Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Telfa kbira għall-Malti
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-mewt ta’ Mario Serracino Inglott fl-età ta’ 72 sena, li bħal missieru Erin ħadem bla heda fl-istudju tal-lessiku ta’ l-Ilsien Malti, ħalliet vojt kbir fost dawk li għandhom għal qalbhom l-ilsien Nazzjonali ta’ pajjiżna.
Mario Serracino Inglott twieled f’Bormla f’Novembru 1934. Għal numru ta’ snin kien ukoll għalliem tal-lingwa Maltija. Il-Malti għalih kien “ilsien kbir u sabiħ li ma jagħmel għajb lill-ebda lsien ieħor u li fost u qabel kollox jagħmilna dak li aħna - Maltin.”
Fost il-ħidma kbira tiegħu mill-1983 ’il quddiem kien hemm it-tkomplija tal-Miklem Malti li kien beda missieru u l-kumpilazzjoni ta’ Dizzjunarju Malti li jħaddan ukoll teżawru ta’ Malti mħaddem. Kien Viċi-President ta’ l-Akkademja tal-Malti u wkoll ta sehmu biex il-Malti fix-xandir ikun aħjar.
Ukoll bħal missieru, ħabb iċ-ċess u anki kiteb storja taċ-ċess f’Malta. Ta’ 10 snin kien diġà rebaħ l-ewwel titlu tiegħu u għal bosta snin kien President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess.
Fl-1980 Mario kien strumentali biex jittellgħu l-Olimpjadi taċ-Ċess f’Malta. Kien ukoll l-ewwel Malti rikonoxxut mill-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċess bħala arbitru internazzjonali taċ-ċess.
Mario, li miet nhar is-Sibt 22 ta’ Settembru filgħaxija, kien miżżewweġ lil Joan Antida Fsadni u kellu bint waħda, Lara.
Sergio Grech, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, sellem lil Mario Serracino Inglott bħala “il-bniedem li d-dedikazzjoni kbira tiegħu lejn il-Malti saħħet lessikografikament dak l-istess ilsien. Filwaqt li jagħti l-għomor lil niesu, il-Kunsill isellem lill-ħabib kbir tal-lingwa tagħna li ħallielna x-xogħol siewi li għamel f’ħajtu biex isaħħaħha fil-kotba li ħareġ.”
Marco Galea, lecturer tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Junior College u ex-President ta’ l-Akkademja tal-Malti, qal lill-Illum li Mario “kien wieħed minn dawk in-nies li jitkellmu dwar l-ilsien Malti b’passjoni. Kien jinkwieta meta jara li l-Malti ma jintużax tajjeb u jagħmel kulma jista’ biex itejjeb is-sitwazzjoni.
“Anki meta saħħtu ma baqgħetx daqshekk tajba kien għadu jħambaq fuq inizjattivi li l-Akkademja tal-Malti messha tieħu biex ix-xandir u l-gazzetti jużaw Malti aħjar”
Galea fisser kif għalih Mario “jirrappreżenta l-istorja ta’ ħafna minn dawk li ħadmu favur il-Malti fil-passat, li mingħajr ma qiesu dak li setgħu jiggwadanjaw, taw ħafna minn ħinhom għall-kawża tal-Malti u minkejja li ma kellhomx kwalifiki professjonali fil-lingwa kienu jpattu għaliha bix-xogħol u d-dedikazzjoni.
“Naħseb li dan huwa mudell tal-passat, imma li kieku ma kienx jeżisti llum m’aħniex fejn aħna,” irrikonoxxa Galea.
Mistoqsi għaliex l-aktar se jibqa’ mfakkar Mario, Galea qal: “Il-pubbliku mhux se jibqa’ jiftakar l-inizjattivi kollha li ħa sehem fihom Mario favur il-Malti, imma żgur li mhux se jinsew li kien hu li temm ix-xogħol fuq Il-Miklem Malti, id-dizzjunarju li għadda ħafna minn ħajtu jaħdem fuqu missieru Erin imma li ma laħaqx rah stampat kollu.”
Min-naħa tiegħu, Charles Flores, kitteb, ġurnalista veteran u eks-xandar, qal lill-Illum li għalih “il-mewt ta’ Mario Serracino Inglott tfisser it-telfa ta’ leħen ieħor, qalb oħra u moħħ ieħor fil-ġlieda kontinwa għall-istess eżistenza ta’ l-Ilsien Malti.
“Ngħixu f’pajjiż fejn il-ħolqien ta’ żewġ lingwi uffiċjali (għal għanijiet dak iż-żmien kolonjalisti) kattar mill-ġdid l-idea li l-Ilsien Malti mhux importanti jew meħtieġ. Sa kellna degradazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kwalifiki fil-Malti biex xi wlied ta’ ċerti nies u ministri setgħu jidħlu fl-Università meta ma kinux kapaċi biżżejjed fil-Malti. Tal-mistħija. U Mario Serracino Inglott kien lest jeħodha kontra din il-mentalità miskina,” sostna Flores.
Mistoqsi għal xiex l-aktar se jibqa’ mfakkar Mario Serracino Inglott, Flores qal: “Mario Serracino Inglott żgur li jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu biex ħidmet missieru Erin fuq Il-Miklem seta’ jkun mitmum bil-ħaqq u s-sodisfazzjon mixtieqa, waqt li kompla bl-istudju xjentifiku ta’ lsienna anki fi żminijiet meta l-kurrent kien ġej il-ħin kollu kontra.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|