MediaToday

Editorjal | 07 ta’ Ottubru 2007 • Nr 49

Il-kejl tal-familji

L-inflazzjoni, il-kejl li jużaw l-ekonomisti biex jgħidulna b’kemm qed togħla l-ħajja, mhux bilfors tirrifletti l-baskett ta’ prodotti u servizz li jagħmlu użu minnu l-familji.
Għaldaqstant, anki jekk iċ-ċifri juru li f’dawn l-aħħar xhur l-inflazzjoni naqset fl-iktar livelli baxxi, dan mhux riflessjoni ta’ dak li qed iħossu n-nies fit-triq.
Ma jfissirx li ċ-ċifri mhumiex tajbin. Iżda kejl li hu bżonjuż għall-ekonomisti biex janalizzaw l-andament ta’ l-ekonomija mhux bilfors hu kejl tajjeb biex tanalizza l-bżonnijiet, id-diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji.
Għalhekk jeżisti dan il-baħar jaqsam bejn dak li jingħad mill-esperti u dak li jħossu n-nies. Filwaqt li l-politiku għandu jagħti widen għal dak li jgħidu l-esperti m’għandux jinjora dak li qed iħossu n-nies.
Skond ċifri li jkejlu ċ-ċaqliq tal-prezzijiet f’Awissu li għadda l-baskett ta’ l-ikel imkejjel mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika kien sitta fil-mija ogħla minn Awissu tas-sena l-oħra. Iż-żidiet fil-ħalib u l-irkotta din il-ġimgħa komplew jagħfsu fuq il-but tan-nies wara li kien hemm ċaqliq ’il fuq fil-prezz tal-għaġin, ir-ross, il-ħobż u ċ-ċereali fost l-oħrajn.
Din hi realtà li ħafna familji qed iħossu. Il-valur tal-paga m’għadux li kien u dan hu kejl li l-politiku ma jistax jinjora anki jekk ċerta tibdil fil-prezzijiet hu impost fuqna mill-forzi tas-swieq internazzjonali.
Il-verità hi li ż-żieda fil-VAT għal 18 fil-mija fl-2004 u l-introduzzjoni tagħha fuq firxa wiesa’ ta’ prodotti li qabel ma kellhomx VAT fuqhom, flimkien ma’ l-eko taxxa fuq numru ta’ prodotti, għollew il-ħajja b’mod straordinarju fl-istess żmien li l-Gvern daħħal piżijiet finanzjarji oħra li naqqru l-flus fl-idejn.
Dan hu l-kejl ekonomiku tan-nies u għalhekk għadu ma jinftiehemx id-diskors tal-Prim Ministru li l-pajjiż sejjer tajjeb u r-rota qed iddur. In-nies mhijiex tħoss il-benefiċċju tal-ġid li qed jinħoloq. Din hi l-ikbar realtà li l-Gvern jeħtieġ jindirizza fil-baġit li jmiss.

Razziżmu jrewwaħ
Li kieku Martin Luther King kien qed isegwi One TV nhar il-Ħamis li għadda żgur kien jagħtih attakk tal-qalb u jmut zobtu.
L-argumenti li ġabu l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ li kienu mistiedna fil-programm Str82dpoint li suppost iddiskuta d-diversità kienu mimlijin preġudizzji kontra l-immigranti u ħafna drabi nbnew fuq fatti żbaljati u biżgħat irrazzjonali.
Ħafna miż-żgħażagħ, ħlief għal waħdiet, lissnu diskors xenofobiku u razzist fil-konfront ta’ l-immigranti anki jekk dejjem bdew bil-preambolu li huma mhumiex razzisti.
Li kieku wieħed kellu jibni profil ta’ l-immigranti minn dak li sema’ waqt il-programm l-istampa li toħroġ hi ta’ eluf ta’ suwed li ġejjin hawn bi pjan biex jieħdu lil Malta taħt idejhom, jisfurzawna nbiddlu r-reliġjon, jeħdulna xogħolna u filwaqt li huma jkunu qed jiġru fit-toroq bil-ħwejjeġ u l-mobiles tad-ditta aħna l-Maltin inkunu qed immutu bil-ġuħ.
Il-verità hi li ħafna mill-immigranti li ġew Malta jew intbagħtu lura jew imxew għal pajjiżi oħra. Illum fostna hawn ftit iktar minn 3,000 immigrant bejn dawk li jinsabu f’ċentri magħluqa u oħrajn miftuħa, altru minn invażjoni.
Il-verità hi li l-Maltin ma jersqux lejn Albert Town mhux għax infetaħ iċ-ċentru ta’ l-immigranti imma għax il-post ilu snin twal marbut mal-prostituzzjoni u l-kriminalità. Il-verità hi li l-immigranti qed jitħaddmu b’pagi miżeri mhux għax iridu huma iżda għax min jimpjegahom, x’aktarx Malti bħalna, qed jikser il-Liġi. Il-verità hi li l-immigranti la huma kollha anġli u lanqas mhuma kollha xjaten. Il-verità hi li sena u nofs maqful f’gaġġa f’kundizzjonijiet xejn dinjitużi qajla jħallulek is-saħħa mentali li tirraġuna. Il-verità hi li l-identità Maltija, id-drawwiet reliġjużi u t-tradizzjonijiet qed jinbidlu mhux għax qed jiġu fostna l-immigranti imma minħabba l-influwenzi li jkollha s-soċjetà mill-miljuni ta’ turisti li jżuruna, mill-kuntatt li jkollna ma’ barranin minħabba s-safar, mill-kuntatt ma’ terzi persuni bl-internet u l-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni.
Hu ta’ għajb għal soċjetà ħielsa li għandha r-rispett lejn id-dinjità umana mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħha li nsibu daqstant żgħażagħ jaħsbu b’dan il-mod.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075