Aħbarijiet | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
B’iktar minn 13,000 klikk u 130 kumment, il-filmat fuq il-YouTube li jqabbel id-diskorsi ta’ Sant u Gonzi fl-attivitajiet politiċi lejlet l-Indipendenza, juri li d-dinja virtwali tista’ tkun opportunità u theddida għall-politiċi tagħna
Il-kuntatt wiċċ imb’wiċċ għadu l-iktar għodda importanti u effettiva għall-politiċi Maltin iżda f’soċjetà fejn kulma jmur iktar nies qed ikollhom ħajja virtwali, apparti dik reali, se jikber il-bżonn li l-politiku jagħraf jisfrutta l-internet biex jasal għand udjenza ikbar.
Fl-elezzjoni li ġejja l-messaġġ politiku mhux se jitwassal biss permezz tad-dibattiti fuq it-televixin, l-analiżi fil-gazzetti, il-mass meeting-parties u l-laqgħat taħt it-tined.
Dawn huma attivitajiet jew mezzi ta’ komunikazzjoni li għandhom bixra ta’ kontroll jew mill-partiti politiċi li jorganizzaw l-attività jew mill-edituri li jkunu qed jirrappurtaw u janalizzaw id-diskors politiku.
Illum permezz ta’ l-internet jeżisti fenomenu ieħor li jmur lil hinn mill-qafas tradizzjonali tal-komunikazzjoni ikkontrollata. Il-YouTube jagħti lok lil kulmin għandu aċċess għall-internet u teknoloġija bażika biex iwassal messaġġ personali jew informazzjoni ta’ interess pubbliku jew filmati ta’ avveniment li seħħ fil-privat jew fil-pubbliku mingħajr ċensura ta’ terzi persuni.
Ma jfissirx li kulma jixxandar fuq il-YouTube hu vanġelu. ‘L-aħbarijiet personali’ li jixxandru permezz tal-YouTube wkoll jistgħu jkunu ‘mbagħbsa’ minn min ipoġġihom fuq in-network virtwali.
Iżda anki jekk jeżisti dan il-periklu ħadd ma jista’ jiddubita mill-effett li għandha din it-teknoloġija fuq il-mod ta’ kif titwassal aħbar u l-impatt fuq in-nies li jirċevuha fil-kumdità tad-dar jew l-uffiċċju tagħhom. Jeżistu eżempji riċenti
fil-kuntest Malti li għandhom jiftħu għajnejn il-politiċi.
Id-diskors ta’ Jason Micallef li sar f’attivita magħluqa għall-media u t-tqegħid tiegħu fuq il-YouTube minn terza persuna li ffilmja l-attività permezz ta’ telefon ċellulari għandu jservi ta’ tbeżbiża għal kulħadd li dak li jingħad ‘fil-privat’ jista’ jsib ruħu mxandar madwar id-dinja kollha.
F’dan il-kuntest, l-għodda ta’ komunikazzjoni moderna bħat-telefon tal-but sar ukoll arma demokratika f’idejn iċ-ċittadin daqskemm hu l-vot.
Kulħadd jiftakar il-filmat ta’ l-eżekuzzjoni ta’ Saddam Hussein li tpoġġa fuq l-internet minn xi ħadd li ġibed ix-xena b’telefon tal-but.
Hemm kwistjonijiet etiċi marbuta max-xandir fuq l-internet ta’ diskorsi u attivitajiet li jsiru fil-privat iżda mhemmx dubju li l-YouTube wessa’ wkoll il-kunċett ta’ trasparenza. Mezz li fuqu ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda kontroll jista’ jkun skomdu għall-politiċi li jridu jikkontrollaw kull aspett ta’ kampanja elettorali biex jipproġettaw l-aħjar immaġni possibbli.
L-istess jista’ jingħad għall-filmat editjat tad-diskorsi ta’ Alfred Sant u Lawrence Gonzi fil-meetings ta’ Birżebbuġa u l-Fosos li ttella’ fuq il-YouTube. Il-ġimgħa li għaddiet dan il-filmat, li ttella’ minn persuna komuni b’inklinazzjoni ovvja lejn il-Partit Nazzjonalista, kien qed jiċċirkola fuq l-email u kulmin ma segwiex id-diskorsi fuq it-televiżjoni seta’ jara u jisma’ l-kuntrast bejn kelliem u ieħor. S’issa ma jidhirx li l-politiċi tagħna huma interessati li jesploraw dan il-mezz ta’ komunikazzjoni diretta ma’ udjenza li qed tikber. Għalihom il-YouTube hu aktar theddida milli opportunità.
Hu veru li d-Deputat Mexxej Laburista Charles Mangion fuq is-sit tiegħu ipprova juża l-YouTube biex iwassal messaġġi rekordjati u filmati tal-kampanja personali tiegħu imma l-impenn hu fqir ħafna u hu ovvju li għalissa l-internet mhuwiex pedina daqstant importanti għal Mangion.
Mill-bqija mhemm kważi xejn li juri li politiċi oħra se jisfruttaw dan il-mezz ta’ komunikazzjoni u għalissa l-YouTube aktar hu sors ta’ inkwiet għalihom milli opportunità biex tikber il-komunikazzjoni diretta man-nies.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|