Aħbarijiet | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Din il-ġimgħa Lawrence Gonzi ħa daqqa ’l isfel meta sab quddiemu lil Alfred Sant f’vena tajba KURT SANSONE segwa d-dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja ewlenin.
Id-dibattitu bejn il-Prim Ministru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fuq Bondiplus nhar it-Tnejn li għadda tqies minn ħafna bħala l-ewwel konfront dirett tal-kampanja elettorali.
L-aspettattiva kienet għolja mhux tant għax ilhom ma jkunu f’dibattitu flimkien, l-aħħar li ltaqgħu kien qabel is-sajf, imma għax kien l-ewwel konfront wara ż-żewġ mass meetings li saru f’lejlet l-Indipendenza.
Alfred Sant ried jipprova jirkupra mill-fjask ta’ Birżebbuġa filwaqt li Lawrence Gonzi kellu jipprova jżomm il-kolp fuq il-wirja tajba ħafna li għamel fuq il-Fosos.
Fuq dan il-livell Sant ħareġ rebbieħ. Beda biex daħak bih innifsu meta tkellem fuq
‘iċ-ċajta’ li fallietlu waqt
il-mass meeting f’Birżebbuġa.
“Sħabi jgħiduli li jien bniedem serju wisq u allura meta nipprova nagħmel joke ma jirnexxiliex indaħħak. Kienet joke... li nammetti ma daħħket lil ħadd,” sostna Sant meta Bondì staqsih dwar it-tkarkira assurda li uża waqt il-meeting kull darba li ippronunzja isem Gonzi.
Waqt id-dibattitu Sant kien iktar assertiv mill-Prim Ministru, speċjalment meta tkellem dwar il-korruzzjoni. F’dak il-mument Gonzi nqabad fuq sieq waħda donnu kuntent li ttieħdu passi kontra min inqabad jabbuża imma fl-istess ħin ma rrealizzax li l-perċezzjoni f’għajnejn in-nies hi dik ta’ Gvern għajjien u korrott.
Sant rebaħ ukoll għax il-ħin kollu beda jindirizza l-inkwiet tan-nies, xi ħaġa li Gonzi ipprova jirribatti billi jiftaħar dwar iċ-ċertifikat tajjeb li tawh il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.
Dak li rajna fuq Bondiplus kien Gonzi maqtugħ mir-realtà. Donnu kien għadu mgħammex bl-eloġji li għamlulu l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissarju Almunia dwar is-suċċess tal-pajjiż fil-mixja lejn il-bidla fil-munita.
Mhemmx dubju li d-dħul ta’ l-ewro hu suċċess għall-Prim Ministru li meta tellaq l-idea li Malta għandha ddaħħal il-munita fl-iqsar żmien possibbli kien qed jieħu riskju politiku personali kbir. Gonzi rnexxielu jirbaħ l-isfida li b’xi mod anki saħħitlu jdejh internament fil-partit. Iżda bejn dak li jgħidu l-bankiera u dak li jħoss il-poplu hemm baħar jaqsam u Gonzi għandu bżonn il-voti tal-poplu aktar milli tal-bankiera.
Sant għaraf dan u f’Bondiplus irnexxielu jagħmel din id-distinzjoni.
Madankollu, anki jekk dwellaw bejniethom fuq numru ta’ kwistjonijiet, id-dibattitu kien fqir. Kulmin rah baqa’ ma jafx x’pożizzjoni għandhom il-partiti ewlenin fuq l-immigrazzjoni u x’se joffru ġdid, jew jekk l-Air Malta hix se tkun privatizzata, jew x’miżuri se jaddottaw biex l-għoli tal-ħajja ma jkomplix jirranka, jew x’se jagħmlu biex il-pagi jogħlew, jew fejn se jiġu l-impjanti tar-riċiklaġġ l-oħra li jridu jinbnew, jew x’qed jipproponu biex jirregolaw il-qasam tal-fertilità assistita u tant kwistjonijiet oħra importanti u inqas importanti.
Forsi dan in-nuqqas fid-dibattitu tat-Tnejn għamel tajjeb għalih Alfred Sant l-Erbgħa meta fil-programm Viċi Versa kellu diskussjoni matura u interessanti mal-ġurnalist veteran Godfrey Grima, l-ekonomista Edward Scicluna u Renee Laiviera.
Hu minnu li Sant kien qed jilgħab home imma bi Grima l-ħin kollu jziku fuq x’se jagħmel u kif se jwettqu meta jkun fil-Gvern, Sant ħareġ tajjeb b’argumenti raġunati u wera li kien komdu ħafna maż-żewġ mistiedna mhux biss fuq livell politiku imma wkoll fuq livell intellettwali.
L-istaġun tad-dibattiti qed jirranka u minn issa ’l quddiem nistennew li naraw ħafna iktar minn Sant u Gonzi, u forsi wkoll minn Harry Vassallo u Josie Muscat, fuq it-televixin.
B’ta’ nhar it-Tnejn Sant ġab id-draw wara li tilef il-konfront indirett tal-meetings. Nistennew u naraw kif se jiżvolġi l-‘Kampjonat Elettorali’.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|