Aħbarijiet | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Dr Rebecca Gomperts titkellem ma’ Illum
Julia Farrugia
Jekk għal uħud l-abort ifisser qtil ta’ tarbija innoċenti, għat-tabiba Olandiża Rebecca Gomperts li tmexxi l-kampanja Women on Waves, l-abort hu mezz li bih jitjiebu d-drittijiet u s-saħħa tan-nisa.
Gomperts se tkun Malta nhar l-Erbgħa fuq stedina tal-Partit Liberali Demokratiku Riformista Alpha mmexxi minn Dr Emmy Bezzina biex tagħti taħdita fuq is-suġġett.
Il-kampanja mmexxija mit-tabiba kontroversjali hi msejsa fuq vapur li hu awtorizzat biex fuqu jsiru l-aborti. Dan il-vapur reġistrat l-Olanda jankra f’ibħra internazzjonali lil hinn minn pajjiżi fejn l-abort hu llegali biex nisa tal-pajjiż ikunu jistgħu jagħmlu abort b’xejn mingħajr ma jiksru l-liġi ta’ pajjiżhom.
F’intervista ma’ Illum Gomperts tgħid li rċeviet ħafna talbiet minn nisa Maltin biex jagħmlu abort.
Hi tal-fehma li tifla ta’ 13-il sena li nqabdet tqila għandha dritt tagħmel abort.
“Aħna nirrakomandaw bil-qawwa kollha li titkellem mal-ġenituri tagħha jew ma’ xi adult li tafda. Imma fl-aħħar mill-aħħar tifla ta’ 13-il sena li nqabdet b’tarbija u trid abort u ma tridx turi lill-ġenituri jistħoqqilha li tkun rispettata u għandha dritt li tirċievi l-istess kura bħal ħaddieħor.”
L-abort hu suġġett delikat ħafna għal pajjiżna tant li fin-negozjati dwar sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea, anki jekk ma kellux għalfejn, il-Gvern ħass li kellu jinnegozja protokoll biex jiżgura li l-ebda direttiva Ewropea fil-preżent jew fil-futur ma tkun tista’ ddaħħal l-abort f’pajjiżna jekk mhux b’deċiżjoni unika tal-Parlament Malti.
Madankollu għal Dr Rebecca Gomperts, id-Direttriċi tal-proġett Women on Waves, id-dritt tal-mara li tagħmel abort hi kwistjoni marbuta mal-ġustizzja soċjali. Hi se tagħti taħdita f’Malta nhar l-Erbgħa li ġej.
Mistoqsija minn Illum għala fil-fehma tagħha l-abort għandu jidħol f’Malta Gomperts qalet li “meta l-abort ikun illegali ma jnaqqasx l-ammont ta’ aborti li jsiru. Il-kwistjoni ta’ l-abort torbot direttament ma’ l-inġustizzja soċjali, mal-faqar u mad-diskriminazzjoni.”
Gomperts tgħid li dawk in-nies li għandhom il-flus jistgħu dejjem isibu tabib jew imorru barra minn Malta.
“Aktar ma persuna tkun fqira aktar hemm ċans li din tipprova tagħmel abort waħidha. Hemm min jipprova jagħmel abort b’labar tal-ħjata, b’daqqiet f’żaqqhom jew inkella jmorru għand xi ħadd mingħajr taħriġ,” targumenta Gomperts.
Il-mara tippreżenta lista xokkanti u tgħid li din hi ta’ eluf ta’ nisa li mietu minħabba li għamlu abort li mhux kif suppost.
“F’ċerti pajjiżi 40 fil-mija ta’ l-aborti mhux kif suppost wasslu għal kumplikazzjonijiet koroh. Kull sena jmutu 70,000 mara b’każijiet ta’ din ix-xorta,” targumenta Gomperts.
“Kull seba’ minuti f’xi parti jew oħra tad-dinja tmut mara minħabba abort li ma jsirx kif suppost,” tkompli l-mara. L-istatistika turi li tmut mara minn kull 300 li tagħmel abort ħażin. Nofs in-nisa li jagħmlu abort huma ommijiet bi tfal. Aktar minn 200,000 tifel u tifla jitilfu lil ommhom għax tkun mietet waqt abort ħażin.”
Mistoqsija speċifikament kemm irċeviet talbiet minn nisa Maltin biex jagħmlu abort Gomperts wieġbet li “m’għandix statistika imma ħafna nisa Maltin għamlu kuntatt ma’ Women on Waves.”
Women on Waves hu vapur li jbaħħar minn pajjiż għall-ieħor u jsir l-abort fuqu.
In-nisa li jagħmlu abort iħallsu biss ewro (0.43 ċenteżmu) li hi tariffa simbolika.
Gomperts tgħid li bħalissa l-proġett ewlieni tal-Women on Waves hu linja ta’ informazzjoni fuq l-internet li qed titmexxa minn voluntiera. Nisa li jikkuntattjaw lill-Women on Waves jingħataw tagħrif dwar kif jistgħu jagħmlu abort li ma jkunx ta’ periklu għal saħħithom. Fuq l-internet stess in-nisa jsiru jafu kif jistgħu jagħmlu abort waħidhom b’mediċina jisimha Misoprostol jew Cytotec.
“F’xahar wieħed dan is-servizz jilħaq 70,000 mara minn pajjiżi differenti madwar id-dinja,” tisħaq Gomperts. “Ilna ftit ma nagħmlu kampanja bil-vapur imma bħalissa qed nippreparaw biex nagħmlu waħda,” tiżvela t-tabiba.
Sakemm mara jkollha seba’ ġimgħat tqala tkun tista’ tagħmel abort fuq il-vapur u dan sakemm il-bastiment ikun f’ibħra internazzjonali fejn allura tkun tapplika l-liġi Olandiża fejn hu reġistrat il-vapur.
“Biex il-vapur tagħna jagħmel kampanja f’pajjiż partikolari jrid ikollna stedina minn għaqdiet lokali fil-pajjiż inkwistjoni,” tispjega Gomperts.
“Ftit tal-jiem qabel ma l-vapur tagħna jasal fil-pajjiż nippubblikaw numru speċjali fejn nisa jistgħu jċemplulna. Dawn jingħataw appuntament biex tabib jew konsulenti speċjali fuq il-vapur ikellimhom fid-dettal dwar il-qagħda tat-tqala tagħhom.
“Jekk il-mara tkun ċerta li trid jew li tkun teħtieġ l-abort hi tkun tista’ tbaħħar fuq il-vapur sakemm dan jieqaf f’ibħra internazzjonali. Hemmhekk tingħata l-pillola ta’ l-abort u tkun tista’ tiblagħha dak il-ħin stess,” tgħid Gomperts.
Il-mara tkompli tispjega l-proċess. “Il-vapur jerġa’ jibda jbaħħar lura u l-mara jkollha korriment. Is-sogru li jkun hemm kumplikazzjonijiet huma baxxi ħafna: inqas minn wieħed fil-mija. U jekk ikun hemm xi kumplikazzjoni din tista’ tkun trattata faċilment b’antibiotiċi jew b’vacuum aspiration abbord il-vapur.”
Gomperts tgħid li wara ftit ġimgħat huma jerġgħu jikkuntattjaw lill-mara biex ikunu żguri li kollox sew.
Mistoqsija minn Illum jekk hi taċċettax li tagħmel abort fuq tifla ta’ 13-il sena u jekk iva titlobx il-permess ta’ min qed irabbi lit-tifla, Gomperts wieġbet li: “Aħna nirrakomandaw bil-qawwa kollha li titkellem mal-ġenituri tagħha jew ma’ xi adult li tafda. Imma fl-aħħar mill-aħħar tifla ta’ 13-il sena li nqabdet b’tarbija u trid abort u ma tridx turi lill-ġenituri jistħoqqilha li tkun rispettata u għandha dritt li tirċievi l-istess kura bħal ħaddieħor.”
Fl-Ewropa huma biss Malta, l-Irlanda u l-Polonja li għandhom restrizzjonijiet fuq l-abort.
It-taħdita ta’ Gomperts, organizzata minn Emy Bezzina, se ssir nhar l-Erbgħa fil-Castille Hotel, il-Belt u tibda fid-9.30pm.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|