Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Kull partit politiku jagħmel il-kalkoli tiegħu ta’ x’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li għandu meta jmur quddiem l-elettorat. KURT SANSONE jitfa’ dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi fil-bilanċ ta’ l-opinjoni pubblika
Mhuwiex faċli tifhem kif jivvutaw in-nies għax kulmin jidħol wara l-purtiera biex jimmarka l-karta tal-vot ikun qed idaħħal ukoll l-esperjenzi tiegħu u ċ-ċirkostanzi li jdawru lil ħajtu f’dak il-mument.
Aħna fil-media nippruvaw nagħtu interpretazzjoni ta’ dak li jista’ jinfluwenza lill-elettorat meta jiġi biex jagħżel lil min jagħti l-vot. Iżda m’aħniex weħidna li nippruvaw nagħmlu din l-analiżi.
Fis-skiet ta’ l-uffiċċji tagħhom, il-partiti politiċi wkoll jagħmlu din l-analiżi biex jippruvaw jifhmu fejn sejrin ħażin u fejn sejrin tajjeb. Iwieżnu l-vantaġġi li jaħsbu li għandhom ma’ l-iżvantaġġi u jaraw x’impatt iħalli l-bilanċ li jifdal minn dan il-kalkolu meqjus.
Hemm vantaġġi interni fil-partiti li ma jiddependux miċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, bħall-kariżma ta’ wħud mill-personalitajiet u l-proposti tagħhom, imma hemm ukoll vantaġġi li joħorġu mill-għaġna taż-żmien li nkunu fih.
Analiżi tas-sitwazzjoni kif inhi llum turi li l-Partit Laburista għandu ħafna iktar favurih mill-partiti l-oħra, anki minħabba ċ-ċirkostanzi politiċi li ninsabu fihom. L-ikbar żewġ vantaġġi li għandu l-MLP huma l-votanti l-ġodda u l-għatx għall-bidla li jinħass fil-pajjiż.
Min se jkun qed jivvota għall-ewwel darba fl-elezzjoni li jmiss jiftakar biss Gvern Nazzjonalista u għalhekk kampanja ta’ biża’ kontra Alfred Sant u l-Partit Laburista ftit hemm lok li se taffettwahom.
Din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ votanti kienet għadha qed titwieled meta partitarji Nazzjonalisti kienu attakkati waqt mass meeting f’Tal-Barrani fiż-Żejtun, jew meta nqatel Raymond Caruana jew meta Eddie Fenech Adami ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru għall-ewwel darba fl-1987.
Din l-istess ġenerazzjoni kienet għadha fl-aħħar snin ta’ l-iskola primarja meta l-PN reġa’ rebaħ fl-1992 u kienet għadha dieħla fiż-żogħżija meta l-MLP tilef il-Gvern fl-1998.
Dawn il-votanti ġodda, fil-parti l-kbira tagħhom, m’għandhom l-ebda imblokk psikoloġiku f’moħħhom kontra l-Partit Laburista anki għall-fatt li llum ninsabu fl-UE u ħadd mhu se jibdel dan il-fatt.
Iżda ċirkostanza oħra favur l-MLP hi l-għatx għall-bidla li ġej ukoll mill-fatt li n-Nazzjonalisti ilhom fil-poter għal kważi 20 sena. L-istess uċuh, l-istess nies kullimkien, l-istess kumpaniji li jgawdu, l-istess wegħdiet li jibqgħu fuq l-ixkaffa, huma sentimenti li jinħassu fost firxa wiesa’ tal-klassi medja li tat l-ewwel sinjal li trid bidla meta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2004 irmiet lill-PN.
Madankollu, anki jekk il-bilanċ hu favur il-Partit Laburista, it-triq għad,a twila ħafna. Kollox jiddependi x’piż se jagħtu l-votanti lill-vantaġġi u l-iżvantaġġi u kif il-partiti politiċi se joħorġu l-aħjar mill-assi tagħhom biex jikkonvinċu lin-nies jivvutawlhom.
Għad irridu naraw jekk l-ikbar ass tal-PN, Lawrence Gonzi, hux se jirnexxielu waħdu jiġbed in-nies wara l-partit. Irridu naraw x’karti se jilagħbu l-Alternattiva Demokratika u l-Azzjoni Nazzjonali fix-xhur li ġejjin u kif se jilħqu lill-elettorat. Irridu naraw jekk Alfred Sant hux se jirnexxielu joffri serħan il-moħħ lill-elettorat moderat.
Għad fadal ħafna x’jista’ jinbidel fix-xhur li ġejjin u mhux kull bidla se tiddependi fuq il-partiti politiċi. Ċirkostanzi eċċezzjonali bħaż-żieda fil-prezz taż-żejt u ċ-ċereali u l-ħila li l-politiċi tagħna se juru fil-mod ta’ kif se jilqgħu għal dawn l-isfidi kapaċi jħallu mpatt fuq l-elettorat.
Il-logħba politika għadha qed tintlagħab u r-riżultat jista’ jmur kull naħa, anki jekk hemm min għandu ħafna iktar affarijiet favurih.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|