MediaToday

Aħbarijiet | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49

Silent, Talkies, Chapters jew Sing-a-Longs?

Ilbieraħ Tha Jazz Singer, l-ewwel film talkies, għalaq 80 sena. Franica Pulis iltaqgħet ma’ Vince Williams, Membru Onorarju tas-Soċjetà Internazzjonali Al Jolson, u l-makkinista Salvatore Montebello biex tfakkar il-films u ċ-ċinema ta’ l-imgħoddi

The Jazz Singer tal-Warner Bros, minkejja li parti żgħira biss minnu hi mitkellma, xorta hu meqjus bħala l-ewwel film talkies minħabba li kien ta mbuttatura biex jintużaw il-vuċijiet fil-films.
Il-Warner Bros kienu diġà bdew jużaw il-ħoss fil-film iżda sa dak iż-żmien kienu jissemmgħu kanzunetti biss. Il-film talkies beda b’kumbinazzjoni meta Al Jolson kien improvizza biċċa wara l-kanzunetta li kien għadu kif spiċċa jkanta u l-vuċi tiegħu ġiet rekordjata wkoll. Dak iż-żmien il-Warner Bros kienu f’dubju jaqtgħux dik il-biċċa żejda imma ħallewha u grazzi għaliha bdew il-films bl-atturi jinstemgħu jitkellmu.
Ħafna artisti li qalbu mis-silent films għat-talkies batew minħabba li ma kellhomx vuċi tajba. Fosthom kien hemm anki Buster Keaton. Fil-fatt, meta Greta Garbo kienet tkellmet għall-ewwel darba, il-gazzetti kienu għamlu għagħa kbira fuqha għax il-vuċi tagħha kienet tajba.
Meta ħareġ The Jazz Singer iċ-ċinemas ma kinux lesti għas-sistema l-ġdida. Fil-fatt l-ewwel darba li kien intwera fl-Ewropa kien bħala silent. L-ewwel film talkies li ntwera f’Malta kien fit-Teatru Manoel.

Kif kienu jintwerew il-films
Dak iż-żmien film f’raħal kien jiswa xelin u nofs (7ċ5) fil-gallarija u xelin (5ċ) fil-platea. Il-Belt kont tħallas tmintax irbiegħi (10ċ5) għall-platea u tliet xelini (15ċ) għal gallarija.
Fil-Ħamsinijiet it-tfal kienu jidħlu b’seba’ soldi (3ċ5) u l-kbar xelin u żewġ soldi (6ċ) fil-Buckingham u fir-Royal f’Ħaż-Żabbar.
Bħala ordni l-ewwel kienu jintwerew l-aħbarijiet. Dawn kienu varjati fuq kollox. Kienu ilhom jintwerew minn żmien il-films silent u baqgħu għaddejjin sa l-1960/64. F’Malta kienu jidħlu tal-Pathè News, Warner Pathè News, Movie Tone News, British News, Paramount News, Arthur Rank News li kien jagħmel aħbarijiet dwar li jiġri wara x-xeni fiċ-ċinema u tat-20th Century Fox.
Imbagħad il-films qosra msejħa x-shorts li kienu dokumentarji dwar kollox: pajjiżi, karozzi, eċċ. Wara kienu jintwerew il-cartoons. Warajhom it-trailers tal-films li jkunu se jidhru matul il-ġimgħa.
Qabel jibda l-film ġieli kien jintwera l-intermission jew kif kien isejjaħlu Montebello ‘l-imbarazz’. Dan kien ikun magħmul mir-reklami tal-Pearl and Dean, kumpanija Maltija li kienet tieħu ħsieb dawn ir-reklami u kienet tinsab ħdejn Kingsway. Uħud mill-films kien ikollhom ir-reklami tagħhom.
L-intermissions kienu jintwerew ukoll matul il-film. Dejjem jiddependi minn sid iċ-ċinema. Xi drabi kienu jintwerew sakemm toħroġ l-ewwel udjenza u tidħol it-tieni.
It-Taljani kien ikollhom l-intermission wara l-ewwel att (primo tempo). It-tieni att ma kienx jieqaf. Il-films Taljani mit-televixin minn hemm ħaduha li jaqsmu l-films tagħhom f’atti.

Fl-aħħar jintwera l-film
Kien hemm ukoll il-films maqsuma f’kapitli ta’ kwarta, il-biċċa l-kbira maħduma mill-Columbia. Superman, Sir Galahad, The Black Mask, Captain Marvel u Fighting Marines kienu wħud li resqu sa xtutna.
“Kien hawn għagħa kbira fuqhom. Kien hawn epoka għalihom biss u aħna konna nirreklamawhom bil-goff,” qal Montebello.
Il-films Chapters kienu jdumu ġimgħa jintwerew fl-istess ċinema mbagħad l-istess kapitlu jgħaddi għand ċinema ieħor. F’xahar, tnejn, kien jintwera l-film kollu f’ċinema wieħed. Uħud lanqas kienu jifilħu jistennew u kienu jżuru ċinemas differenti biex jgħaqqdu l-film.
Is-sistema kienet tajba għax jekk tkun tlift wieħed minnhom f’ċinema partikulari kien ikollok iċ-ċans tmur tarah f’ieħor.
Bħala ordni normalment kienu jibdew jintwerew il-Belt imbagħad imur Tas-Sliema jew ir-Rialto, wara Raħal Ġdid imbagħad jibqa’ jdur l-irħula.
Kien hemm ukoll il-films Sing-a-Long li bdew deħlin Malta fl-1948/49. Kienu films ta’ kwarta bil-mużika bil-kliem taħt. Tista’ tgħid kienu l-ewwel karoakes. Dawn baqgħu għaddejjin sas-Snin 60. Qabel ma daħlu dawn kien ikun hemm raġel idoqq l-orgni sakemm jibdew il-films.
Kien hemm anki l-films 3D. Dak iż-żmien ridt tixtri n-nuċċalijiet apposta mingħand Tanti. Wieħed minn dawn il-films kien The House of Wax.
Il-magni għat-3D kienu tnejn jaħdmu flimkien u kull waħda kienet turi viżjoni differenti bħalma persuna tara minn għajnejha. Jekk waħda minnhom kienet tieħu skussjatura fuq ir-Rewinders, min kien jieħu ħsieb il-magni kien ikollu jaqta’ mit-tertuqa ta’ l-oħra fl-istess biċċa eżatt biex jibqgħu jaqblu bejniethom.
It-tertuqi kienu jaqbdu mix-xejn. Parti minn xogħol il-makkinisti kien li kif taqbad waħda jniżżel ix-shutter u jixgħel il-platea.

Iċ-Ċinema f’Malta
“Dak iż-żmien it-talkies kien l-uniku divertiment. Uħud minnhom kienu juru l-aħjar films fis-sajf biex jiġbdu n-nies li kienu jonqsu ħafna minħabba s-sħana u l-baħar. Il-fann ġieli kien jinstama’ iżjed mill-film għax uħud miċ-ċinemas ma kinux jagħtuhom iż-żejt,” qal Vince Williams, li qed jitkellem dwar is-Snin 50.
Iċ-ċinema kien baqa’ għaddej fl-aħjar tiegħu sas-Snin 80. Beda jbatti meta daħal it-televixin f’Malta għalkemm in-nies xorta baqgħet tmur. Skond Montebello, iċ-ċinemas kienu jimtlew iktar ma tinżel xita u l-films tal-biża’, bħal Dracula, kienu jitħallew l-aktar għal late night shows tal-11pm jew il-11.30pm.
Il-Belt kienet il-Mekka tat-talkies u kienet hekk mill-bidu.
“Li niftakar mill-Belt hu li biex wieħed iserraħ rasu mill-biljetti għal Ħadd ried jaqtagħhom mill-Erbgħa żgur. Kien hemm min kien jaqla’ l-għixien tiegħu billi jixtri l-biljetti għan-nies ta’ l-akkwati. Sas-Sibt dejjem kien ikun mimli sa ruħ ommu,” qal Montebello.
Williams kompla miegħu, “Il-Belt ħadet daqqa ta’ ħarta mindu għalqu t-talkies.”
Għal Montebello t-Teatru Manoel kien il-mekka taċ-ċinemas f’Malta. Dan kien f’idejn is-Sur Godfrey, imlaqqam Bogart, għax kien jilbes eżatt bħalu u kien wieħed mill-aħwa tal-kumpanija Captain Caruana. Fis-sajf kien jagħlaq it-teatru biex inaddfu sew u jġib il-films għal tliet snin. Kien l-ewwel ċinema li ġab l-amplifikaturi Westrex. Kellu erba’ bodyguards li jżommu l-kwiet. Ma kienx hemm ċajt dak iż-żmien.
Skond Montebello lis-Sur Godfrey kont tixtrih b’borża biskuttini kbira mit-tajbin biex jagħtik films tajbin. Min-naħa l-oħra lil Pawlu l-Flipper, li kien skrivan fil-Capitol tal-Belt, kont tixtrieh biċ-ċikkulata jew tofi Taljan minflok bil-biskuttini.
Il-Capitol baqa’ jeżisti wara l-gwerra sa l-1958. Kien bl-abbonament u kien iġib il-films Taljani li kienu jgħidulhom il-Films tad-Dmugħ. Kellu raġel bl-uniformi jgħajjat quddiem id-daħla taċ-ċinema l-film li jkun imiss u kien jagħmel ġurnata jgħajjat. “Illum tal-Bill Crosby. Jane Wyman. Ejjew għax ħa jibda.”
Dan iċ-ċinema kellu wkoll qanpiena li kif jispiċċa film tibda ddoqq u kif jibda l-film tieqaf. L-irġiel bl-uniformi nqatgħu mal-1951/2.
Mezzi oħrajn ta’ reklamar kienu kartelluni quddiem iċ-ċinema. Uħud minn li jiftakar Montebello huma ‘Kollu ġlied illum’, ‘Dan tal-biki! Qis li ma titilfux għax jaqsamlek qalbek’ u ‘Ġlieda ta’ 20 minuta’.
Il-makkinst jerġa’ jaqbad jitkellem dwar il-films Taljani, “Konna qlajnihielhom Tal-Pastizzi għax il-laned li kienu jiġu fihom kienu kbar. Sfortunatament dawn bdew jinqatgħu minħabba s-sagħtejn u nofs. Meta tela’ Mintoff il-films saru sagħtejn u nofs u x-shorts kellhom jitwalu biex jilħqu l-ħin. Allura t-Taljani bdew jitolbu l-flus tagħhom.
“Spiċċaw ibiddlu l-ħinijiet għax in-nies ma bdietx tilħaq tal-linja. Uħud miċ-ċinemas bdew jitfgħu x-shorts għall-aħħar biex in-nies ilaħħqu l-film u titlaq ’il barra. Din ir-regola daħlet għax kienet bħall-Ingilterra u anki f’ċerti teatri Amerikani. Imma hawn Malta ma kinux jifilħu jagħmlu żewġ shows għal xelin.”
Bħala ċensura dak iż-żmien kienu jaqtgħu barra bews u lbies xi daqsxejn skullat. Il-posters li kienu jiġu bin-nisa fil-malji, il-makkinisti kienu jispiċċaw jgħattu l-partijiet mikxufa biż-żebgħa. Għal films mingħajr ċensura kien ikollok titħabbeb ma’ xi ħadd li f’dak iż-żmien kien jaħdem ma’ tas-Servizzi Ingliżi u tidħol miegħu.
Wieħed mill-iktar films popolari f’Malta kien Marcellino Pane e Vino, tant li s-Sur Eddie u Walter Baldacchino, is-sidien tal-Capitol kienu riedu jaqilbuh għall-Malti. Telgħu Cine Città imma mbagħad talbuhom prezz għali u ma sar xejn. Kien l-iktar film li għamel flus Malta. Baqa’ għaddej għal żmien twil. Anki l-Azzjoni Kattolika kienet bdiet iddawru.

Fi żmien il-gwerra

Il-films baqgħu għaddejjin anki fl-agħar bombardamenti fil-fatt biex jaslu kemm jista’ jkun sħaħ, dawn kienu jiġu bis-sottomarini. Tant kienu mfittxija li wħud minnhom fetħu fi żmien il-gwerra fosthom Ta’ Morana ta’ Bir id-Deheb.
Il-makkinisti kienu jixegħlu dawl aħmar u jitfuh tliet darbiet biex javżaw li hemm air raid. Montebello jiftakar makkinist li kien ikun barra qabel in-nies waqt air raid.
Iċ-ċinemas ġieli ntlaqtu minn bombi waqt li qegħdin juru l-films. Wieħed minnhom kien il-Capitol ta’ Strada Rjali. F’dan l-attakk partikulari kienu mietu n-nies u l-makkinist instab fi Pjazza Regina bil-blast tal-bomba, mixħut ma’ l-art imma ħaj.
Il-films kienu baqgħu bl-istess prezz.

L-atturi Maltin ta’ Hollywood

Joseph Calleia
Amerikan, imwieled minn ġenituri Maltin, Joseph Calleia kien wieħed mill-aktar Maltin li ħadem films, 57 b’kollox, u li matul il-karriera tiegħu baqa’ dejjem fil-quċċata. Sa kienu offrewlu l-parti ta’ The Godfather minflok Marlon Brando imma dak iż-żmien kien diġà laħaq irtira Malta.
Kien l-aktar magħruf fis-Snin 40 u 60. Iżda minkejja l-fama tiegħu fl-Amerka u anki l-Italja, l-aħbar ma għamlitx għagħa f’Malta meta miet. Anzi iktar minn hekk, minħabba li kien ħadem bosta karattri Sqallin, ir-RAI kienet qalet li mietet stilla taċ-ċinema Taljana.
Tlieta mill-films tiegħu ma kinux tħallew jidħlu Malta fosthom Full Confession li fih l-attur kellu l-parti ta’ qassis.
Fl-1936, waqt li kien qed jaħdem il-film Tough Guy, Calleia ħareġ bl-idea li jkanta l-kanzunetta folkoristika Maltija Ah lilek tal-Gallarija, l-ewwel diska bil-Malti li qatt instemgħet fuq film ta’ Hollywood. Il-kumpanija għal bidu beżgħet tuża d-diska minħabba d-drittijiet ta’ l-awtur imma Calleia kkonvinċihom li ma kien l-ebda drittijiet fuqha u wżawha. Din il-kanzunetta kien ikantaha ma’ sħabu r-Rabtin meta kien għadu tifel fil-Buskett.

Oreste Chircop
Beda l-karriera operistika tiegħu fl-1945 fir-Radio City Opera House tal-Ħamrun bil-karattru Turiddu.
Fil-ħames snin ta’ wara ħadem mas-60 rwol ta’ tenur, ammont li l-ebda tenur ieħor ma qabeż. Fl-1950 kompla l-karriera tiegħu barra minn Malta fejn ħadem f’Londra u f’Los Angeles.
Paramount ta’ Hollywood rabtitu b’kuntratt ta’ Lm10,000 biex ikanta f’The Vagabond King li kien ukoll l-ewwel film musical tiegħu fl-1956. Sentejn wara ħadem l-ewwel Rigoletto għat-televixin. The Vagabond King kien l-uniku film ta’ Hollywood għal Chircop minkejja li xi kritiċi kienu wissew lil Mario Lanza, li f’dak iż-żmien kien fl-aqwa tiegħu, biex joqgħod attent minn dan ir-rivali ġdid.
Chircop ma aċċettax aktar films għax fil-fehma tiegħu ma kinux tajbin għalih.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075