MediaToday

Emmanuel Micallef | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49

Fuqhiex se nivvota?

Hawn ħafna li ilhom li tilfu l-interess fil-politika. Dawn għadhom itellgħu u jniżżlu jekk għandhomx jivvutaw jew le fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Iżda l-maġġoranza ta’ l-eletturi għadhom jemmnu li minkejja d-difetti kollha tal-partiti għadu importanti li jeżerċitaw id-dritt tagħhom u jivvutaw għall-partit li jemmnu li jista’ jmexxi l-aħjar lill-pajjiż.
Fost dawn hemm min il-kejl ta’ fejn għandu jagħmel l-għażla jqisu fuq kemm jaqbel lilu personalment. Iżda l-mistoqsija li tqum f’moħħ dawk li jiddeċiedu li jivvutaw u li m’għandhomx passjoni partiġġana tbaqbaq f’qalbhom hi waħda: fuqhiex se nivvutaw?
Fuq il-personalità tal-mexxejja tal-partiti? Fuq il-ħidma tal-partiti f’dawn l-aħħar snin? Fuq il-wegħdi li twettqu u dawk li baqgħu fuq l-ixkaffa? Fuq il-proġetti li qed jissemmew li se jsiru? Fuq kwistjonijiet li għaddejjin minnhom? Fuq pjanijiet u viżjonijiet għall-ġejjieni? Skond ma min għandna grazzja?’
Xi ftit jew wisq it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-għażla li se jkollna nagħmlu. Mhux kulħadd juża l-istess kejl. Iżda xorta waħda tqum id-dilemma dwar kemm verament nistgħu nieħdu l-aħjar deċiżjoni meta niġu biex nitfgħu l-vot.
Fil-qasam tax-xogħol: jgħidulna li qatt ma kien hawn daqstant ħaddiema b’impjieg. Dawk li jfittxu x-xogħol naqsu fl-inqas livell f’dawn l-aħħar snin. Qed isir ħafna ftaħir li bl-investiment li ġej x’aktarx mhux se jkollna ħaddiema biżżejjed biex jimlew il-postijiet tax-xogħol.
Nitkellmu dwar il-postijiet tax-xogħol li għad iridu jinfetħu. Imbagħad nisimgħu li ħaddiema Maltin qed jitħajru jibnu l-futur tagħhom barra l-pajjiż; ħaddiema li jkollhom jikkuntentaw b’xogħlijiet inferjuri għal kapaċitajiet tagħhom; ħaddiema jilmentaw li l-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg tagħhom baqgħu lura. Ħaddiema barranin jieħdu xogħol il-Maltin; jitħaddmu l-barranin biċ-ċenteżmi!
Fil-qasam ta’ l-edukazzjoni: niftaħru kemm ippumpjajna miljuni ta’ liri f’bini ta’ kulleġġi, manutenzjoni ta’ skejjel, żieda fl-istudenti li jidħlu fl-Università, l-Junior College u l-MCAST. Nintroduċu skemi li jinkoraġixxu t-tagħlim u t-taħriġ ta’ l-adulti. Iżda mbagħad l-UE twiddibna li għadna lura fil-problema ta’ l-illitteriżmu, fin-numru ta’ studenti li jitilqu l-iskola qabel iż-żmien u fin-numru ta’ adulti li jkomplu jistudjaw. Nilmentaw li l-edukazzjoni għadha ma laħqitx il-livell formattiv imma staġnat fuq il-livell informattiv.
Fil-qasam ta’ l-ambjent: bla dubju żdiedet il-kuxjenza fost il-poplu. Ittieħdu miżuri li verament jissalvagwardaw l-ambjent iżda għadna nitħawdu bis-sorpriżi tal-MEPA. Nestendu ż-żoni ta’ l-iżvilupp. Noħorġu permessi għall-estensjonijiet imbagħad nerġgħu nirtirawhom. Niftaħru bir-restawr u t-tindif ta’ postijiet pubbliċi mbagħad nippubblikaw ritratti ta’ ħmieġ u żdingar ta’ postijiet oħra. Minflok niftehmu fuq l-aħjar soluzzjoni dwar il-kaċċa u l-insib, l-impjant ta’ riċiklaġġ u l-politika dwar il-korsijiet tal-golf u l-marinas tal-jottijiet nispiċċaw nibdlu r-regolamenti biex ningħoġbu m’Alla u max-xitan fl-istess waqt. Min iġebbed ’l hawn u min iġebbed ’l hemm.
Fil-qasam ta’ l-ekonomija u l-finanzi: irnexxielna nilħqu l-kriterji imposti mill-Unjoni Ewropea biex stajna nidħlu fiż-żona ewro. Naqqasna d-defiċit skond il-kriterji Ewropej. Ftaħarna bin-numru ta’ proġetti ta’ investiment li ġejjin f’pajjiżna. Irkuprajna mill-problemi kbar fit-turiżmu. Irnexxielna nlestu t-triq biex fejn ħadna daqqiet fil-manifattura nduru għall-manifattura tas-servizzi b’valur miżjud. Il-Gvern jiddikjara li issa l-finanzi tal-pajjiż huma verament fis-sod u bit-855 miljun ewro li ġejjin se jkomplu jissodaw. Iżda mbagħad kellna niffaċċaw żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel essenzjali u tal-mediċina. Spiċċajna nfaddlu inqas. Iċ-ċittadin ma jistax jifhem kif il-Gvern jgħid li sejrin tajjeb meta butu mar ħażin.
Fil-qasam tas-saħħa: niddandnu bi sptar state of the art. Mater Dei tiela’ u Mater Dei nieżel. U sa llum nitkellmu qisu diġà beda jiffunzjona meta fil-fatt m’għadux. Niftaħru bil-kapaċitajiet tat-tobba Maltin. Imbagħad nilmentaw li t-tobba tajbin fil-biċċa l-kbira tagħhom qed imorru jaħdmu fi sptarijiet ’il bogħod minn xtutna. Niftaħru bis-servizz fl-isptarijiet u d-djar tax-xjuħ imbagħad il-ħaddiema ta’ l-isptarijiet jilmentaw minn nuqqasijiet u kif qed iħossuhom stressjati. Inwiegħdu lill-poplu li issa jista’ jagħżel l-ispiżerija tal-għażla tiegħu u fl-istess ħin nikkritikaw din l-iskema li għadha qed tibda bi prova. Ngħidu li s-servizzi tas-saħħa huma b’xejn imbagħad kulħadd ifittex is-servizzi mediċi privati bi spejjeż esaġerati.
Fl-oqsma l-oħrajn: nitkellmu dwar il-lussu ta’ toroq arterjali li għandna filwaqt li eluf ta’ residenti ma jifilħux jaraw quddiemhom il-ħofor u t-tħarbit tat-triq tagħhom; niftaħru bil-proġetti li għaddejjin imma jkollna nammettu li ftit huma l-proġetti li jitlestew fiż-żmien stabbilit fil-kuntratt; ngħidu kemm żdiedet l-effiċenza fis-settur pubbliku u minkejja s-sistemi ta’ gvern elettroniku għadna neqirdu bil-burokrazija żejda; inpinġu ruħna li fid-dipartimenti u azjendi governattivi kulħadd hu verġni mbagħad jinkixfu skandli u atti ta’ korruzzjoni. U min jgħid li ħa passi u min jgħid li baqa’ ċass.
Il-lista ma tispiċċa qatt!
Fuqhiex se naqbdu nivvutaw? Fuq kemm morna ’l quddiem jew fuq kemm għadna lura? Fuq dak li nafu bih jew fuq dak li naħsbu li baqa’ mistur? Jaqbel li nivvota għal partit kbir jew għal partit żgħir?
Tgħid il-vot se nużawh jew se naħluh? Min jaf?

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075