Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
F’deċiżjoni storika l-Ombudsman Ewropew din il-ġimgħa ta raġun lill-ġurnalist tal-gazzetta MaltaToday li sentejn ilu kien ilmenta dwar nuqqas ta’ trasparenza mill-Parlament Ewropew fuq id-dħul tal-Membri Parlamentari tiegħu.
L-Ombudsman Paraskavas Nikiforos Diamandouros irrakkomanda lill-Parlament Ewropew biex jerġa’ jagħti kas it-talba li kienet għamlet il-gazzetta biex ikollha aċċess għall-informazzjoni dwar id-dħul kollu tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin.
L-Ombudsman sostna li ċ-ċaħda tal-Parlament Ewropew kienet “amministrazzjoni ħażina” għax lanqas biss ikkunsidra li jagħti aċċess parzjali billi jżomm lura l-ismijiet ta’ l-assistenti tal-Membri Parlamentari Maltin.
Fl-2005 il-ġurnalist Matthew Vella, illum l-Editur tal-MaltaToday Midweek, kien talab lill-Parlament Ewropew biex jagħtih aċċess għall-informazzjoni dwar id-dħul tal-ħames membri Maltin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ allowances tas-safar, pagi għall-assistenti tagħhom u ħlasijiet oħra.
Il-Parlament Ewropew kien ċaħad it-talba għax qal li din l-informazzjoni kienet tikser id-dritt tal-privatezza tal-Membri Parlamentari.
L-Ombudsman Ewropew sostna li l-Parlament Ewropew kellu jagħti kas li l-aġir tal-membri parlamentari kien miftuħ għall-iskrutinju tal-pubbliku speċjalment f’dan il-każ li jinvolvi fondi pubbliċi.
“F’dan il-każ, it-trasparenza kellha tirbaħ fuq id-dritt tal-privatezza,” sostna l-Ombudsman.
Id-deċiżjoni ta’ l-Ombudsman qajmet diskussjoni madwar l-Ewropa b’diversi gazzetti influwenti kif ukoll l-istazzjon Euronews, jagħtu importanza lil din id-deċiżjoni storika favur iktar trasparenza f’waħda mill-ogħla istituzzjonijiet Ewropej.
F’kumment lil Illum, Matthew Vella qal: “It-trasparenza hi prinċipju bażiku fil-politika Ewropea. L-MPE huma nies imħallsa mit-taxxi tagħna lkoll, u hu ferm importanti li nkunu nafu xi tħallsu dawn il-politiċi biex niżnu jekk ħadniex il-valur tal-flus pubbliċi li jitħallsu.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|