MediaToday

Wenzu Mintoff | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Il-Ministru tad-drenaġġ

Filwaqt li t-televixin għadda mill-black and white għall-kulur, il-politka bħal donnu qed tgħaddi mill-kulur għall-black and white.
Il-politika ta’ llum b’dawn il-ħafna rapporti, sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika, konsulenti tal-komunikazzjoni u marketing, walkabouts, turnarounds, floaters u x’naf jien marrilha ħafna mill-kulur li kellha u saret pjuttost griża.
Issa veru li bħalma jgħidu meta tirkbek in-nostalġija dak ikun wieħed mis-sinjali tax-xjuħija. U veru wkoll li meta mmorru lura fiż-żmien nibdew niftakru biss fis-sabiħ u nwarrbu l-ikrah.
Hekk pereżempju ċerti episodji fit-Tmeninijiet nipprova nħassarhom mill-memorja daqslikieku ma ġraw qatt, filwaqt li t-tifkiriet tal-politka tal-bidu tas-Sebgħinijiet u mill-ftit li niftakar tas-Sittinijiet huma kollha bil-kulur minkejja li fuq it-televixin kienu jiġu rrappurtati bil-black & white u l-gazzetti ta’ dik l-epoka ħadu s-suffejra u sfaru biż-żmien.
Ix-xena tal-Perit Mintoff bil-wieqfa fuq l-istaffa tal-Mercedes antika li kellu hekk kif kien għadu kif ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru, jitmasħan mal-partitarji tiegħu stess li kienu daħlu l-Belt biex jiċċelebraw ir-rebħa elettorali ta’ l-1971 jibagħthom lura minn fejn ġew għax ried imidd għonqu għax-xogħol.
Id-dehra ta’ Eddie Fenech Adami bil-wieqfa f’Fiat Cinque Cento bis-saqaf miftuħ u ħdejh tromba ta’ loudspeaker iħanxarha f’xi kantuniera ġo qiegħ Birkirkara, għalkemm qatt ma rajtha b’għajnejja din ix-xena, żgur li kien fiha x’tara kollha kuluri.
Il-Ministru Agostino Pio sive Austin Gatt, hekk kif inhu magħruf uffiċjalment fuq il-karta tal-vot, tista’ tikkritikah għal ħafna affarijiet, l-aktar għall-guffaġni u l-arroganza tipika tiegħu. Imma żgur li ma tistax tikkritikah li hu nieqes mill-kulur.
‘Imbeċilli, pezzo di maiale, partit tat-tappieri’ huma biss ftit mill-aġġettivi li jkollu fuq il-ponta ta’ lsienu Gatt meta jiġi biex jattakka lill-avversarji politiċi tiegħu. Darba waħda kien akkuża lil Alfred Sant li hu ‘korrott’, imbaghad fil-Qorti malajr spiċċa daqq l-irtirata. M’ilux fettillu jgħid li Sant se jinbela mill-baliena u li mhux se jirnexxielu joħroġ minn żaqqha bħal Ġona. Hawn min bir-raġun iħossu offiż b’dawn it-tip ta’ kummenti li jagħmel Gatt.
Jien ngħid li mnalla jkun hu li jagħti ftit tal-kulur jgħajjat fuq it-tila politika li altrimenti hi ddominata mill-griż u mill-iskur. Jekk xejn bl-istess mod u bl-istess loġika li hu jgħid lill-ħaddieħor li jmexxi l-partit tat-tappieri, bix-xieraq, ħaddieħor jgħidlu li hu l-ministru ta’ dak li jkun hemm taħt it-tappieri, il-ministru tad-drenaġġ, għax wara kollox bħala l-ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma (KSI) hu wkoll responsabbli mid-drenaġġ.
La aħna fuq dan is-suġġett xi ftit jew wisq skabruż fil-ġranet li għaddew inqala’ daqsxejn ta’ busillis proprju fuq id-drenaġġ, mhux dak li beda jfawwar u jfewwaħ mill-katusi mxaqqin fil-bajja tal-Balluta, imma rigward l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ f’Tal Kus, Għawdex u f’Taċ-Ċumnija fl-inħawi tal-Mellieħa.
L-istima oriġinali ta’ l-ispiża fuq dawn iż-żewġ impjanti, bħalma jiġri tista’ tgħid dejjem, ma nżammitx u l-ministru tad-drenaġġ beda jsostni li l-KSI kienet qed tieħu b’mod ħafif iżżejjed din il-kwistjoni.
Il-kliem tekniku li jintuża biex jagħmluha diffiċli għan-nies tifhem hu cost over-runs. Minħabba li beda jħossu mhux fdat mill-Ministru, l-perit Michael Falzon irriżenja minn Chairman tal-KSI, riżenja li kif kien mistenni kienet irtirata f’kemm ili ngħidlek.
L-affari ma waqfitx hemm għax il-Partit Laburista, kif kellu d-dritt u kien fid-dmir li jagħmel, talab li ssir inkjesta indipendenti inkella investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali biex dawn l-over-runs, li skond l-istess ministru ġew ittrattati b’mod superfiċjali mill-KSI, flimkien ma’ allegazzjonijiet serji oħra, ikunu investigati bis-serjetà u mhux b’mod ħafif.
Kien hawnhekk li l-Ministru Agostino Pio ddeċieda li jaqleb l-imwejjed ta’ taħt fuq biex jevita li ssir inkjesta indipendenti ħalli jkunu stabbiliti l-fatti kif suppost.
Ippretenda li minflok il-kwistjoni tkun f’idejn uffiċċju indipendenti mħares bil-Kostituzzjoni bħalma hu l-Awditur Ġenerali, ried li jkunu n-Nazzjonalisti tagħhom f’tagħhom u bis-saħħa tal-maġġoranza li għandhom fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (l-PAC) li jagħmluha ta’ l-imħallfin fil-kawża tagħhom stess.
Fil-ftit snin minn kemm ilu mwaqqaf il-PAC mexa fuq il-konswetudni tal-House of Commons li kemm jista’ jkun jimxi bir-regola tal-konsensus u mhux fuq linji politiċi partiġġani fuq bażi tas-saħħa numerika ta’ maġġoranza u minoranza.
Bħala prassi dan il-Kumitat Parlamentari biex jistabbilixxi l-fatti kien jirreferi l-każ lill-Awditur Ġenerali, imbagħad ikun il-PAC li jeżamina r-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali fid-dettall.
Imma l-ministru tad-drenaġġ ġie jaqa’ u jqum mill-konswetudni u l-prassi parlamentari u ippretenda li fl-aħħar mill-aħħar tkun il-maġġoranza Nazzjonalista fil-PAC li tagħmilha ta’ l-akkużat, tad-difensur u ta’ l-imħallef fil-kawża tagħha stess.
Wara kollox mhux hekk kien ġara fil-każ tal-Voice of the Mediterranean u l-amministrazzjoni ħażina ta’ Richard Muscat fejn fuq mozzjoni ta’ l-istess Austin Gatt l-Awditur Ġenerali mir-rwol ta’ investigatur li suppost għandu spiċċa jiġi investigat.
B’din il-mozzjoni mgħoddija mill-maġġoranza Nazzjonalista fil-PAC, l-Awditur Ġenerali spiċċa ċċensurat u imminat fil-ħidma tiegħu meta l-Kostituzzjoni titlob maġġoranza ta’ tnejn minn tlieta biex tiġi approvata mozzjoni kontrieh.
Pajjiżna għandu tradizzjoni qasira għal dik li hi demokrazija Parlamentari sħiħa u li tiffunzjona b’mod effettiv. Hawn min isostni li d-demokrazija f’pajjiżna taħdem darba kull ħames snin: dakinhar ta’ l-elezzjoni. Il-bqija tal-ħames snin ikollok dittatura pulita u l-ħafna istituzzjonijiet li jeżistu biex suppost jibbilanċjaw u jiċċekkjaw il-prepotenza tal-Gvern ħafna drabi jżejnu biss il-vetrina.
Għax jew m’għandhomx snien inkella jekk għandhom qajla jużawhom inkella jsibu lil min jipprova jkissrilhom snienhom kif ipprova jagħmel il-ministru tad-drenaġġ fil-PAC.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075