MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48

Il-PN f’ġirja biex jiġbed lura l-voti tal-Ħodor

Wara r-Ramla l-Ħamra issa jmiss ‘deċiżjoni’ fuq Ta’ Ċenċ

Anki jekk id-deċiżjoni biex ikun revokat il-permess għall-iżvilupp ta’ vilel fir-Ramla l-Ħamra tidher li hi waħda purament legalistika hu ċar li l-Gvern għamel pressjoni biex dan iseħħ u mhux eskluż li fil-ġimgħat li ġejjin tittieħed deċiżjoni oħra biex il-proposta ta’ żvilupp f’Ta’ Ċenċ ma tintlaqax.
Bl-elezzjoni mistennija ssir mhux iktar tard minn sitt xhur oħra, jidher li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex jirkupra lil dawk il-votanti tal-klassi medja, li tradizzjonalment appoġġaw lill-PN, li fl-aħħar snin urew simpatija ikbar lejn l-Alternattiva Demokratika.
Wara 18-il sena fl-oppożizzjoni, f’għajnejn in-nies l-AD hi l-iktar partit konsistenti fuq temi ambjentali u f’dawn l-aħħar sentejn fi kważi kull stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika l-partit ġabar tnejn fil-mija tal-kunsens elettorali, biżżejjed biex f’elezzjoni jtellef il-maġġoranza assoluta lill-partiti l-kbar.
Fost l-ogħla esponenti tal-Gvern hemm konvinzjoni li deċiżjoni biex ma jsirx l-iżvilupp ta’ vilel f’Ta’ Ċenċ tista’ twaqqaf l-emorraġija ta’ voti lill-AD.

Il-kwistjonijiet ambjentali, ewlenin fosthom it-tkabbir tal-konfini ta’ l-iżvilupp, qanqlu lil għadd kbir ta’ nies biex joħorġu jipprotestaw fis-sentjen li għaddew u dan inkwieta bil-kbir lill-Partit Nazzjonalista, speċjalment meta l-esponenta ewlenija ta’ dan il-moviment ċivili hi Astrid Vella li tirrappreżenta l-aspirazzjonijiet tipiċi tal-klassi medja.
Wara l-u-turn tal-Gvern f’Mejju li għadda, meta abbanduna l-iżvilupp ta’ korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra fil-Manikata, id-deċiżjoni tar-Ramla l-Ħamra hi t-tieni u-turn fil-qasam ambjentali.
Il-kalkolu politiku tal-PN hu li b’u-turns strateġiċi bħal dik tal-korsa tal-golf, ir-Ramla l-Ħamra u possibbiliment Ta’ Ċenċ, aktar għandu x’jirbaħ milli x’jitlef anki jekk ikun ikkritikat fuq nuqqas ta’ konsistenza.
Bidla fil-pożizzjoni dwar l-iżvilupp f’Ta’ Ċenċ hi iktar faċli politikament wara l-kummenti żejda ta’ sid il-lukanda Victor Borg meta waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku qal li kieku offra nofs villa kull wieħed lill-Membri Parlamentari ma kienx ikollu problema biex jinħariġlu l-permess.
Dan il-kumment wassal biex Borg tilef ħafna ‘ħbieb’ influwenti, fosthom ministri Nazzjonalisti.
L-ikbar mistoqsija fuq fomm l-istrateġisti f’Tal-Pietà hi jekk id-deċiżjoni dwar il-futur ta’ l-iżvilupp f’Ta’ Ċenċ hux se tgħin biex jitnaqqas l-appoġġ li għandha l-AD u jissaħħaħ il-PN.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075