MediaToday

X'kien jġhid | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

It-triq għadha waħda iebsa u għat-telgħa

Il-faqar fit-tmexxija tal-Partit Laburista spikka b’mod kbir fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, proprju f’lejlet Jum l-Indipendenza, meta tkellmu l-mexxejja tal-PN u tal-MLP u kulħadd seta’ jara l-kuntast lampanti bejn it-tnejn.
Kuntrast li kif iddeskrivih f’din il-gazzetta t-tifel tat-tifel tal-Gross, qisu dak bejn bajtra msajra u ċirasa friska!
Anki jekk Carm Mifsud Bonnici m’għamilx riferenza diretta għaż-żewġ personalitajiet kien ovvju għal min kien qed jirreferi b’dak il-paragun.
Hu għalhekk li wieħed ma jistax jifhem kif f’dawn iċ-ċirkostanzi għandna sitwazzjoni fejn il-PN qed jitħabat biex jilħaq u jgħaddi lill-MLP fil-popolarità, jew aħjar, fit-tellieqa elettorali li trid bilfors issir is-sena d-dieħla, jekk mhux qabel.
Meta l-elettorat għandu għażla bejn Malta mmexxija minn Lorenzo u Malta immexxija mid-dottor Sant suppost li l-għażla hi waħda faċli.
Fid-diskorsi tagħhom it-tnejn urew xi jsarrfu: Lorenzo kien koerenti u kellu diskors b’sustanza, ippernjat fuq il-fiduċja tiegħu fil-kapaċitajiet tal-poplu Malti, filwaqt li Dottor Sant għamel diskors, biex ngħidu hekk, spirituż: b’muttetti u tonalitajiet li wieħed jistenna minn ċarlatani li m’għandhom xejn serju x’joffru.
X’inhu dak allura li jżomm milli l-PN ikun ċert mill-vittorja – anzi li qed iwassal biex ikun hemm dubji serji dwar jekk din il-vittorja jsseħħx?
Naturalment, Lorenzo għandu l-mażżra ta’ partit li ilu 20 sena (nieqes 22 xahar) fil-poter. Dan iż-żmien iġib bilfors piżijiet li jkunu ntirtu mis-snin passati… u n-nies tilmenta li trid tara uċuħ ġodda. Anki jekk mill-Kabinett oriġinali li sawwar Eduardo Fenech Adami f’Mejju 1987, baqa’ biss Louis Galea u Ninu Zammit, li dak iż-żmien kien inħatar Segretarju Parlamentari.
Meta Lorenzo daħal fiż-żarbun ta’ Eduardo qagħad lura milli jimponi l-ideat tiegħu mill-ewwel u ħass li ftit kellu jbiddel mill-Kabinett li wiret, allavolja kellu kull dritt jaqilbu ta’ taħt fuq. L-iskossi mhumiex il-metodu favorit ta’ Lorenzo u f’dan il-każ il-prudenza wasslitu biex jagħmel żball tattiku!
Il-loġika tgħidli li jekk fl-elezzjoni li ġejja jirbaħ Lorenzo, jikseb ferm aktar awtorità milli kellu meta wiret lil ta’ qablu. Għaldaqstant hu se jkun f’pożizzjoni li jaħtar amministrazzjoni mnaddfa mill-friegħi u z-zkuk li qdiemu u nixfu u b’hekk jagħti impronta anki aktar b’saħħitha lil ħidmietu. L-istess loġika tgħidli li jekk jiġri hekk, il-Partit Laburista sa fl-aħħar jeħles mill-mażżra li hu d-dottor Sant… u allura jkun jista’ jagħmel riformi għall-ġid tiegħu nnifsu u tal-pajjiż.
Jekk tħares lejn l-elezzjoni minn din l-ottika tasal tikkonkludi li dak li għandu bżonn il-pajjiż hu proprju vittorja għal Lorenzo.
Iżda l-votant qajla se joqgħod jagħmel dawn il-kalkoli. Il-votant ġeneralment jara biss l-interessi dojoq u immedjati tiegħu u dan jista’ jwasslu jibla’ l-lixka tad-dottor Sant. Dan qed iwiegħed affarijiet populisti li jingħoġbu, anki jekk huma assolutament diżastru mil-lat ekonomiku – bħalma huma l-wegħda li jnaqqas bin-nofs is-surcharge tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li jislef Lm5,000 lil kulmin ikun se jixtri dar għall-ewwel darba.
Ma ninsewx: fil-PN hemm ukoll dawk li l-ħatra ta’ Lorenzo ma ġabitilhom fortuna xejn u forsi kienu qed jaħsbu jitħajru jemmnu li telfa elettorali għal Lorenzo tfisser bidla wkoll fil-fortuna tagħhom; iżda anki dawn jinsabu bejn ħaltejn għax jagħrfu li rebħa elettorali għad-dottor Sant fiha riskji kbar għall-pajjiż.
Lorenzo u Saliba qed jittamaw li aktar ma tavviċina l-elezzjoni, dawk li kienu jgergru għax baqgħu ma ħadux dak li ippretendew li jieħdu mingħand il-gvern Nazzjonalista – irrispettivament minn jekk kellhomx dritt għalli riedu jew le – jibdew iħarsu lejn id-deċiżjoni jekk jivvutawx, u lil min, b’mod differenti.
Min kien irrabjat tibda tonqoslu r-rabja u jibda sempliċiment igerger. Min kien igerger jibda jiżen il-prospetti ta’ bidla fl-amministrazjoni, forsi wkoll fuq il-linji ta’ ‘aħjar tissawwat minn Gvern Nazjonalista milli tissawwat minn Gvern Laburista’. Dan punto di vista daqsxejn masokista għax donnu dawk li jaħsbu hekk huma rassenjati għas-swat iżda hu argument li fih element ta’ verità wkoll.
It-triq li faddalu jterraq il-PN għadha waħda iebsa għat-telgħa u jkun baħnan min jaħseb mod ieħor. L-elezzjoni għadha ma ntrebħitx iżda lanqas ma ntilfet, anki jekk Fuq il-Fosos kien hemm folla kbira u żagħżugħa li bħalha l-PN ilu żmiem twil ma jkollu fil-meetings tiegħu.
L-akbar problema li għandhom Lorenzo u Saliba mhux id-dottor Sant iżda l-isfida li jerġgħu jiġbdu lejn il-PN lil dawk kollha li tbiegħdu mill-partit għax l-istess Lorenzo u sħabu ħadu passi li gerxuhom bihom.
F’din l-isfida l-immaġni tad-dottor Sant jimmuttetja f’Birżebbuġa tista’ tkun il-karta ixxurtjata.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075