MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Kif tikser il-fus ma’ żewġ partiti politiċi f’temp ta’ ġimgħa

Tristan B: “Jason Micallef qal li jien imbarazz”
L-MLP: “Mhux veru”

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Dak li ġara matul din il-ġimgħa jista’ jitqies bħala r-riċetta ta’ kif kantant jew aspirant kantant jista’ f’temp ta’ ġimgħa jnaffar jew ixellef ir-relazzjoni li jkollu maż-żewġ partiti politiċi ewlenin.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ħamis minn Icona Srl intqal li “b’dispjaċir kbir ma kellniex alternattiva oħra ħlief dik li nħassru l-kunċert ‘Siamo Noi’ ta’ Tristan B flimkien ma’ Ivana Spagna u Ron.”
Fost ir-raġunijiet li ngħataw kien hemm li “wara l-attakk inġust minn media taż-żewġ partiti lokali fil-konfront ta’ Tristan B u l-artisti Taljani Ivana Spagna u Ron ma nixtiqux li l-artisti tagħna jkunu nvoluti fl-ebda propaganda politika ħlief fil-mużika.”
Iżda dikjarazzjoni bħal din hi biss nitfa żgħira mill-battibekki li kienu għaddejjin bejn il-kantant Tristan B u l-partiti politiċi ewlenin.
Illum tista’ tikkonferma li matul dawn l-aħħar jiem il-kantant Malti kien għaddej f’kuntatti kontinwi kemm mal-Partit Nazzjonalista kif ukoll mal-Partit Laburista bit-tama li jirranġa s-sitwazzjoni li spiċċa fiha.
Kollox idur mad-deċiżjoni ta’ Tristan B li jaħdem id f’id mal-Partit Nazzjonalista biex jippromwovi l-kunċert li suppost kellu jagħmel nhar l-Indipendenza.
Il-kantant sa kellu ftehim mal-Partit Nazzjonalista biex fuq il-Fosos wara l-Festival Kanzunetta Indipendenza jkanta ma’ Ivana Spagna u Ron. Iżda dan il-ftehim spiċċa f’taqbida bejn Tristan B u l-organizzaturi meta Ivana Spagna ma marret qatt fuq il-Fosos u kienu rappurtati sensiela ta’ affarijiet li l-organizzaturi ddeskrivew bħala “xejn professjonali”.
Meta din il-gazzetta ċemplet lil Tristan B biex tistaqsieh dwar ir-reazzjoni tal-partitarji Nazzjonalisti diżappuntati għax baqgħu mingħajr il-kantanta Spagna fuq il-Fosos, Tristan B dawwar is-suġġett fuq il-Partit Laburista u sostna li hu “mweġġa’ ħafna mill-MLP.
“Jien xtaqt li flimkien ma’ Spagna u Ron fl-Indipendenza mmur inkanta wkoll fil-ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista imma tħallejt fil-għama,” kompla Tristan B.
Il-kantant mar pass ieħor ’il quddiem u kompla: “Xi ħadd qrib il-Partit Laburista qalli li Jason Micallef, is-Segretarju ta’ l-MLP, iddeskrivini bħala imbarazz.”
Skond Tristan B is-suspetti tiegħu huma li l-Partit Laburista jrid jagħmillu bojkott tant li sal-ġbir ta’ fondi tħalla mingħajr tweġiba jekk hux se jitħalla jkantalhom jew le. Iż-żagħżugħ Siġġiewi qal ukoll li tħalla fil-għama dwar jekk il-Partit Laburista hux se jħalli lit-tliet kantanti jippreżentaw cd lill-mexxej Laburista Alfred Sant.
F’kummenti lil Illum Tristan B qal li hu ma kellu l-ebda rabta mal-Partit Nazzjonalista dwar il-kunċert tiegħu. Imma meta din il-gazzetta spjegatlu li f’idejha għandha tagħrif li jikkonferma li l-media tal-Partit Nazzjonalista tagħtu reklami b’xejn għall-kunċert ta’ nhar l-Indipendenza l-kantant ammetta li kellna raġun.
“Iva, vera tawna 80 reklam b’xejn kemm fuq Net TV kif ukoll fuq Radio 101,” wieġeb Tristan B.
Kollox jindika li din il-ħidma ta’ Tristan B viċin il-Partit Nazzjonalista gerrxet lill-MLP ’il bogħod mill-kantant.
Ray Azzopardi, Segretarju Informazzjoni tal-MLP, sostna ma’ din il-gazzetta li “lil Tristan spjegajtlu ċar u tond li ma stajniex naċċettaw li jkanta fil-ġbir ta’ fondi ftit sigħat wara li kien il-kantant mistieden tal-festi uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos. Dan anke għax ma ridniex sitwazzjoni fejn persuni jħossuhom urtati.
“Tristan B ma kienx kantant li qed jipparteċipa fil-Festival Indipendenza imma kantant li ntuża għall-kampanja tal-PN għaċ-ċelebrazzjonijiet tiegħu,” fisser Azzopardi.
“Aħna spjegajna wkoll lil Tristan B li diġà kellna l-programm uffiċjali lest u nista’ nassigurak li ħadd ma’ għadda kummenti diżpreġġjattivi
fil-konfront tiegħu,” qal Azzopardi.
Mhux magħruf x’inhuma l-pjani ta’ Tristan B dwar kunċerti futuri tiegħu. Bħalissa dawk kollha li ħallsu biex imorru jaraw il-kunċert taż-żewġ kantanti barranin mal-kantant Siġġiewi għadhom qed jiġbru flushom lura mill-maltatickets.com li laħqet biegħet “numru konsiderevoli” ta’ biljetti.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075