Sport | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Anki jekk isimha m’għadux jidher u jinstema’ daqstant fil-qasam tal-media Maltija, il-Judoka li tant għamlet suċċess lil pajjiżna fl-imgħoddi u li forsi laħqet l-ogħla livelli f’dan l-isport f’Malta għadha l-istess persuna ta’ darba.
Dħulija, tagħmlek familjari mill-ewwel u fuq kollox b’karattru ferrieħi li jġegħilha tidħak il-ħin kollu bl-aktar affarijiet sempliċi.
Qatt ma kont kellimtha qabel. Rajt biss filmati fuq it-televiżjoni ta’ l-aqwa żminijiet tagħha. Anki jekk fit-teknika tal-judo ma nifhem xejn, nibqa’ niftakar qisu lbieraħ tfajla li l-avversarji tagħha fuq it-tapit ma kinitx biss tirbħilhom…imma tarmihom minn fuq it-tapit.
Personalment nikkunsidraha bħala waħda mill-aqwa sportivi li qatt ħarġu minn Malta. Ilha wieqfa għal xi snin pero’ baqgħet popolari ħafna man-nies tat-triq li kif tispjegali hi stess mhix l-ewwel darba li waqqfuha u jsaqsuha jekk hix l-istess Laurie Pace li tant rebħet unuri fil-judo.
“Sal-ġurnata ta’ llum għadhom iwaqqfuni n-nies u jistaqsuni jinix l-istess Laurie Pace tal-judo. Ma nafx kif għadhom jagħrfuni.
“Illum irtirajt mill-judo. Ħassejt li kien wasal iż-żmien li żgħażagħ oħra jieħdu posti. Ridt nitlaq b’suċċess u rnexxieli. U ladarba titlaq l-isports, l-isports jitilqek. Kelli wisq injuries fil-karriera. Għadni nvoluta fl-isport fit-taħriġ personali. Ma niħux pjaċir niġri imma parti mit-taħriġ tiegħi huwa l-ġiri biex inżomm il-figura ta’ ġismi kif nixtieq.
“Bħala sport insegwi kważi kollox. Immur nara anki l-futbol u l-aħħar logħba li lagħbet Malta kontra t-Turkija mort u ħadt pjaċir ħafna. Miniex xi dilettanta tal-futbol u m’għandix xi timijiet favoriti imma nħobb ninteressa ruħi wkoll. Hawn wisq passjoni għall-futbol. Ma naħsibx li hemm bżonn li jien inkun ukoll.”
Lil Laurie nispjegala li f’Malta il-futbol huwa aktar meqjus bħala reliġjon u passjoni milli sempliċiment wieħed jappoġġa tim. Taqbel miegħi u tirrakkuntali tfulita.
“Minn meta kont żgħira kont infendi għal rasi ħafna u nemmen li dan kien mezz li bih bnejt karattru sod. Minn mindu twelidt kont sportiva. Id-dar ħadd ma kien iżommni mingħajr sport. Kont fi kwalunkwe sport u fiż-żmien l-iskola kont nippreferi l-isport fuq kull ħaġa oħra. L-istudju kien jiġi wara għalija. Iktar ’il quddiem f’ħajti rrealizzajt li l-iskola importanti ħafna. Il-ġenituri dejjem ħallewna fil-libertà.
“Ipprattikajt il-climbing, il-ġinnastika, il-volleyball, in-netball, il-basketball, il-canoeing, il-hiking, iċ-ċikliżmu u l-hockey. Jien twelidt il-Kanada u hemmhekk dawn l-isports popolari ħafna. Ġejna lura Malta bħala familja meta kont għadni żgħira.”
Laurie Pace twieldet fid-9 ta’ Frar 1966. Toqgħod Birkirkara u hija bint Elia u Antonia.
Hija t-tieni fost erba’ aħwa. Il-kbira jisimha Agnes filwaqt li t-tewmin Brian u Sharon huma iżgħar minnha.
Tispjegali kemm għena f’ħajjitha l-judo biex bniet il-karattru li għandha llum.
“Jien kont mistħija ħafna u l-judo bnieli l-karattru tiegħi. Bdejt nipprattika dan l-isport ta’ 12-il sena u kont nistħi nbiddel u ninħasel quddiem sħabi. Kont nibqa’ sejra d-dar bl-għaraq u ninħasel wara. Maż-żmien drajt. Fuq stage tat-trasport pubbliku ma kont tarani qatt. Meta kont inkun f’pożizzjoni li nista’ niġi f’għajn in-nies kont niddejjaq.
“Però għalija kien l-isport li ħariġni minn din il-mistħija. L-ewwel dehra tiegħi fil-media kienet meta kont żgħira ħafna. Kont mort fuq it-televiżjoni u ma ninsa qatt kemm għerqu jdejja u kemm bżajt mill-mikrofonu.”
Tikkonvinċini li l-judo huwa arti li grazzi għalih titgħallem ma taqta’ qalbek qatt. Tqis dan il-fatt bħala l-passjoni li tagħtha l-logħba.
“Il-fatt li ma taqta’ qalbek qatt hija passjoni kbira fl-isport. Meta kont nitlef xi ġlieda importanti kont ngħid li ma jistax ikun daqs kemm tħarriġt. Ma kontx insib raġuni. Jgħaddu ġimgħa jew ġimagħtejn u kont ngħid irrid nerġa’ nipprova. Il-judo kien l-aktar sport li jogħġobni. Għadni sa llum neħel mat-televiżjoni meta nara xi ħaġa fuq il-judo.”
Donnha tinduna li fl-isport favorit tagħha ftit li xejn nifhem. Tipprova tispjegali kif issir ġlieda Judo.
“Fil-judo ħadd ma jrid jaqa’. Imma aktar u aktar ħadd ma jrid jaqa’ u jiġi fuq dahru. Però ma nemminx li huwa sport perikoluż għax fil-judo titgħallem kif taqa’ u kif għandek twaqqa’ persuna meta taqlibha. Kieku jien insib persuna fit-triq u nitfgħu ma’ l-art ovvja li se nweġġgħu għax ma jkunx jaf kif għandu jaqa’ imma meta tkun imħarreġ l-istorja hija ferm differenti. Minbarra li titħarreġ biex titfa’ u tarmi bniedem trid tkun kapaċi tagħmel dan għall-perfezzjoni.
“Il-judo tekniku ħafna u nista’ nassigurak li mara mħarrġa fil-judo u raġel li qatt ma tħarreġ fil-judo tirbaħ il-mara jekk ikollhom jiġġieldu, anki jekk raġel b’saħħtu aktar minn mara. Jien kont nikkompeti fil-kategorija tal-61 kg u inqas u aktar ’il quddiem applikajt għall-kategorija tal-57 kg.”
Nitkellem ma’ Laurie fuq min kienu l-aktar nies li għenuha f’ħajjitha biex laħqet il-livelli straordinarji tagħha.
“F’ħajti sibt ħafna nies li għenuni. Il-kowċ tiegħi Russu bqajt nirrispettah sa llum. Sergej Teluk għamilt sitt snin nitħarreġ miegħu. Għeni ħafna kif nitfa’ u meta nkun ma’ l-art. Mario Giuliano kien l-ewwel kowċ tiegħi u Alex Bezzina wkoll kien persuna li għani mmens.
“Il-coaches kollha li ġew għal ftit f’Malta u telqu kollha tawni għajnuna tajba. Mort sitt xhur Milan ma’ Angelo Beltracchini u sitt xhur oħra l-Ingilterra ma’ Neil Adams u hemmhekk indunajt xi tfisser il-ħajja professjonali ta’ Judoka. Imbagħad ma nistax ninsa lill-amministraturi bħal President Envic Galea u l-kumplament tal-Kumitat tal-Malta Judo Association li flimkien mal-KOM sibthom warajja. F’Malta għad hawn ħafna assoċċjazzjonijiet li jħallu l-atleti tagħhom jaqdfu waħedhom speċjalment f’xi safra. Jien kont xortija tajba li sibt ħafna nies warajja.”
Minn tant snin esperjenza nistaqsiha jekk illum il-ġurnata għadhiex tqis il-judo bħala xi ħaġa tal-passat f’ħajjitha.
“Il-passjoni għadha hemm żgur. Però ma nafx nerġax nitla’ darb’oħra fuq it-tapit. Kultant ngħid iva u kultant ngħid le. Imma qisni biex nerġa’ nibda ma nafx kif narani. Jien li dejqitni l-aktar kienet li tul ħajti kollha mis-7pm sad-9pm ma stajtx nagħmel affarijiet oħra ħlief il-judo.
“Nixtieq li f’pajjiżna għandna iktar atleti fil-judo imma jiddispjaċini ngħid li m’hawnx. Però rrid ngħid li b’Marcon Bezzina il-livell ogħla xi ftit. Imma jekk tieħu kollox inġenerali naħseb li bqajna fejn konna.”
Nistaqsiha fuq il-ġurnata ta’ llum. Laurie tgħidli li m’għandha x’taqsam xejn aktar mal-federazzjoni tal-Judo u llum intefgħet b’ruħha u b’ġisimha tikkontribwixxi fil-Kumitat Olimpiku Malti.
“Illum il-ġurnata m’għandix aktar relazzjoni ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Judo ħlief li jien membru biss u għal dan għandi r-raġunijiet personali. Illum il-ġurnata jien direttriċi fil-Kumitat Olimpiku Malti. Din hija s-sitt sena u għandi x’naqsam ma’ l-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-atleti. Nieħu ħsieb il-website ukoll. Kont dħalt meta rtirajt mill-judo fis-sena 2000. Kienu kellimuni l-President, l-Imħallef Lino Farrugia Sacco u Pippo Psaila. Kont ilni 24 sena fl-isport u ridt nagħti ftit lura minn dak li tgħallimt fuq bażi volontarja.”
Nitkellmu flimkien ukoll fuq l-esperjenzi ta’ ħajjitha. Anki jekk il-karriera tagħha hija waħda vasta, Laurie xorta tgħidli li f’ħajjitha kien għad jonqosha ħolma waħda li ma wettqithiex.
“L-uniku ħolma li m’għamiltx fil-judo kienet li ma ħadx sehem fil-Fukoka Cup. Kelli ċans immur il-Ġappun u l-istedina waslet fl-aħhar tal-karriera tiegħi u ma stajtx immur għax ma sibtx sponsor u l-ispejjeż kienu se jkunu esaġerati. Dik kienet l-uniku ħaġa li xtaqt nagħmel u m’għamiltx.
“Naħseb li l-isbaħ esperjenza fil-karriera kienet meta rbaħt il-midalja tal-bronż fi New Zealand fil-Commenwelth Games. Meta rbaħt il-midalja anqas biss kont naf li rbaħtha. Kienet l-ewwel darba li mxejt logħba logħba. Kont mingħalija li kelli xi tliet logħbiet oħra x’nikkompeti u fl-istess ħin smajt li Malta kienet rebħet midalja f’dawn il-logħob għall-ewwel darba. Minn Malta kien hemm jien biss u kien dak il-mument li rrealizajt li kont ġejt it-tielet.
“L-ikbar dispjaċir tiegħi kien f’Sydney. Kelli quddiemi judoka li stajt nirbħilha li fil-fatt bdejt nirbħilha. Ir-referee iddiżappuntani għax meta ra li ma setgħet titfagħni b’xejn ivvinta ‘ippon’ meta hi tefgħetni fuq ġenbi. Ma ridt nitlaq b’xejn minn fuq it-tapit. Imma d-deċiżjoni finali dejjem tkun tar-referee. Hi tilfet il-logħba li kien imiss għax ma kinietx xi judoka ta’ barra minn hawn. Li ma kienx ir-referee kont nirbħilha żgur.
“Dispjaċir ieħor kien meta kont Bergamo u kont fil-finali b’nofs punt bogħod mir-rebha kontra judoka Taljana. Il-kowċ tiegħi minn mal-linja għajjarni stupida u ma ħadthiex daqshekk tajba tant li ntlift u ma kontx naf x’jien nagħmel. Il-ġlieda ma ridtx nirbaħha u ħadt il-midalja tal-fidda.”
Lejn l-aħħar nitlob lil Laurie Pace tgħaddi parir lil dawk iż-żgħażagħ li qed jitħajru jibdew jipprattikaw din id-dixxiplina.
“Jien naħseb li huwa sport tajjeb għat-tfal għax jitilgħu aktar dixxiplinati. F’Malta hawn wisq nies li jitilfu t-tempra malajr anki b’naqra sħana. Il-judo jgħallmek tikkontrolla ruħek. Jekk ma jkunx judo, importanti li minn età żgħira t-tfal jidħlu f’xi sport. Jien tant kemm iġġilidt f’ħajti li l-ġlied idejjaqni u naħarbu.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulmin għeni fil-karriera tiegħi. Lil ommi u lil missieri żgur li ma nistax ninsiehom għax dejjem sibthom warajja. Aħna konna familja li dejjem tħallejna fil-libertà u għalhekk dan għeni biex nibni karattru sod.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|