MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Iżrael iwaqqaf awtriċi Palestinjana milli tiġi Malta għall-Festival tal-Letteratura

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

L-awtriċi Fatena al-Ghorra minn Gaża fil-Palestina ma tħallietx toħroġ minn pajjiżha biex tipparteċipa fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta minkejja li l-Gvern Malti ħarġilha l-viża.
Il-festival jlaqqa’ kittieba Maltin ma’ oħrajn barranin u jasal fi tmiemu llejla. Il-kittieba jagħmlu esperjenza ta’ ġimgħa jgħixu flimkien biex jittraduċu x-xogħlijiet ta’ xulxin. Xogħol Fatena al-Ghorra xorta waħda kien tradott mill-Għarbi għall-Malti minn Walid Nabhan u nqara lbieraħ.
Adrian Grima, il-koordinatur mill-Inizjamed ta’ dan il-proġett, b’dispjaċir qal: “L-uniku diżappunt kbir li għandna hu li l-armata Iżraeljana ma ħallietx lill-kittieba Palestinjana Fatena al-Ghorra toħroġ minn Gaża, pajjiż li ilu maħkum mill-Iżrael mill-1967. Dan minkejja li l-Gvern Malti ħarġilha viża minnufih.
“Is-sitwazzjoni f’Gaża hi tal-biki. L-armata Iżraeljana ħolqot ħabs minn Gaża u 1,600,000 ruħ huma priġunieri f’darhom stess. Affarijiet li ma jitwemmnux. Minn Gaża ma joħroġ ħadd.”
Is-sitt awturi tal-lejla se jippreżentaw il-kitbiet tagħhom, uħud mad-daqq tal-mużika funk miz-Zizza Ensemble.
Il-festival beda lbieraħ u fih jilqa’ 11-il awtur jew poeta minn tmien pajjiżi differenti mill-Mediterran.
Skond Grima l-awturi Maltin u barranin intgħażlu minn Inizjamed u l-Literature Across Frontiers (LAF) għax huma kittieba u tradutturi tajbin u kapaċi jaħdmu ma’ kittieba oħra.
“Inħoloq ambjent sabiħ ħafna f’dan il-grupp, xi ħaġa li mhux dejjem tiġri. Din l-esperjenza pożittiva żgur li se twassal għal inizjattivi oħra fil-futur: pubblikazzjonijiet f’pajjiżi differenti, sehem f’festivals oħrajn u proġetti ta’ kollaborazzjoni,” kompla jgħid il-koordinatur.
Grima, mistoqsi kif iħossu li l-Gvern Malti ma jorganizzax attivitajiet simili hu stess imma l-inizjattiva jkollhom joħduha gruppi bħall-Inizjamed, wieġeb: “Kif taf, Malta hi l-uniku pajjiż fost il-membri l-ġodda ta’ l-UE li m’għandux il-politika u l-mezzi umani u finanzjarji biex jippromwovi l-letteratura tiegħu f’Malta u barra.
“Dan joħroġ ċar minn rapport ippubblikat mil-LAF dwar il-promozzjoni tal-letteratura fil-pajjiżi li daħlu fl-UE ma’ Malta. M’għandniex fondi għat-traduzzjoni letterarja, m’għandniex idea ta’ xi rridu nagħmlu f’dan il-qasam u kif nistgħu nagħmluh. Aħna l-uniku pajjiż. U dan mhux sigriet.
“Din is-sena, bħas-sena l-oħra, sibna l-għajnuna tal-Gvern Malti. Imma l-letteratura tagħna għandha bżonn infrastruttura. Mingħajr infrastruttura serja ma jistax ikollok ‘letteratura’. Imma dak diskors ieħor.”
Illejla se jinqara xogħol il-Maltin Immanuel Mifsud u Adrian Grima, İpek Seyalıoğlu mit-Turkija, Walid Nabhan minn Malta u l-Palestina, Samira Negrouche mill-Alġerija u Valerio Cruciani mill-Italja. Ħafna mix-xogħol tal-koordinazzjoni sar minn Clare Azzopardi u Alexandra Büchler.
Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta hu maħsub għal udjenza matura u se jsir fil-bitħa ta’ Couvre Porte fil-Birgu fit-8pm. Id-dħul hu b’xejn. Ix-xogħlijiet se jinqraw bil-Malti u bl-Ingliż.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075