MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49

Il-politika t-tajba

1. Sa 10 snin ilu ma kontx ngħid li se nispiċċa fl-għalqa tal-politika. Imma hawn qiegħed. Wasalt għax hekk ried il-poplu u nittama li servejtu u qiegħed inservih. Ngħid li ma kontx nobsor għax nistqarr li għalkemm għandi ġewwa fija bħal kull persuna oħra d-demm politiku, għamilt minn kollox sabiex noqgħod ’il bogħod mill-ħajja pubblika. Nammetti li għalkemm bħala bniedem, kif ukoll bħala avukat, ħarist li nkun hemm għall-proxxmu, ma ikkunsidrajtx li nista’ nispiċċa fejn spiċċajt. Kienu l-ġrajjiet tal-ħajja li ġibduni f’toroq oħra meta rajt li jekk ridt nibdel fil-linja li ħassejt li hi tajba, allura ma kellix alternattiva oħra ħlief li nidħol u nxammar il-kmiem. Naħdem bil-ħsieb u bl-azzjoni lejn bidliet progressivi. Ħidma li l-esperjenza preżenti wrietni kemm-il linja demokratika-kristjana hija tajba.

2. Triq xejn faċli. Għalija (u naf li anke għal dawk bħali) din fissret abbandun ta’ dak kollu li kont ħdimt fih. Tlaqt professjoni li kont drajt u li biha kien irnexxieli ngħajjex familja. Tlaqt ċerta paċi u mod ta’ ħajja sabiex il-jum tiegħi jibda u jispiċċa fil-politika. Hemm ħafna sagrifiċċji familjari, soċjali u finanzjarji li l-politiku jrid jidħol għalihom u dawn aċċettajthom. Tibdiliet kbar fil-ħajja li verament ħassejthom iktar meta sirt Segretarju Parlamentari. Il-fatt li spiċċajt fid-dipendenza tal-Gvern u fl-istrutturi interni ma kien faċli assolutament xejn, iżda tifhem li dawk huma l-istrumenti effettivi li jwasslu lejn il-bidla.

3. Kien hemm ħafna x’nitgħallem u x’nifhem. Iktar u iktar meta tibda tinduna li l-pożizzjoni tiegħek hija bħal waħda mill-qmura tal-pjaneti l-kbar. Iżda dan il-proċess servieni iktar sabiex napprezza d-diffikultajiet li wieħed irid jgħaddi minnhom biex jibdel il-liġi jew il-politika tal-pajjiż. Servietni wkoll sabiex nifforma ruħi iktar fil-fond f’dak li ppruvajt inkun u li jien. Imma l-kuntatt u l-laqgħat ta’ kuljum sawru fija l-bżonn li f’dan il-pajjiż tikber il-konoxxenza tal-politika t-tajba. It-tixrid ta’ x’inhija verament il-politika u kif għandha tiġi mħaddma.

4. Nemmen li hemm diversi metodi ta’ kif tista’ tieħu sehem attiv fil-politika. Però dawn waħedhom ma jfissrux li huma l-ħidma l-ġusta u retta. Ninnota wisq li għalkemm għaddew mijiet ta’ snin, għad hemm persuni li jaħsbu li l-politika hija biss il-poter. Għal dawn il-poter huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox u għalhekk l-importanti huwa biss kif dan – tajjeb jew ħażin – ser jiġi f’idejhom. Dan għalija huwa żbaljat. L-ewwel, għax il-politika ssir mhux biss minn dawk li għandhom it-tmexxija f’idejhom iżda minn kulmin għandu xi vuċi pubblika u t-tieni, għax il-poter huwa għalija strument għas-sewwa u mhux għan fih innifsu.

5. Ninnota, sfortunatament, li hawn wisq persuni li jabdikaw mill-fatt li għandhom sehem indiskuss fil-politika. Aristotili (li iddikjara li kull bniedem huwa politiku) stqarr li abdikar, jewrassenjazzjoni jfissru biss li vuċi valida fis-soċjetà titlef mill-possibbiltà li ssawwar politika tajba għan-nazzjon. Dan huwa ħsieb ħażin u għandna naħirbuh. Mhux biss dan iżda daqshekk ieħor huwa perikoluż li min jitkellem fil-politika ma jarax li qed jitmexxa minn ħaddieħor jew, anki jekk le, li jispiċċa jitkellem mingħajr ma jaf fejn irid jasal.
Hemm bżonn iktar nies li jħarsu li jipparteċipaw attivament b’ideat ċari ta’ l-Istat tagħna. Jifhmu l-ideali politiċi li ssawru u jkunu huma konoxxenti tagħhom sabiex jgħarblu mill-ewwel fejn sejjer aġir politiku.

6. Proġett politiku għall-pajjiż huwa wieħed essenzjali. Imma r-realtà hija li ħafna, anki fil-gazzetti tagħna, jispiċċaw jitmexxew minn dak li qed jiġri fil-jum u ma jħarsux fit-tul. Dak li qed jiġi analizzat preżentement għandu jkun tajjeb ukoll f’viżjoni għall-futur. Anzi, ħidmet illum tissarraf aħjar meta tiġi mpustata f’direzzjoni ta’ għada. Tkun hija wkoll pass fid-direzzjoni t-tajba u mhux fil-vojt. Dan hu li jagħmel politika tajba. Persuni kapaċi joħolqu proġetti u jaħdmu għalihom. Però biex iseħħ dan irridu jkollna wkoll ideali politiċi ċari u diretti. Il-proġett politiku huwa essenzjali għall-użu intelliġenti tal-poter. Mingħajru flok nimxu ᾽l quddiem inkunu qed immorru lura.

7. Għalhekk il-politika t-tajba hija dik. Waħda li tagħraf dak li trid tfassal u ssawwar mill-pajjiż għall-poplu. Il-persuni fil-politika għandhom ikollhom dan ċar, però nagħraf li mhux kollha għandhom, speċjalment dawk li qatt ma joħorġu b’xi ħaġa ġdida u jibqgħu biss jaħsbu li jirbħu l-poter jekk imaqdru l-avversarju. Li huwa żgur tajjeb huwa li anki min m’huwiex, fil-Parlament għandu xorta jagħti s-sehem tiegħu. Jinvolvi ruħu sabiex jifforma dak li għandna nagħmlu minn pajjiżna. Plutarch f’kitbietu jsostni li kull politiku għandu jkollu filosfi u ħassieba, biex jgħinuh janalizza l-fatti u jieħu d-direzzjoni t-tajba. Parir tajjeb li għandu jiġi addottat. Għax il-pajjiż jimxi aktar ’il quddiem jekk dan isir b’iktar parteċipazzjoni u jimxi iktar jekk gazzetti bħal din ikollhom ċar quddiemhom is-sehem li għandhom fis-soċjetà, mhux biss bħala kummentaturi tal-fatti iżda wkoll bħala protagonisti tal-futur.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075