MediaToday

Il punt | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49

Familja b’saħħitha, soċjetà b’saħħitha

“In-numru ta’ familji tajba u tassew magħquda li għandna f’pajjiżna huma teżor li jiddistingwina u jagħmlilna ġieh quddiem id-dinja.” Din silta mill-ittra lill-familji Maltin ta’ Mons. Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca tat-12 ta’ Jannar 2002.
Dan hu fatt li bih għandna nkunu kburin għax fl-imgħoddi l-valuri umani u nsara ixxettlu fi ħdan il-familja. Iżda llum il-familja qed tiġi assedjata sistematikament minn kull naħa.
Kif insibu miktub tajjeb fid-dokument tas-Sinodu dwar iż-żwieġ u l-familja: “It-tħejjija għaż-żwieġ trid tibda ferm qabel ma jibda l-Kors għall-għarajjes u anki għajnuna mill-qrib lill-koppji miżżewġin b’mod speċjali fl-ewwel snin taż-żwieġ.”
Minbarra dan jeħtieġ li fil-familji tagħna nedukaw minn kmieni lit-tfal dwar il-valur tal-ħajja, tat-talb u l-għożża tar-rispett u l-qadi bla interess, ta’ l-imħabba, ta’ kompassjoni, tas-sagrifiċċju, tal-maħfra, tas-solidarjetà u l-ġustizzja.
Il-Knisja teħtieġ tagħmel pjan u ssib il-mezzi meħtieġa u konkreti, kif sabet tajjeb bl-għajnuna li qed tagħti lill-iskejjel tagħna, kif tgħin lill-koppji żgħażagħ.
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja għandha tieħu rwol proprju tagħha f’dan il-proċess.
L-Istat ukoll jeħtieġ ikompli jgħin aktar b’mod prattiku f’dan il-pjan.
L-ewwel u qabel kollox għandu jilleġiżla b’mod etiku b’valuri li jsaħħu l-familja u t-tieni flimkien mal-Knisja u oħrajn jagħti kull għajnuna liż-żgħażagħ u koppji biex il-piż finanzjarju moderat ma jkunx ta’ ostaklu biex jibdew jiffurmaw familja. B’hekk titnaqqas l-inċertezza li qed jiffaċċaw ħafna koppji b’detriment għalihom u għal uliedhom.
Il-koppji għandhom ukoll jagħmlu l-parti tagħhom billi jagħrfu jħaddnu sens ta’ bilanċ bejn il-prinċipji fundamentali ta’ l-imħabba u l-għaqda dejjiema bejniethom u l-vera bżonnijiet tad-dar.
L-isħab soċjali, il-unions u min iħaddem, għandhom jipprattikaw il-kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol biex il-ħaddiema jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom mingħajr stress żejjed li jkun ta’ detriment għall-ħajja familjari.
Is-soċjetà wkoll għandha tgħin lill-mezzi kollha tal-media biex liż-żgħażagħ nagħtuhom it-tifsira vera taż-żwieġ hieni b’mod speċjali bl-impenn li huma jidħlu fi pjan ma’ Alla u jsostnu bit-talb flimkien u b’djalogu kontinwu.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-komunitajiet parrokkjali ffurmati minn nies b’kapaċitajiet differenti, huma ħolqa importanti fil-katina tas-soċjetà umana u għalhekk iħaddnu numru ta’ dmirijiet kif ukoll drittijiet fundamentali li jagħtu skop lill-eżistenza tagħhom u għandhom jgħinu b’mod individwali u kollettiv lill-familja.
Il-Knisja minn dejjem tat attenzjoni partikulari lill-familja u liż-żwieġ. Dawn m’għandniex inħarsu lejhom bħala oġġett u suġġett tal-pastorali iżda rridu nħarsu wkoll lejn iż-żwieġ bħala realtà sagramentali u lejn il-familja bħala dimensjoni domestika tal-Knisja.
Aspett li jgħaqqad iż-żwieġ u l-familja hu l-integrazzjoni tal-familja fil-komunità u l-problemi kollha li din tinvolvi bħar-relazzjoni ta’ bejn ir-raġel u l-mara, bejn il-koppja u wliedhom, bħall-problema ta’ l-edukazzjoni.
Irridu llum qabel għada nagħtu liż-żgħażagħ tagħna aktar tama u kuraġġ b’edukazzjoni aktar impenjattiva fil-fidi, inkoraġġiment u tiġdid tal-persuni u tal-mentalitajiet. Irridu aġenti ta’ azzjoni pastorali u tal-missjoni evanġelika tal-Knisja.
Fil-familji rridu niskopru u nxettlu l-għaqda ta’ l-imħabba ġenwina, li ġejja minn Alla, il-valur kbir u d-dritt għall-ħajja u l-fiduċja sħiħa ta’ qawwa spiritwali.
Din il-għajn tinsab biss f’dak li “ħabb għall-aħħar.”
Fuq kollox jista’ l-bniedem isib il-milja ta’ ħajtu jekk mhux f’Alla?
Żgur li le, għaliex kull bniedem hu msejjaħ għal relazzjoni ma’ Alla u jrid ikompli jfittex li jingħaqad bis-sħiħ ma’ Alla. B’hekk, mhux biss isib il-vera dinjità tiegħu ta’ bniedem imma wkoll Alla jkun iċ-ċentru ta’ ħajtu u tal-familja.
Il-familja hi dejjem “il-kejl fondamentali tas-saħħa tas-soċjetà” qalilna l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-omelija f’Ta’ Pinu, f’Għawdex, fis-26 ta’ Mejju, 1990.
Familja b’saħħitha, soċjetà b’saħħitha: żewġ kwalitajiet marbutin flimkien ukoll fuq il-livell naturali. Ir-rabta ta’ bejniethom hi waħda vitali.
Dan hu l-awgurju tiegħi u ta’ ħafna Maltin u Għawdxin bħala preparazzjoni għall-Konferenza Nazzjonali dwar Żwieġ b’saħħtu li qed jippjanaw tant tajjeb flimkien, il-Moviment ta’ Kana, il-Caritas u l-Kummissjoni Djoċesana Familja.
Il-konferenza se ssir fl-Iskola Sta Monika tal-Gżira nhar is-Sibt 27 ta’ Ottubru.
Gino Axisa hu President
tas-Sotto Kummissjoni Pastorali Persuni b’diżabbiltà ta’ l-Arċidjoċesi.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075