MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Għawdex, il-blu u l-aħdar

Fl-elezzjoni Għawdex se tkun pedina importanti għar-riżultat aħħari. Il-PN jaf li tilef ħafna f’dawn l-aħħar snin u t-theddida tista’ tkun ġejja minn kwartieri mhux tradizzjonali. KURT SANSONE jirrapporta

Il-konferenza li organizza l-Partit Nazzjonalista f’Għawdex il-Ħadd li għadda u d-deċiżjoni li l-permess għall-bini tal-vilel fir-Ramla l-Ħamra se jkun revokat, huma indikattivi tal-qagħda politika f’Għawdex fejn f’dawn l-aħħar snin kien hemm mewġa mhux tas-soltu kontra l-PN.
Jidher li l-PN qed iħoss li f’Għawdex hemm bżonn jitfa’ iktar enerġija u fix-xhur li ġejjin probabbilment se naraw lil Lawrence Gonzi jżur ħafna iktar lill-gżira Għawdxija u jħabbar deċiżjonijiet li jolqtu direttament lill-ħajja tal-Għawdxin.
Il-kontenut tad-diskors ta’ Gonzi l-Ħadd li għadda wera d-direzzjoni tal-PN għal Għawdex iżda kien ukoll indikazzjoni ta’ dak li qed jinkwieta lill-partit.
Ma kienx b’kumbinazzjoni li l-Prim Ministru tkellem dwar viżjoni ta’ gżira li jkollha ekonomija marbuta ma’ l-iżvilupp ambjentali. Il-PN jaf li f’dawn l-aħħar tliet snin f’Għawdex żviluppat theddida politika ġdida għalih li tista’ tkisser il-bilanċ tradizzjonali bejn il-blu u l-aħmar.
Bejn dawn iż-żewġ kuluri, illum f’Għawdex hemm ukoll rig aħdar li mhux ta’ min jinjorah. Hu ċar li l-PN qed jinkwieta mis-suċċessi żgħar imma sinifikanti li għamlet l-Alternattiva Demokratika fost l-elettorat Għawdxi.
Il-proposta li għamel Gonzi l-Ħadd li għadda dwar investiment li joħloq ix-xogħol fil-qasam ambjentali u l-ħidma biex Għawdex igawdi minn enerġija alternattiva hi riflessjoni ta’ proposta li għamlet l-AD fix-xhur tas-sajf meta waqt żjara tal-Ministru għall-Ambjent Taljan Alfonso Pecoraro Scanio lissnet l-idea li Għawdex jinbidel f’gżira “ekoloġika” bi spiża ta’ Lm2 miljuni.
Jidher ċar li l-PN qed iħoss li d-diskors tal-Ħodor qed isib art għammiela f’Għawdex. Lanqas mhi kumbinazzjoni li din il-ġimgħa stess tħabbar li l-MEPA se twaqqaf il-permess għall-bini tal-vilel fir-Ramla l-Ħamra, deċiżjoni li għandha xamma politika qawwija. Il-proġett tar-Ramla qanqal ħafna rabja fost l-Għawdxin. L-immaġini ta’ għadd kbir ta’ demostranti fuq ir-ramel jġorru l-bnadar ta’ l-AD biex ifissru l-oppożizzjoni tagħhom għall-proġett matul is-sajf li għadda kienet sinifikattiva tas-saħħa li rabbiet l-AD fil-gżira Għawdxija.
F’Għawdex l-AD għandha kumitat żgħir imma organizzat li ilu jaħdem fost in-nies għal tliet snin sħaħ. Fost ir-riżultati pożittivi li ġab dan il-kumitat huma l-1,000 vot u aktar li ġab Arnold Cassola f’Għawdex fl-2004, il-ħatra ta’ l-ewwel kunsillier ta’ l-AD f’Għawdex fis-Sannat u l-kważi suċċess li kellu l-partit fil-Munxar fejn għal żewġ voti ma tellax kunsillier. Is-suċċess ta’ l-AD f’Għawdex kiser it-tradizzjoni.
F’dawn iċ-ċirkostanzi fejn diġà hu diffiċli għall-PN li jirkupra l-voti li tilef lejn il-Partit Laburista, prinċipalment minħabba l-kaċċa u n-nuqqas ta’ xogħol li laqat lill-gżira, se naraw iktar ħidma mill-Gvern fuq livell ambjentali biex ‘il-ferita’ ħadra ma tibqax tnixxi d-demm.
Iżda b’popolazzjoni li hi iktar sensittivà għal kwistjonijiet ambjentali t-triq tal-PN hi iktar kumplikata meta l-pajsaġġ Għawdxi jinsab taħt theddida minn proġetti kbar oħra bħall-iżvilupp f’Ta’ Ċenċ u f’Ħondoq ir-Rummien.
Jekk il-PN se jilgħab il-karti kollha ma tkunx sorpriża jekk anki dawn iż-żewġ proġetti jkunu abbandunati wkoll taħt xi skuża jew oħra.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075