż-żwieġ għandu l-aspett pubbliku tiegħu imma finalment iż-żwieġ hu deċiżjoni bejn żewġ persuni. Deċiżjoni li jwiegħdu lil xulxin li jibqgħu flimkien għal dejjem, illum, mingħajr ma jistgħu qatt jifhmu kif se jkunu 30 sena wara.
Din il-wiegħda hi assurda u bla sens. Sabiħa jekk iż-żwieġ jirnexxi kif ġara s’issa fil-kas tiegħi u ta’ marti. Għax s’issa konna fortunati. Iżda mhux hekk għal kulħadd. U għal dawk li waslu sa 10 jew 15-il sena. Għala l-Istat irid bilfors jiddetta li jibqgħu flimkien jew l-iktar l-iktar jisseparaw?
Jekk l-argument hu li dawn ikunu wiegħdu lil xulxin li jibqgħu għal dejjem allura għala naċċettaw li jisseparaw? Imissna għal ftit nordnawlhom jibqgħu ikkakkmati ma’ xulxin sakemm il-mewt tifridhom. Allura jekk xebgħu u ddejqu, ma qablux, ħabbew lil ħaddieħor, għala ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu?
Min hu jew hi separat irid id-divorzju għax irid jerġa’ jiżżewweġ. Jekk xejn dawk li jridu d-divorzju jriduh għax jemmnu fiż-żwieġ. Għax kieku mhux hekk għalfejn iriduh?
Allura skużi, jekk id-divorzju għandu jidħol b’referendum, għala l-annullament ma daħalx b’referendum ukoll? Jista’ xi ħadd jgħidli u jispjegali x’inhi d-differenza fis-sustanza bejn divorzju u annulament? Naf.
Għax annullament jiddikjara li ma tkunx iżżewwiġt meta tkun għedt iva għax ma kontx tkun taf x’int tagħmel jew għax il-kunsens ikun ivvizzjat. Imma min ikun jaf x’inhu jagħmel biex iwiegħed lis-sieħeb jew sieħba li jibqa’ magħha għal dejjem?
Ir-riżultat ta’ annullament mhux l-istess? X’inhi d-differenza fuq it-tfal bejn koppja annullata u koppja iddivorzjata? Ma nistax nimmaġina lil dak it-tifel li missieru u ommu nfirdu li meta jħossu mdejjaq f’din is-sitwazzjoni jmur jiċċekkja u jekk isib li ommu u missieru divorzjati jiddispra u jekk isib li huma annullati jibqa’ jaqbeż u jogħla bil-ferħ!
Ovvja li t-tfal f’separazzjoni jafu jbatu u naf ħafna koppji li jibqgħu flimkien minħabba t-tfal. B’xi mod nifhimhom għalkemm meta s-sitwazzjoni ssir insapportabbli aħjar jekk jinfirdu anki minħabba t-tfal. Wliedna żgur jixtiquna nibqgħu flimkien għal dejjem imma għal dejjem mhux dejjem possibbli.
Għandu suspett serju li l-ħsara fuq it-tfal iktar issir għax inħobbu nirrepetu li d-divorzju u s-separazzjonijiet iġibu fuq it-tfal ħafna problemi. Naf ħafna tfal u żgħażagħ, irġiel u nisa b’karattri tal-ġenn u huma tfal ta’ koppji separati.
L-iktar argument redikolu kontra d-divorzju hu għax ikollna iżjed koppji li jinfirdu fuq ix-xejn u b’hekk titkisser il-familja.
Hu redikolu għax: 1. L-ebda koppja ma tinfired għax jidħol id-divorzju. Fil-fatt għandna ħafna nies separati anki mingħajr id-divorzju; 2. Ħadd ma jaqbad u jinfired hekk, għalxejn b’xejn; 3. Jekk veru l-koppji se jinfirdu għax jidħol id-divorzju allura x’forma ta’ relazzjonijiet sodi għandna?
Id-divorzju jindirizza realtà mhux joħloqha. Ir-realtà diġà teżisti u l-ebda referendum negattiv mhu se jbiddilha.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|