MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Spetturi ambjentali dalwaqt jibdew jimmultaw

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Hi biss kwistjoni ta’ ftit ġimgħat meta 18-il spettur ambjentali li sa llum xogħolhom kien li jwissu u jedukaw lill-poplu, se jiżdidilhom penz ieħor li bih se jkunu jistgħu jimmmultaw lil dawk li jħammġu l-pajsaġġ Malti jew jagħmlu ħsara ambjentali.
Sorsi qrib il-Gvern ikkonfermaw ma’ Illum li “bħalissa qed isiru l-aħħar irtokki fuq l-avviż legali li għandu jġib il-bidla meħtieġa.”
Permezz ta’ dawn l-emendi l-ispetturi ambjentali se jkunu jistgħu jimmultaw lil dawk il-persuni jew kumpaniji li bl-imġiba tagħhom ikunu jtappnu l-wirt naturali jew ambjentali f’pajjiżna. Sa llum l-ispetturi kellhom ir-rwol li jedukaw lill-poplu Malti u xogħolhom kien biss li jwissu lil dawk il-persuni li jiksru l-Liġi.
Statistika li għandha f’idejha din il-gazzetta tikkonferma li fl-ewwel erba’ xhur ta’ ħidma tagħhom dawn it-18-il spettur irnexxielhom joħorġu 369 twissija. Tagħrif ikkonfermat mill-Awtoritajiet Maltin juri li bejn it-23 ta’ Mejju li għadda u kmieni din il-ġimgħa l-ispetturi ambjentali ħarġu medja ta’ aktar minn tliet twiddibiet kuljum.
Illum tista’ tikkonferma li l-akbar ammont ta’ twissijiet ingħataw f’żoni turistiċi lill- persuni li ħarġu jippassiġġaw bil-kelb tagħhom. Il-persuni kienu mwiddba biex meta joħorġu bl-annimal domestiku tagħhom għandhom dejjem iżommuh marbut b’ċinga u wara li l-kelb jagħmel il-bżonnijiet naturali tiegħu għandhom inaddfu warajh. F’dawn l-aħħar erba’ xhur irriżulta li diġà nħarġu 136 twissija ta’ din ix-xorta.
Kien hemm ukoll 72 twissija lill-bejjiegħa tal-monti li wara li żarmaw mill-ħidma tagħhom f’irħula differenti u ma naddfux kif suppost.
Bejn Marzu u Settembru nħarġu 40 twissija wara li persuni rmew loqom ta’ sigarretti jew karti fit-triq.
Kien hemm ukoll tmien twissijiet kontra persuni li ntalbu jnaddfu madwar il-kamp li ramaw u oħrajn li ntalbu jneħħu kampeġġ illegali li għamlu. Ma naqsux ukoll twissijiet kontra sidien tan-negozju. Fost dawn kien hemm żewġ sidien ta’ lukandi li twissew joħorġu l-iskart fit-triq ftit qabel il-ħin tal-ġbir u mhux minn sigħat qabel.
Ħarsa lejn l-istatistika jirriżulta li l-akbar ammont ta’ twissijiet inħarġu fiż-żoni skedati, b’kollox 285. Fiż-żoni barra l-iżvilupp s’issa nħarġu 84 twissija. Fost dawn kien hemm twissija li ħarġet lill-kuntrattur magħżul mill-Enemalta u li b’mod illegali kien qed iwaħħal arbli f’post fejn mhux suppost.
L-ispetturi ambjentali ġibdu l-attenzjoni wkoll ta’ sitt sidien ta’ għelieqi li bdew jaħirqu ħaxix ħażin f’żoni li huma viċin ħafna ta’ siġar protett bil-Liġi.
Saru wkoll żewġ twissijiet lil persuni li b’mod illegali kienu qed jarmu skart tal-bini barra.
L-ispetturi ambjentali involuti f’din il-ħidma jaħdmu kollha pajżana, mingħajr uniformi. Il-ħaddiema huma kollha eks ħaddiema tat-Tarzna li fl-aħħar xhur kienu mħarrġa għal dan ix-xogħol ġdid taħt l-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL).

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075