Ittri | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Minn J.Darmanin,
Żurrieq
B’riferenza għall-ittra tas-Sindku taż-Żurrieq li dehret fil-gazzetta nhar il-Ħadd 30 ta’ Settembru nibda billi ngħid li din se tkun l-aħħar korrispondenza tiegħi dwar dan is-suġġett għax m’għandix żmien x’naħli.
Dak li għedt dwar is-Sindku taż-Żurrieq Ignatious Farrugia fiż-żewġ ittri ta’ qabel insostnih bil-provi.
Barra l-fatti li se nsemmi l-akbar prova huma n-nies kollha li kienu preżenti u raw b’għajnejhom u semgħu b’widnejhom dak li għamel u qal is-Sindku. Jekk hawn min jaħseb li waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-partitarji li jissimpatizzaw mal-festa l-oħra, dik ta’ Santa Katarina, ma jkunux preżenti, ngħidlu li sejjer żball.
In-nies la huma għomja u lanqas torox. Barra minn hekk illum jeżiztu l-vidjos u d-DVDs, kameras u mobile phones jieħdu r-ritratti. Insejna wkoll li kull radju tal-komunità hu rreġistrat ma’ l-Awtorità tax-Xandir u dak kollu li jintqal huwa rrekordjat? Jista’ s-Sindku jgiddeb dawn il-provi kollha?
Farrugia ma jistax igiddeb lill-Ispettur tal-Pulizija li kien xogħol dakinhar u li ġbidtlu l-attenzjoni jien stess dwar l-azzjonijiet tas-Sindku waqt il-marċ.
Ma jistax igiddeb lill-membri tal-Kummisjoni Liturġija li Farrugia kien avżat biex ma jieħu sehem fl-ebda attività waqt il-quddiesa tat-2 ta’ Settembru, dik tal-paniġierku. Ma jistax igiddeb lil uħud minn sħabu l-kunsilliera, fosthom il-Viċi Sindku, li qalulu li huma ma kellhom jieħdu l-ebda sehem waqt il-quddiesa.
Iżda dak li żgur ma jistax igiddeb is-Sindku hu li offenda b’ġesti ta’ l-idejn lili u lil nies oħra waqt li konna qed narmaw Triq Dun Ġużepp Żammit għall-festa ta’ Santa Katarina. Min-naħa tiegħi, qatt m’offendejtu la qabel u wisq inqas wara li laħaq Sindku. Jien l-integrità tiegħi kulħadd jafha u ħadd m’għandu dubji dwarha.
Kieku ġara kif allega s-Sindku u vera aggredejtu, jaħseb li kont se nagħmel dan meta kien akkumpanjat mis-Surġent tal-Pulizija?
Kulma għamilt wissejtu biex ma jerġax jirrepeti l-iżball. Tajtu twissija bħala reazzjoni għall-provokazzjonijiet kontinwi tiegħu. Ma nistax nifhem kif qed jgħid li ħafer imbagħad jibgħat ittra mimlija gideb u allegazzjonijiet fejn jgħid biss dak li jaqbel lilu u wara jmur jiftaħar man-nies li lil tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina ġabhom fix-xejn b’dik l-ittra.
Ma nistgħux ninqdew bil-ġustizzja ta’ din id-dinja biex ngħattu xturna u nuru kemm aħna qaddisin.
Dwar il-virtujiet ta’ Santa Katarina mhemmx għalfejn jgħidli hu. Ma naħdimx għal wiċċ in-nies ta’ din id-dinja. Inħallu lil Alla jiġġudikana ta’ għemilna.
Nixtieq nerġa’ nfakkar lil kulħadd li Farrugia la jista’ jikteb fuq il-programm tal-festa ta’ Santa Katarina, la jattendi għal xi attività, sew ġewwa kif ukoll barra organizzata mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina u lanqas biss jista’ jidħol il-Każin tas-Soċjetà. Dan iddeċidewh il-membri ta’ din l-akbar soċjetà fiż-Żurrieq waqt seduta ġenerali.
Jaħseb is-Sindku li dawn ħadu din id-deċiżjoni b’kapriċċ?
Ma nara xejn ħażin li bniedem ikun jissimpatizza ma’ festa jew oħra. Iżda fil-pożizzjoni ta’ Sindku jrid juri responsabbiltà u jara li bl-għemil tiegħu mhu qed jinsulta lil ħadd, aktar u aktar liż-Żrieraq li suppost qed jirrappreżenta.
Mid-dehra s-Sindku taż-Żurrieq ma jara xejn ħażin li bl-aġir tiegħu jinstiga l-firda bejn iż-żewġ festi tar-raħal. Għalkemm qed nikteb f’ismi hemm ħafna nies li qed jagħtuni l-appoġġ biex nagħmel dan għax qed inlissen il-ħsibijiet ta’ ħafna.
Infakkar lid-diriġenti tal-Partit Laburista biex juru aktar serjetà u jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu. Jafu li qed issir ħafna ħsara u l-elezzjoni tinsab wara l-bieb. In-nies mhux faċli tinsa.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|