MediaToday

Toni u Peppi | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Gonzi u Sant: min hu l-iktar kredibbli?

Toni

“Jekk trid twaqqa’ l-moral ta’ kull oppożizzjoni murilha għar-ras!” Dan hu wieħed mill-ħafna pariri li jagħti Nicolò Macchiavelli lil dawk li jridu jiksbu l-poter.
F’Malta dejjem ġie applikat bir-reqqa, b’mod speċjali kuldarba li tkun riesqa elezzjoni, kienu min kienu l-mexxejja rispettivi taż-żewġ partiti l-kbar. L-elezzjonijiet li ġejjin mhux se jkunu eċċezzjoni għal dawn ix-xorta ta’ kampanji elettorali personalizzati. Anzi nbassar li l-kampanja ta’ partit minnhom se tkun mibnija biss fuq dan il-parir ta’ Niċolò Macchiavelli.
Jien nidħak meta niltaqa’ ma’ xi ħadd b’simpatiji Nazzjonalisti u jlissen il-parir ġenerali li jekk il-Labour irid jirbaħ irid ibiddel lill-mexxej tiegħu. Nidħak mhux wisq għax ħadd ma jgħidlek aħsel wiċċek biex tkun aħjar minni, iżda għax fhimt li b’dan il-biljett biss il-PN qiegħed jittama li jirbaħ l-elezzjonijiet li ġejjin.
Allura jinseġ kull storja possibbli biex inaqqas mill-valur tal-mexxej Laburista biex jirbaħ il-Gvern mill-ġdid, mhux wisq fuq is-sustanza ta’ dak li jrid jagħmel, iżda fuq il-prinċipju li aħjar tafda lix-xitan li taf.
Irridu nammettu li ż-żewġ mexxejja joħolqu kuntrasti kbar bejniethom u proprju fuq dawn il-kuntrasti se titfassal il-kampanja elettorali. Filwaqt li Alfred Sant hu riservat u m’għandux kantunieri, Lawrence Gonzi jagħti l-impressjoni li hu tal-każini u qajla jipprovdi tweġibiet definiti u tondi.
Sant hu aktar sekulari u akkademiku, mentri Gonzi dejjem fl-ilma tiegħu mal-kleru u konfessjonali, u kemm ilu fil-politika qatt ma naf li qrajt imqar strofa dwar kif jaħsibha.
Sant iktar ewro-ċentriku fl-istil ta’ ħajja li jgħix, mentri Gonzi hu l-mudell per eċċellenza ta’ bniedem ġej miċ-ċentru tal-Mediterran. Alfred Sant ma jagħmel xejn biex jieħu vantaġġ mis-sentiment reliġjuż, la juża u lanqas jabbuża mill-Knisja, mentri Lawrence Gonzi, anke kunjomu, hu subliminalment sinonimu ma’ reliġjon.
Dawn huma biss ftit mill-kuntrasti li jeżistu bejn dawn it-tnejn min-nies li se jilagħbu parti importanti ħafna fil-kampanja elettorali li jmiss.
L-aċċent fuq il-persuna se jkun enfasizzat aktar fil-kampanja elettorali tal-PN.
Imħawda kif inhi, l-amministrazzjoni preżenti ta’ kriżi wara l-oħra ta’ atti evidenti ta’ korruzzjoni, inflazzjoni tal-prezzijiet u l-inkapaċità tal-familja Maltija medja li tlaħħaq mal-ħajja kif ukoll nieqsa minn proposti konkreti pre-elettorali, l-unika tama li hemm għar-rebħa hi li tkisser lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni minn kull aspett.
F’intervista li ta Austin Gatt fl-istil ‘Far West’ tiegħu ddeskriva lil Alfred Sant bħala ‘Mr. Nobody’ li jindika l-mod kważi Falanġista li l-Partit Nazzjonalista fassal biex ikisser lil Sant.
Il-Partit Nazzjonalista m’għandux triq oħra ħlief din ix-xorta ta’ kampanja għaliex m’għandux manifest elettorali ta’ sustanza. Qiegħed ifassal proposti bis-sulluzzu, bħal per eżempju, l-20 proġett għall-Port il-Kbir u dan wara li l-Partit Laburista kien beda jikkonsulta dwar ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-port. Proprju issa kellu jħabbar li se jieħu ċerti miżuri biex itaffi mill-piż taż-żgħażagħ fid-djun għad-djar, wara li l-MLP kien ħabbar sett ta’ miżuri li beħsiebu jimplimenta f’dan il-qasam. Jipprova wkoll jirriċikla proposti antiki li qatt ma twettqu, bħal-liġi li tħares lill-koppji barra ż-żwieġ. Issa oħroġ il-għaġeb feġġet it-tama ta’ divorzju b’referendum: tema li kien diġà qiegħed jiddiskuti l-MLP meta kien fil-Gvern fl-1996.
Allura għan-nuqqas ta’ ideat, irid ikun hemm xi jrid jagħmel tajjeb: l-attakk ċar, kliniku u mingħajr rispetti kontra Alfred Sant. Kien għalhekk li d-dikjarazzjonijiet tal-Perit Robert Musumeci ħasdu l-qalba ta’ l-istrateġisti Nazzjonalisti meta qal li Sant għandu l-valuri tiegħu. Kienet dikjarazzjoni li tmur kontra t-tfassil ta’ kampanja biex tkisser lill-MLP u tkisser lil Sant.
Il-kampanja elettorali se tkun mibnija wkoll fuq il-fatt li Gonzi m’għandux passat mentri Sant għandu bagalja tqila mimlija memorji. Iżda li ma jingħadx li f’din il-kampanja hemm memorji tajbin ukoll u li Gonzi mhux ġdid ileqq daqs kemm jagħti l-impressjoni li hu.
Kulħadd nesa t-twissijiet ta’ Sant, ta’ kumpanija wara oħra, li kellhom jagħlqu u fil-fatt hekk ġara. Kulħadd nesa li kien bassar li l-politika żbaljata tal-Gvern se twassal għal splużjoni fil-prezzijiet jew fil-qasam tat-turiżmu se mmorru l-baħar.
Hekk ġara, u meta Sant żbalja, ma żbaljax anqas minn dawk ta’ qablu, ħlief li l-iżbalji tiegħu dejjem tqiegħdu taħt lenti akbar minn ċerti kuriduri tal-media.
Lanqas hi minnha l-perċezzjoni li Gonzi hu xi figura ġdida u friska għax-xena lokali politika. Kemm kien ilu fil-kabinett u Viċi Prim Ministru ta’ Eddie Fenech Adami, hu kien qiegħed hemm preżenti għall-iżbalji kollha li saru speċjalment fil-qasam ekonomiku.
Ma nemminx li dakinhar ma kienx jaqbel ma’ dak li qiegħed isir, għax wara kollox kien hu li mexxa t-taħdidiet meta nħafer id-dejn kollu tat-Tarzna li kompla ikkomplika l-affarijiet għal kulħadd.
Ma nafx li qatt żamm ’il bogħod minn dikjarazzjonijiet bħal ‘ħallihom ħa jogħlew il-prezzijiet’ jew ‘x’inhuma 10 miljuni ’l hawn jew 10 miljuni ’l hemm’.
Mhux talli qatt ma ċaħad ir-responsabbiltà tal-politika żbaljata tal-Gvern ta’ dak iż-żmien meta hu kien ‘second in command’, talli beda b’deċiżjoni estremament partiġġana li saħansitra lanqas Nazzjonalisti onesti ma qablu magħha, meta nkuruna lill-predeċessur tiegħu President ta’ Malta. Li Gonzi hu ġdid hi biss fl-immaġni ta’ l-istrateġisti f’Tal-Pietà.
Hemm fattur importanti ħafna f’dan ix-xenarju kollu: il-logħba li tilgħab il-media li dejjem issejjaħ lilha nnifisha bħala indipendenti. Għal raġunijiet li jistgħu jkunu ideoloġiċi jew storiċi, din il-media dejjem kienet aktar simpatika lejn il-PN, kien min kien il-mexxej, u aktar animuża lejn l-MLP, kien min kien il-mexxej.
Din is-simpatija ġieli ntweriet b’mod sfaċċat iżda ħafna drabi bil-pulit. Ma nafx x’kien jiġri kieku kien l-MLP li qal li jikkunsidra li jintroduċi d-divorzju b’referendum jew li se jagħmel liġi li tħares lill-koppji barra ż-żwieġ. Għalkemm jien naqbel maż-żewġ prosposti l-PN jista’ jgħidha u l-MLP le! Jekk il-PN jagħmel mil żbalji jaraw kif ibenġluhielu għal jarda.
Jekk l-MLP jagħmel jarda żbalji jaraw kif iġebbduha għal mil.
L-iżbalji riċenti tal-PN inessuhom u jsemmu dak li ġara snin ilu fl-MLP. Allura l-PN se jkollu ħafna aktar marġini ta’ azzjoni u tolleranza mill-MLP f’ċerti kwartieri tal-media li tajjeb jew ħażin għandhom ċerta influwenza fuq l-opinjoni pubblika.
F’din il-kampanja Sant mhux se jkollu estensjoni tiegħu innifsu. Imma għal Gonzi mhux hekk. Bil-mara tiegħu Kate, tmur fejn ma jistax ilaħħaq hu, Gonzi se jkollu l-kapaċità bilokattiva.
L-Istampa tal-Partit Nazzjonalista trid tagħmel minn Kate, anke jekk ma tagħmel xejn ħlief titbissem, alter ego ta’ Gonzi. L-immaġni ta’ Kate se tintuża wkoll biex tqanqal simpatija ma’ ħafna nisa u ommijiet tad-dar.
Sant min-naħa l-oħra jirrifjuta li jestendi l-kampanja pubbliċitarja għall-familja tiegħu għax forsi jemmen dak li hu hu u daqshekk.
Għalkemm għandu tifla simpatika u preżentabbli, jirrifjuta li minn dawk li huma l-aktar qribu jagħmel eżerċizzju propagandistiku għall-voti.
Iżda l-ironija tinsab fil-fatt li filwaqt li bil-preżenza ta’ Kate jidher li hemm it-tentattiv li jintmessu sentimenti familjari, kulħadd jaf li qatt daqs illum ma kien hemm daqstant sfaxx fil-familji Maltin, l-atmosfera ta’ libertinaġġ u prekoċità hi palpabbli. Il-valuri tal-familja huma fl-aktar livelli baxxi.
Filwaqt li Gonzi irid jirbaħ l-elezzjonijiet fuq sett ta’ regoli u kodiċi antiki u tradizzjonali, Sant jirrifjuta jagħmel dan. Jemmen li dak li hu meta jkun waħdu d-dar fejn ħadd ma jista’ jarah hu l-istess bniedem fil-pubbliku fejn kulħadd jista’ jarah.
L-għażla mhix bejn żewġ xjaten, iżda bejn żewġ bnedmin. Minbarra li x-xitan m’għandux ħalib lanqas għandu vot.


PEPPI

Min se jirbaħ l-elezzjoni li ġejja?
Kieku n-nies għandha fiduċja fit-tmexxija Laburista ta’ llum kieku din mistoqsija vojta.
Wara xi diskors bħalma sar fil-mass meeting f’Birżebbuġa din il-fiduċja qed tkompli tonqos.
Kieku n-Nazzjonalisti ilhom fil-Gvern daqs kemm ilu Lawrence Gonzi Prim Ministru kieku l-PN għandu ċans ħafna ikbar li jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.
Iżda l-PN ilu kważi 20 sena fil-Gvern u anki kieku kien l-iktar Gvern dinamiku n-nies trid issib raġuni biex tbiddel. La tkun xbajt u ddejjaqt kollox tibda tara ikrah.
Allura l-profeziji fl-elezzjoni li jmiss huma diffiċli għax kif se taqbad tinterpreta stħarrig wara l-ieħor li jpoġġi lill-MLP sew minn fuq filwaqt li l-maġġoranza tal-Maltin tafda lill-pajjiż aktar f’idejn Lawrence Gonzi?
X’iridu n-nies allura? Aktarx li n-nies iridu bidla. In-nies għejjew bil-Partit Nazzjonalista daqskemm għejjew b’Alfred Sant.
Iridu fil-Gvern tmexxija ġdida. Għalhekk qed jagħżlu lill-MLP bħala partit li ilu kważi 20 sena ma jkun fil-Gvern.
L-akbar problema tal-MLP hi li dawk li dejjaqhom il-PN anki llum mhux qed jgħidu li se jivvutaw Labour. L-akbar problema tan-Nazzjonalisti hi l-eluf ta’ persuni li qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Hawn iżda r-rota wkoll tidher qed iddur.
Wara d-diskors ta’ Jason Micallef li tpoġġa fuq l-internet iltqajt ma’ ħafna li kienu jaħilfu li mhux se jivvutaw u li issa se jmorru jivvutaw PN għax mhux Laburisti u qed jibżgħu.
Qabel l-aħħar elezzjoni ħafna vvutaw PN għax riedu li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. Ivvutaw għall-Ewropa għax riedu jnaqqsu l-poter tal-politiċi Maltin billi jpoġġuhom accountable għall-Ewropa. U aktar ma’ l-MLP kien ibeżża’ lin-nies li l-Gvern Malti kien se jitlef il-poter għall-Ewropa, il-poplu Malti iktar ried li jivvota biex dan jiġri.
Iżda issa din is-sitwazzjoni taf qed taħdem kontra l-istess PN għax nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw jgħidulek: ‘Issa mhux fl-Ewropa? Ma tagħmilx differenza min ikun fil-Gvern.’
Minn naħa l-oħra l-MLP mhux kredibbli f’dak li qed iwiegħed għax il-proposti jew mhux konkreti u għad irid studju dwarhom jew mhux kredibbli għax mhux ċar minn fejn ġejjin il-flus biex dawn jitwettqu.
Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jinjora lil dawk li ġenwinament ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u qed isibuha iebsa biex ikampaw. Iktar ma jisimgħu lill-Prim Ministru jgħid li l-ekonomija sejra ’l quddiem iktar iħossuhom diskriminati għax jgħidu ‘Imma allura aħna biss mhux sejrin tajjeb?’
Il-poplu Malti u Għawdxi jrid bidla. L-elezzjoni ġenerali tintrebaħ minn min se jikkonvinċi lin-nies li jista’ joffri din il-bidla. L-MLP bħala partit jista’ joffriha għax ilu kważi 20 sena ma jkun fil-Gvern u l-PN jista’ joffriha billi jwiegħed uċuh u demm ġdid mingħajr ma jnaqqas mill-mertu ta’ dawk li taw sehimhom.
Naħseb li l-elezzjoni tiddependi fuq dawk li s’issa għadhom ma ddeċidewx hux se jivvutaw jew lil min se jivvutaw. Naħseb li d-deċiżjoni se tkun aktar fuq l-għażla ta’ min il-poplu Malti jrid bħala Prim Ministru wara din l-elezzjoni.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075