Intervista | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49
Franica Pulis tintervista lil Pauline Mercieca, il-Koordinatriċi ta’ Għabex
Għabex hu xelter għall-emerġenza li jilqa’ fih nisa u tfal vittmi ta’ vjolenza domestika u minn li rajt, anki qtates. Iltqajt mal-Koordinatriċi ta’ Għabex, Pauline Mercieca, li ilha taħdem f’dan l-irwol għal dawn l-aħhar ħames snin.
Għabex jaħdem l-aktar fuq is-sigurtà tal-vittma u biex hi terġa’ tikseb id-dinjità tagha.
“Għal kuntrarju għalli jaħsbu l-irġiel, li aħna nikkonvinċi lin-nisa li jitilqu mid-dar, l-għan ewlieni tagħna hu li l-mara tkun aktar soda, assertiva u kunfidenti fiha nnifisha. Il-klijenta tiddeċiedi għaliha stess mhux aħna. Is-sigurtà tan-nisa u t-tfal hi ta’ priorità għalina. Meta nkunu ċerti minn dan, isir xogħol estensiv u kontinwu mal-mara biex tibni l-istima tagħha, il-kunfidenza u tingħata l-iskills neċessarji,” sostniet Mercieca.
Dawn il-kelmiet tista’ tgħid huma l-motto li bih jimxi Għabex. Waħda mill-proċedura tiegħu hi li ma jżommx lil vittmi tiegħu aktar minn tliet xhur għax il-post hu żgħir. Jesa’ biss 15-il ruħ. Iżda barra minn hekk, jinħass li tliet xhur huma biżżejjed biex il-vittmi jieħdu s-servizzi neċessarji biex is-sitwazzjoni tikkalma u l-persuna tkun ċara dwar id-deċiżjonijiet li tixtieq tieħu. Uħud min-nisa wara jisseparaw. Oħrajn imorru lura.
Meta mara tiġi wara l-bieb, x’inhi l-ewwel ħaġa li tieħdu ħsieb?
“Is-sigurtà tagħha. Ftit huma n-nisa li jiġu hawnhekk iħabbtulna għax il-post mhux daqshekk magħruf. Ħafna min-nisa jaslu għandna permezz tal-għases tal-Pulizija, is-Support Line 179 u d-Domestic Violence Service (DVS) u servizzi oħra ta’ l-Aġenzija Appoġġ,” spjegat il-koordinatriċi.
X’jgħaddi minn moħħ persuna li ssofri vjolenza domestika?
“L-ewwelnett hi l-biża’. Ħafna min-nisa jdumu ma jieħdu l-għajnuna jew id-deċiżjoni biex jitilqu għax ikunu ilhom s-snin isofru l-abbuż u jibżgħu minn x’jista’ jiġri jekk jieħdu l-pass. Hemm ukoll l-inkwiet ta’ x’se jiġri wara u kif se jagħjxu lit-tfal.”
Nitkellmu dwar x’jista’ jkun il-profil tipiku ta’ mara għaddejja minn abbuż.
“Vjolenza domestika ssibha f’kull sfera. Mhemmx klassi jew età. Aħna jkollna tfajliet ’il fuq minn 18-il sena, nisa ta’ età medja u anki klijenti li jkunu anzjani. Mhemmx età għall-vjolenza.”
Mercieca tibda titkellem fuq il-persuna abbużiva u kemm jaffettwaha l-ambjent li titrabba fih minkejja li hemm min din tista’ tkun xi ħaġa li tintiret.
“Min jabbuża jsir hekk l-aktar minħabba l-esperjenzi li jkun għadda minnhom f’ħajtu. Jista’ jkun minħabba role models li jkun ra u li jitrawwem bihom minn età żgħira. Jekk ma jirċevix għajnuna professjonali se jibqa’ jġib ruħu b’dan il-mod għax hu jaċċetta din l-imġiba.
“Hawn min jgħid li xi ħaġa bħal din tista’ tintiret. Imma l-iktar li tiġri minħabba t-trobbija u l-messaġġi li nagħtu lit-tfal ta’ kif għandek tittratta lis-sieħeb jew sieħba tiegħek. Allura hu faċli li din il-mentalità tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra. Mentalità patrijarkali u l-konvinzjoni li r-raġel għandu jkun dominanti fuq il-mara tiegħu. Anki l-mezzi tax-xandir jaffettwaw ħafna. Cartoons li l-eroj tagħhom jirbaħ bil-vjolenza wkoll jagħtu messaġġi ħżiena.”
Nistaqsiha jekk nisa sinjuri jsibuhiex aktar diffiċli biex jitilqu lil żwieġhom li jkunu ta’ xi professjoni bħal tabib jew avukat għax jibżgħu li ma jitwemmnux. Il-koordinatriċi ma tagħmilx distinzjoni bejn il-klassijiet għax l-effetti negattivi ta’ l-abbuż huma l-istess fuq kulħadd.
“Waħda mill-aktar beżgħat hi li ma jitwemmnux għax ir-raġel ħafna drabi ikun jidher tal-familja ma jġibx ruħu bl-istess mod fi ċrieki soċjali oħra bħalma jġib ruħu d-dar. Ħadd ma’ jista’ jkun jaf x’inhu jiġri verament fid-dar. Ħafna min-nisa lanqas biss jgħidu lil tal-familja għax jibżgħu li l-affarijiet jiggravaw, li ma jiġux emmnuti u ġieli anki jħossuhom falliment għax jemmnu fl-idea li l-irwol tal-mara hu li jżommu l-familja magħquda meta dan mhux il-każ.
“Il-vjolenza domestika mhix ħtija tal-vittma imma ta’ min jabbuża,” tennet b’serjetà kbira. Terġa’ taqbad is-suġġett tan-nisa sinjuri u tispjega li normalment dawn ifittxu għajnuna privatament.
“Il-fatt li naraw aktar nies bi problemi finanzjari għax is-servizz tagħna hu b’xejn mhux għax m’hawnx nisa sinjuri li għandhom bżonnu.
“Iżda xorta kien hemm min ġie jfittex xelter speċjalment meta kien hemm vjolenza eċċessiva. Hi kwistjoni ta’ sigurtà mhux flus. Għalkemm il-familja tista’ tkun finanzjarjament stabbli ma jfissirx li l-mara għandha l-flus f’idejha.”
Niddiskutu n-nisa pensjonanti klijenti ta’ Għabex. Il-koordinatriċi ssostni li dawn iridu jkunu kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom għax is-social workers u l-carers mhumiex kwalifikati biex jagħtu kura medika. Niskanta meta tgħid li wħud mill-vittmi jsofru minn idejn il-carers tagħhom.
“Id-DVS jkollu ħafna referrals ta’ nisa li jsofru minn idejn it-tfal jew minn min jieħu ħsiebhom. Vjolenza domestika mhix biss bejn koppja imma kwalunkwe relazzjoni li tista’ tikklassifikaha bħala relazzjoni intima.
“L-anzjani jsibuha aktar diffiċli meta jkun il-carer li jabbuża għax ikunu dipendenti minnhom,” kompliet tgħid Mercieca.
Xi jġiegħel persuna tibqa’ d-dar jew tmur lura?
“Mhux kull mara jkollha bżonn jew tkun tixtieq titlaq mid-dar. Meta jiġri hekk is-social workers tad-DVS jaħdmu ma’dawn in-nisa fuq empowerment, għajnuna psikoloġika, safety planning u joffru wkoll servizz għall-irġiel.
“Is-Servizzi għall-Irġiel huma għal dawk abbużivi li jagħrfu li hemm problema u jridu jagħmlu xi ħaġa dwarha. S’issa mhemmx programmi għal nisa abbużivi għax in-numru hu ferm inqas. Imma s-social workers tad-DVS jaraw irġiel li huma vittmi ta’ abbuż għalkemm f’minoranza u jeżisti l-istess tip ta’ appoġġ għalihom.
“Għalkemm hemm numru ta’ rġiel li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, mill-istudji li saru, nafu li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa.”
In-nisa jerġgħu jmorru lura għal diversi raġunijiet. Uħud jibqgħu jittamaw li l-affarijiet se jinbidlu. Oħrajn biex jippruvaw jerġgħu jgħaqqdu żwieġhom u familthom. Oħrajn ikollhom diffikultajiet finanzjarji u fejn se joqogħdu u oħrajn l-konvinzjoni li għalihom mhemmx tama.
“Issib ħafna nisa li jibqgħu jittamaw li l-affarijiet se jinbidlu. Dan minħabba li jgħaddu minn ċiklu ta’ abbużi u jibqgħu jittamaw li s-sitwazzjoni tikkalma darba għal dejjem. L-ewwel tibda fażi fejn tinbena t-tensjoni bejn il-koppja li ħafna drabi hi karatterizzata minn abbuż emozzjonali u psikoloġiku. Wara jgħaddu għall-explosion phase, meta l-ewwel fażi tilħaq il-quċċata u tiżviluppa f’abbuż fiżiku. Imbagħad jgħaddu għall-Honeymoon Period fejn l-affarijiet jikkalmaw, ir-raġel jiskuża ruħu u jwiegħed lill-mara li mhux se jerġa’ jerfa’ jdejh fuqha.
“Hu ċirku vizzjuż għax wara l-Honeymoon Period jerġa’ jibda ċ-ċiklu mill-ġdid. Kif jibda jgħaddi ż-żmien il-Honeymoon Period jiqsar u ġieli anki jiġi fix-xejn speċjalment meta n-nisa qatt ma jkunu fittxew l-għajnuna.
“Oħrajn jagħtu ċans ieħor li jgħaqqdu ż-żwieġ tagħhom u l-familja, li hi diffiċli mmens li tiġri, sakemm ir-raġel ma jiħux l-azzjoni neċessarja u jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.
“Jinkwetaw ħafna x’se jiġri minn uliedhom u li jitrabbew mingħajr missier jekk jieħdu d-deċiżjoni li jisseparaw. L-idea ta’ single mother tbeżżagħhom ħafna.
“Il-problemi ta’ finanzi u ta’ housing; nisa bit-tfal isibuha diffiċli biex jaħdmu. Daycare centres jeżistu imma bi ħlas u l-omm ħafna drabi ma tkunx tiflaħ tħallas għal dan is-servizz. Fil-fatt nisa li jsibu l-appoġġ tal-familja tagħhom, jirnexxu aktar u anki ma jħossuhomx weħidhom.
“Ħafna jsofru minn helplessness li hi l-konvinzjoni li ħadd u xejn ma jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni. Nisa li jkunu ilhom isofru għal tul ta’ snin ibatu min-nuqqas kbir ta’ stima. Ma jkollhomx il-ħeġġa li jerġgħu jibdew. Minn hawnhekk joħorġu aktar bi stima fihom infushom għax huma l-importanti hawnhekk.”
Abbuż fuq omm jaffettwa lit-tfal u b’bosta modi.
“Ħafna nisa anki l-parenting skills tagħhom jiġu affettwati. Tant ikunu investew fir-relazzjoni u tant ikunu mkissra emozzjonalment li jkollhom bżonn dak l-ispazju biex jinvestu fir-relazzjoni tagħhom mat-tfal mingħajr biża’ u tensjoni kontinwa.”
It-tfal kif ikampaw b’dan it-tip ta’ abbuż? Iżommu ma’ xi ħadd mill-ġenituri? Ikun hemm min jeħodha kontra ommu minflok missieru?
“It-tfal jirreaġixxu b’modi differenti. Anke jekk mhumiex abbużati direttament xorta qegħdin jgħixu f’ambjent li hu emozzjonalment imkisser. Mhemmx stabbiltà u sigurtà. Jibdew imorru lura fl-iskola u anki jbatu minn stima baxxa.
“Meta jiġu x-xelter, it-tfal jimmissjaw ħafna lid-dar u lil missierhom. Bir-raġun għax hu missierhom. Lill-ommijiet inħeġġuhom ħafna, fejn mhemmx problema ta’ sigurtà, biex it-tfal iżommu kuntatt ma’ missierhom. Ma nixtiqux li jittieħed id-dritt tal-missier.
“Ikun hemm tfal li ma jifhmux il-bżonn għala l-omm telqet mid-dar anki jekk kienu qegħdin jgħixu l-esperjenza fid-dar. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni t-tfal ikunu jridu lill-ġenituri tagħhom flimkien għax iħobbu lit-tnejn. Għalkemm huma jibżgħu meta missierhom ikun irrabjat ma jfissirx li jħobbuh anqas.
L-aktar nisa li jfittxu kenn f’Għabex huma dawk abbużati fiżikament għax tinħoloq sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jibqgħu d-dar minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà.
Vittmi ta’ abbuż emozzjonali jmorru hemm għax ikollhom bżonn joqogħdu għall-kwiet, li ironika hi l-aktar meta tikkunsidra li d-dar jista’ jkollha trabi u tfal.
Imma bħalma qalet Pauline, dan in-nies ikunu qegħdin ifittxu s-serħan tal-moħħ u li ma jkunux fil-mira ta’ l-abbuż il-ħin kollu. Fil-każ ta’ depravazzjoni, meta l-mara titħalla bi ftit flus f’idejha li ma tkunx tista’ tgħaddi bihom, dan jidħol f’ħafna każijiet u ħafna mid-drabi jkun hemm taħlita ta’ kollox minbarra li kull każ hu differenti u persuna tista’ tesperjenza tipi ta’ abbuż differenti.
Fejn jidħol abbuż sesswali fiż-żwieġ il-koordinatriċi tħoss li n-nisa saru jirrikonoxxu li jista’ jsir abbuż sesswali fiż-żwieg.
“Naħseb li n-nisa qegħdin ikunu aktar konxji mir-rispett lejhom infushom. Ħafna drabi l-mara tibża’ mill-konsegwenzi u għalhekk tippreferi ssofri dan l-abbuż fis-silenzju. Tista’ timmaġina kif wara t-tagħjir u ż-żebligħ mara tkun komda jkollha relazzjoni sesswali mas-sieħeb tagħha?” qalet Merceica.
X’titjib jista’ jsir soċjalment u legalment għal dawn il-vittmi? Il-Liġi bħalissa tipproteġihom biżżejjed?
“Mill-aspett soċjali hemm bżonn li nagħrfu li hawn ħafna nisa jsofru fis-silenzju. Kwalunkwe għajnuna tkun ta’ benefiċċju kbir għal vittmi. Is-soċjetà ma tridx tagħlaq għajnejha u taħseb li dawn l-affarijiet mhumiex jiġru. Kulħadd jista’ jkollu esperjenza ta’ sieħeb abbużiv.
“Il-Liġi tgħid li vjolenza domestika hi reat. Il-Ġustizzja saret tagħti l-importanza xierqa lil dawn il-każijiet. Ilni seba’ snin naħdem fi vjolenza domestika. Sar titjib kbir. Il-vittma qed issib iktar ghajnuna u appoġġ min-naħa tal-Ġustizzja. Il-każ saru jittrattawh kif suppost. Anki l-fatt li l-Liġi saret tagħraf abbuż psikoloġiku u li l-konsegwenzi għal persuni abbużivi huma aktar ħorox.
“Il-Liġi ilha sena u nofs li bdiet taħdem. Rajna pass kbir ’il quddiem. Aktar każijiet qegħdin jitressqu l-Qorti. Il-Maġistrat għandu l-fakultà joħroġ aktar Treatment u Protection Orders bħala ordni. Treatment Orders joħorġu għal persuni abbużivi biex imorru għall-għajnuna u Protection Orders jinħarġu bħala garanzija personali favur il-vittma biex il-persuna abbużiva ma tersaqx lejha,” żiedet tgħid.
Fejn tidħol Liġi hemm l-idea li meta persuna titlaq mid-dar titlef kollox. Nistaqsiha kemm hi ħrafa din il-fehma?
“Mhuwiex il-każ. Il-Liġi llum qiegħda li dak kollu li jidħol mid-data taż-żwieġ hu tat-tnejn. Jekk titlaq mid-dar ma jfissirx li se titlifha jew xi dritt mill-finanzi tal-familja. Imma mbagħad kull każ hu speċifiku - fil-każ li jekk il-koppja ma tkunx miżżewġa jew il-proprjetà tkun ta’ xi ħadd qabel iż-żwieġ - trid tara x’inhuma l-affarijiet.
“Aħna nagħtuhom informazzjoni imma dejjem aħjar li jiddiskutu ma’ avukat,” qalet Mercieca.
Qabel nitlaq nitkellmu dwar is-suċċess li jkollhom u x’inhi storja li tispiċċa tajjeb.
“Skond kif tħares lejn suċċess. Jekk marret lura d-dar bħala persuna li temmen aktar fiha nnifisha, assertiva u lesta tiġġieled għad-drittijiet tagħha, dak hu suċċess. Dawk li jirnexxilhom joħorġu kompletament minn relazzjoni abbużiva u jibdew ħajja ġdida, dak hu suċċess akbar.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|