Aħbarijiet | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Dr Mark-Anthony Falzon mill-Fakultà ta’ l-Arti jwieġeb lill-Prof. Manwel Mifsud dwar l-użu tal-Malti fl-Università u jtenni l-bżonn li fl-ogħla istituzzjoni edukattiva l-istudenti jkunu mħeġġa jużaw biss l-Ingliż.
L-inqas ħaġa li nixtieq hi li naqbad xi tip ta’ battibekk ma’ Manwel Mifsud. Il-Professur Mifsud hu ħabib u kollega tiegħi u nibqa’ nirrispettah dejjem bħala wieħed mill-aqwa professuri li għallimni meta kont student l-Università. Qed nikteb dan fl-ispirtu ta’ skambju, nittama wieħed produttiv.
Fir-risposta tiegħu għall-ittra tiegħi fuq l-użu tal-Malti fl-Università l-Prof. Mifsud għamel diversi punti diskutibbli.
L-ewwel, jien ma nistax naqbel li l-ittra tiegħi kienet ibbażata fuq ‘nuqqas ta’ fiduċja fina nfusna bħala Maltin.’ Jidhirli li hemm differenza bejn nuqqas ta’ fiduċja u li wieħed jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu. Minix qed nirreferi għal xi limitazzjonijiet strutturali-lingwistiċi tal-Malti – għax naħseb li fil-fatt m’hemmx, jew m’hemmx iktar minn fil-każ ta’ lingwi oħra – imma fuq il-limitazzjonijiet tal-Malti bħala għodda ta’ skambju ta’ ideat li jmur oltre l-konfini dojoq ta’ pajjiżna.
Il-punt tiegħi kien, u għadu, li jkun kontro-produttiv li ninkoraġġixxu użu ikbar tal-Malti fl-Università. Il-Prof. Mifsud għandu perspettiva differenti. Jirraġuna li m’hemm xejn ħażin f’dan, dment li l-Ingliż jibqa’ dejjem suġġett rekwiżit għad-dħul fl-Università.
Jidhirli li hemm kontradizzjoni li jkollok lingwa rekwiżita għad-dħul li mbagħad fil-kontenut tat-tagħlim ma tkun rekwiżita xejn. L-Ingliż hu rekwiżit sempliċiment għax ma jagħmilx sens li l-edukazzjoni fl-Università tkun ibbażata fuq il-Malti li, wara kollox kien il-punt tiegħi.
Terġa’, rekwiżit per se ma jfissirx ħafna. Nara ħafna studenti li jidħlu l-Università, dejjem bir-rekwiżiti, u tul il-kors ta’ l-istudju tagħhom itejbu l-abbiltà lingwistika tagħhom fl-Ingliż minn waħda sodisfaċenti għal waħda tajba ħafna; dan jiġri mhux għax kellhom ir-rekwiżit, imma għax ikollhom bilfors jużaw l-Ingliż fl-istudji tagħhom.
Id-dibattitu fuq is-sit elettroniku hu periferali. Jien ktibt li ktibt għax ninsab inkwetat li ħaġa twassal għal oħra u li ma ndumux ma naraw min jissuġġerixxi li l-istudenti ikollhom dritt li jagħmlu l-eżamijiet, pereżempju, bil-Malti. Onestament ma nafx x’inhi l-pożizzjoni tal-Prof. Mifsud fuq dan imma fil-fehma tiegħi jkun ta’ detriment enormi għall-istudenti tagħna.
Niġu għall-bilingwiżmu. L-espert hawnhekk hu l-Prof. Mifsud u jidhirli li għandu raġun li jgħid li l-argument li użu ikbar tal-Malti jwassal għat-telfien ta’ l-Ingliż fil-prinċipju ma jreġix. Fil-prattika, però l-bilingwiżmu ma jaħdimx b’mod daqshekk skjett. Nistaqsi, liema huma dawk l-istudenti li, jekk jingħataw għażla bejn li jaqdfu u jitgħallmu bl-iżbalji biex itejbu l-Ingliż u li jużaw lingwa li jafu sew għax trabbew biha, jagħżlu ta’ l-ewwel? Nissuspetta li nistgħu nispiċċaw uffiċjalment bilingwi imma monolingwi (bil-Malti) fil-prattika.
Il-Prof. Mifsud semma l-istituzzjonijiet Ewropej, it-traduzzjoni u l-fatt li l-Ewropa ‘għarfet’ il-Malti. Il-fehma tiegħi hawnhekk hi ċara u naħseb xi ftit xokkanti. Il-politika lingwistika ta’ l-UE ma timpressjonani xejn. X’sens jagħmel pereżempju, li jkollok industrija enormi tat-traduzzjoni li fil-fatt tkun okkupata tittraduċi dokumenti li jaqrawhom ftit nies għal dokumenti li ma jaqrahom ħadd? Nemmen ukoll li l-għażla ta’ l-UE mhix xi indikazzjoni ta’ l-importanza strateġika tal-Malti imma sempliċement riżultat ta’ ‘lobbying’ politiku. Min għandu dubju dwar dan jagħmel tajjeb ikellem ftit lill-Catalani.
Niġu għall-punt delikat ta’ ‘lsien nazzjonali’. Jien ma naqbilx li l-Malti ‘mhux ilsien nazzjonali għax xi ħadd darba ddikjarah hekk, jew għax tqiegħed fil-Kostituzzjoni... [imma għax] hu l-ilsien li twieled ma’ l-identità tagħna bħala poplu u li mal-Maltin mexa t-triq tal-progress tagħhom sa llum.’ Din hi perspettiva primordjalista li tħallat kunċett politiku ta’ nazzjonalità ma’ dak etniku. Kwalunkwe ‘lsien nazzjonali’, fis-sens ta’ politika lingwistika, għax il-Prof. Mifsud qed jagħmel argument f’dik id-direzzjoni, mhu xejn ħlief ħlejqa politika – relevanti, importanti, influwenti, imma politika u storikament moderna ħafna.
Bħalma mhix il-girna biss li ttina sens ta’ identità arkitettonika, ma kienx il-Malti biss li ‘mexa mal-progress tagħna’, ħarsa lejn il-karti tal-flus mill-ewwel tindika dan, imma kienu għallinqas il-Malti, l-Ingliż u t-Taljan. Minix qed nissuġġerixxi li nagħmlu t-Taljan il-lingwa nazzjonali, imma li nneħħu l-enfasi fuq il-fatt li l-Malti hu ‘speċjali’ għax nazzjonali, favur politika lingwistika li tagħraf il-fatt li dawn it-tliet ilsna huma, fil-forom u l-użi differenti tagħhom ilkoll parti minna imma f’sitwazzjonijiet differenti.
Għalhekk insostni li għandna niddistingwu bejn sitwazzjoni u oħra u li dik ta’ l-Università hi partikolari fis-sens li għandha bżonn użu esklussiv ta’ l-Ingliż. Nisħaq, mhux għax hemm xi ħaġa inferjuri fil-Malti, imma minħabba l-mod kif trid topera l-akkademja f’pajjiż żgħir u periferali. Wara kollox, bl-istess argument bilingwistiku tal-Prof. Mifsud li l-abiltajiet lingwistiċi jimxu id f’id, m’hemmx bżonn li lingwa tkun iddikjarata ‘speċjali’ biex tisseddaq.
Dan hu l-qofol ta’ l-argument tiegħi. Ma naħsibx li nistgħu naffordjaw li studenti li forsi trabbew f’ambjent fejn l-Ingliż mhu mitkellem qatt, jilleġitimizzaw il-pożizzjoni tagħhom billi jużaw xi kunċett ta’ lingwa ‘speċjali’. Dan ma jkunx fl-interess tagħhom u ċertament mhux ta’ l-Università.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|