MediaToday

Ittri | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49

Id-divorzju: Gonzi sejjer għand il-muntanja

Minn Saviour Cachia,
Marsaskala

Meta kont l-iskola, u issa ilu ħafna, kienu jgħidulna li meta l-muntanja ma marritx għand Mawmettu, Mawmettu mar għand il-muntanja.
Ftakart f’dak li kienu jgħidulna wara li f’din il-gazzetta qrajt intervista li saret lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Issa lejlet l-elezzjoni beda jitkellem dwar il-bżonn li jkun hemm soluzzjoni għad-diskrepanzi u l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu meta tnejn li jinħabbu jagħżlu li jikkoabitaw minflok jiżżewġu.
Gonzi tkellem ukoll dwar id-divorzju. Dan kien l-argument li l-iktar li laqatni. Għaliex il-Prim Ministru, biex la jfuħ u lanqas jinten, qal li din hi kwistjoni li għandu jiddeċiedi dwarha l-poplu f’referendum.
Inħoss li hemm bżonn nirriflettu iktar dwar dan għax b’għemilu Gonzi qed ifarfar minn fuq spallejh, possibbilment għax jaf li ma jistax jisforza lid-deputati eletti Nazzjonalisti, jivvutaw skond il-linja tal-partit, u minflok jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-poplu.
Il-Partit Laburista din id-darba mhux lest li jkompli fuq ix-xogħol li kien inbeda bejn l-1996 u l-1998 u ta sinjal li jkun lest jiddiskuti jew jipproponi xi ħaġa konkreta dwar id-divorzju jekk ikun hemm għajta biżżejjed mill-poplu.
Jidher li se nibqgħu fost dawk il-pajjiżi jingħaddu fuq id waħda fid-dinja fejn id-divorzju ma jiddaħħalx.
Ħalliha li koppja Maltija miżżewġa l-Ingilterra tista’ tieħu d-divorzju filwaqt li koppja Maltija li baqgħet tgħix hawn u jkollha kriżi fiż-żwieġ ma tistax ħlief tissepara u mhux tant faċli tifforma familja ġdida anki mil-lat ċivili.
L-Alternattiva Demokratika dejjem kienet favur li d-divorzju jiddaħħal f’pajjiżna. Għalhekk ħassejtni ftit sorpriż meta fl-istess rapport intqal hekk: ‘din il-bidla fil-pożizzjoni ġġib iktar fil-qrib lit-tliet partiti ewlenin dwar il-mod kif għandha tittieħed id-deċiżjoni fuq id-divorzju.’
Meta mmur nivvota fl-elezzjoni ġenerali nkun qed nixħet il-vot tiegħi biex intella’ Deputati Parlamentari li se jirrispettaw l-obbligi li joħorġu minn stat sekulari.
Mhux se mmur nivvota biex neleġġi deputati u norbothom li akkost ta’ kollox iridu jħarsuli l-valuri Kattoliċi tiegħi. Għall-grazzja t’Alla niddikjara li jien mhux qed nikteb b’dan il-mod għaliex għandi bżonn li jidħol id-divorzju. Imma bħala nisrani li hu obbligu tiegħi li naħseb fil-proxxmu rrid inqis iċ-ċirkostanzi ta’ dawk li ma jirnexxilhomx iż-żwieġ.
Miniex favur li l-Istat jagħmilha daqstant faċli li tfaqqa’ subgħajk u tingħata d-divorzju.
Imma l-ebda Deputat Parlamentari m’għandu jkun ġifa u jabdika mill-obbligi li jidħol għalihom bħala parti minn Parlament ta’ stat sekulari.
Anki jekk il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin jiddeċiedu li għandhom iħaddnu l-valuri kattoliċi u bil-vot tagħhom f’referendum jiddikjaraw li d-divorzju m’għandux jiddaħħal, għandi dubju kbir kemm il-Gvern t’għada jista’ jaħsel idejh u b’gost jgħid x’zokk qlajtuni minnu.
Il-Parlament ma jistax jimponi r-rieda tal-minoranza fuq il-maġġoranza imma żgur li l-ewwel u qabel kollox il-Parlament għandu jerfa’ l-obbligi tiegħu u din il-kwistjoni tad-divorzju ma jħallihiex minn idu.
Hu d-dmir tiegħu li jilleġiżla u ma jistax jilleġiżla favur naħa b’diskriminazzjoni għal oħra. Fuq id-divorzju d-deputati kollha li se jkunu eletti fl-elezzjoni li ġejja għandhom l-obbligu li jeħduha fuqhom u ma jwikkuha lil ħadd iktar.
Jekk il-kuxjenza tagħhom, bħalma tista’ tkun il-kuxjenza ta’ ħafna li jesprimu ruħhom f’referendum, ma tippermettilhomx li jaqblu ma’ pass bħal dan, allura ma jersqux ’il quddiem biex jidħlu għad-dmirijiet Parlamentari.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075