Sports | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Ismu jibqa’ magħruf għall-valanga ta’ goals li skorja fil-karriera tiegħu bħala plejer ma’ Valletta u Sliema Wanderers. Huma ħafna dawk li jqisuh bħala wieħed mill-aqwa barranin li qatt ġew Malta. 151 goal f’193 partita mhux ċajta. Hija medja impressjonanti. Madankollu wieħed irid iqis ukoll dak kollu li rnexxielu jirbaħ. Erba’ kampjonati, erba’ FA Trophies u erbgħa darbiet l-unur ta’ l-aqwa skorer tal-kampjonat Premier Malti. Dan kollu għamel lil Danilo Doncic tant popolari f’pajjiżna.
Dan kollu ma ħassx li kien biżżejjed. Illum il-ġurnata huwa kowċ kwalifikat u mid-dehra jidher li se jkompli bil-vizzju tar-rebħ anki f’din il-karriera. Min qatt kien jobsor li Floriana kienu se jkunu qed jokkupaw l-ewwel post wara ħames partiti? B’Doncic fit-tmun qed jidher li dan hu kollu possibbli.
Iltqajt miegħu t-Tnejn li għadda. Kont miftiehem f’post u mid-dehra, wara aktar minn 11-il sena Malta, għadu ma jafx il-postijiet sew. Kif nasal inċempillu u jgħidli li kien qiegħed jistennieni ġewwa. Infittxu u ma nsibux. Nerġa’ nċempillu. Ninduna li kien qiegħed f’post ieħor simili ftit ’il bogħod minn fejn ftehimna. Wara kwarta jitfaċċa. Ma kienx waħdu. L-assistenti tiegħu dehru inseparabbli. Alexander Rogic u Milos Basic huma ta’ ftit kliem li però osservaw b’attenzjoni dak kollu li konna qegħdin ngħidu. Kulmeta dħakna b’xi battuti daħku magħna.
Danilo jgħidli li ma jafx xi tfisser għalih il-ħajja jekk mhux b’xi mod involut fil-logħba tal-futbol.
“Il-problema hija li l-ħajja kollha tiegħi s’issa kienet konnessa mal-futbol u ma nafx kif nista’ nirrispondi għal min jgħidli kif ngħix mingħajr il-futbol. Darba ppruvajt nagħmel xi ħaġa differenti u ftaħt ristorant f’San Ġiljan imma ma tantx kampajt. Ħsibt li kienet se tkun xi ħaġa sabiħa minflok il-futbol imma wara ftit indunajt li din ma kinitx il-ħajja tiegħi.
“Ħafna mill-ħin tiegħi inqattgħu naħseb u nitkellem fuq il-futbol. Ninsab fil-bidu tal-karriera tiegħi fil-coaching u nispera li almenu nagħmel it-tajjeb li għamilt bħala plejer. Imma għadu diffiċli biex wieħed ikun jista’ jiġġudika dan kollu.
“Danilo Doncic bħala plejer għandu CV sħiħa imma bħala coach għad irid juri jekk hux tajjeb jew le.
“Il-bqija l-ftit ħin liberu li jifdalli nieħu pjaċir ngħaddih mal-familja u l-ħbieb. Dilettant ħafna tal-films u ta’ l-internet. Il-ħruġ inħobbu xi ftit ukoll bħalma jħobbu kulħadd.”
Danilo Doncic huwa Serb imwieled fl-20 ta’ Awissu 1969. Joqgħod il-Qawra u għarus lil Alicia Calleja. Għandu tlett itfal, Anja ta’ 13-il sena, Peter ta’ 11-il sena u Nina ta’ sena. Jirrakkontali kif kien sab ruħu hawn Malta tant snin ilu.
“Kont ġejt Malta xi 11-il sena ilu. Kien żmien diffiċli ħafna fil-Jugoslavja minħabba l-gwerra. Allura bħala plejer professjonali ma tantx kien hemm flus u bdejt infittex club f’pajjiż ieħor. Fl-1994, wieħed mill-ħbieb il-kbar tiegħi Igor Stefanovic, iffirma ma’ Floriana u kien fuq parir tiegħu li jien spiċċajt hawn. Kien tkellem ma’ Joe Caruana Curran li dak iż-żmien kien President tal-Belt li kien bagħat għalija għall-prova.
“Jien ma qbadtx u ġejt Malta għax fittxejt il-pajjiż jien. Kont naf li l-kampjonat ma kienx daqshekk ta’ livell. Kienet biss l-ewwel offerta li kelli u ħadtha. Ried nitlaq minn pajjiżi għax kien perikoluż wisq. Ma flaħtx ngħix aktar bil-gwerra.
“L-aħjar ħaġa għalija dak iż-żmien kien li nieħu l-ewwel offerta li tiġini u ma nibqax nissogra ħajti l-Jugoslavja.”
Danilo huwa raġel dħuli li jidhak il-ħin kollu u jkompli ma’ kulħadd. Jien niġġudikah bħala bniedem li faċli ħafna biex tagħmel ħabib miegħu. Wara tant snin f’Malta nistaqsih iħossux aktar Malti milli Serb.
“Bla dubju Malta huwa t-tieni pajjiż tiegħi. Ili 10 snin ngħix hawn. Xi kultant inħossni stramb meta niltaqa’ ma’ xi ħbieb antiki Serbi li nkun ili ma nara żmien twil. Magħhom dejjem nitkellem fuq Malta. Il-familja tiegħi għadha l-Jugoslavja u għadni mmur hemmhekk għall-vaganza. Nagħmel hemm minn ġimgħa sa xahar imma mhux aktar.
“Lil Malta nħobbha ħafna imma li jien Malti ma nista’ ngħidha qatt. Xtrajt anki dar u qed ngħix ma’ Maltija. Insegwi kulma jiġri f’dan il-pajjiż. Nipprova biss ma nsegwix il-politika għax ma nħobbhiex. Però naf li fi ftit ġimgħat jew xhur oħra se ssir elezzjoni ġenerali. Kulħadd diġa’ qed jitkellem fuqha. F’pajjiż żgħir bħal Malta diffiċli ħafna tbassar min se jirbaħ għax dejjem tkun ras imb’ras. Niftakar sew l-aħħar elezzjoni għax kont irbaħt il-kampjonat mas-Sliema.
“Anki jekk xi darba jkolli mmur nikkowċja barra, hawnhekk irrid nibqa’ niġi għax għamilt ħafna ħbieb u ħajja ġdida. Il-Malti nifhem ħafna minnu imma diffiċli wisq għalija biex nitkellmu. Naqra ftit imma mhux kollox. Jiġifieri attent x’se tikteb għax it-tfajla se taqrahieli kollha u tfehimni kollox.”
It-tnejn nidħku b’dan kollu u ndawru d-diskors fuq pajjiżu. Jispjegali għalxiex jaħseb li llum il-ġurnata naqas ħafna l-livell tal-futbol fis-Serbja u l-Kroazja.
“Bil-gwerra li kellna l-Jugoslavja u bis-separazzjonijiet tal-pajjiżi naqas ħafna l-livell tal-plejers li ħarġu dan l-aħħar. Il-Jugoslavja minn dejjem kien pajjiż li pproduċa plejers ta’ qawwa mondjali. Pero’ dawn l-aħħar sentejn donnha reġgħet bdiet era u ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ.
“Nemmen li sa ftit snin oħra se nerġgħu nkunu ta’ forza qawwija għall-futbol mondjali. Fil-futbol naqqasna xi ftit imma jekk tara sport ieħor bħal tennis, volleyball u waterpolo tinduna li għandna fost l-aqwa plejers u timijiet tad-dinja.
Għalija personali l-aqwa plejer u l-ikbar talent li qatt ħareġ mill-Jugoslavja kien Drakan Stojkovic. Illum huwa l-President ta’ Red Star Belgrade.”
Ikellimni fuq iż-żminijiet tal-karriera tiegħu bħala plejer tal-futbol ma’ Valletta u Sliema Wanderers.
“Iż-żewġ żminijiet kienu tajbin ħafna. Ma’ Valletta għamilt tliet snin li fihom irbaħt kulma hu possibbli u hemm eluf ta’partitarji li dejjem issibhom warajk. Wara Valletta ġietni l-opportunità mmur il-Bulgarija ma’ Lokomotiv Sofia. Meta ġejt lura Sliema Wanderers kienu storja oħra għax kelli 31 sena. Kienu ħames snin ta’ suċċessi kbar li mhu se ninsihom qatt. Naħseb li l-kwalitajiet tiegħi kienu perfetti għat-tip ta’ futbol li jintlagħab hawn Malta.
“Kien hawn ħafna plejers Maltin li ħadt pjaċir nilgħab magħhom. Bla dubju fiż-żminijiet ta’ Valletta kien hemm Gilbert Agius. Għandu talent kbir u meta kien għadu żgħir kont dejjem ngħidlu li hija ħasra għalih jekk jibqa’ hawn Malta u ma jiħux ċans isib club barrani.
“Pero’ jekk tgħidli liema hu l-aktar plejer li nammira ngħidlek li hu Michael Mifsud. Dan għax huwa wieħed mill-ftit plejers Maltin li hu lest għas-sagrifiċċji fil-futbol. Hafna plejers Maltin ippruvaw imorru jilagħbu pajjiż ieħor imma għamlu ftit xhur u reġgħu lura Malta għax ma kinux lesti għas-sagrifiċċji.
“Hawn ħafna plejers oħra Maltin li nammira imma ma nixtieqx insemmihom għax ma jilagħbux ma’ Floriana. Nemmen li Gilbert u Michael huma l-aktar żewġ plejers ta’ talent li ħarġu minn Malta kemm ili hawn jien.”
Nitkellmu fuq iż-żminijiet ta’ llum. Floriana huma realtà ġdida għalih. Jgħidli kif inhuma sejrin l-affarijiet fil-mument wara d-draw kontroversjali kontra Sliema Wanderers u t-telfa kontra Marsaxlokk.
“Mal-goal ta’ Roderick Briffa kien se jħossni ħażin. Konna ftit sekondi ’l bogħod minn rebħa oħra kbira. Sliema jidher l-aktar tim matur u l-aktar skwadra li tim avversarju għandu għalfejn jibża’ minnha. Kull attakk tagħhom jista’ jsarraf f’goal mingħajr wisq sforzi.
“Kontra Marsaxlokk ġiena kollox ħażin. Kienet l-agħar wirja tagħna. Kellna ħafna plejers imweġggħin. Lgħabna ħażin u minkejja dan kollu skurjajna darbtejn u bqajna fil-partita sa l-aħħar kontra ċ-champions. Din il-logħba rridu ninsewha malajr.
“Imma s’issa kollox miexi tajjeb. Qabel kollox ninsab kuntent ħafna li Floriana kellhom fiduċja fija u tawni din l-opportunità. L-ewwel staġun tiegħi ma’ San Ġwann ma tantx kien ta’ suċċess f’dawk li huma riżultati imma xorta naħseb li għamilt xogħli sew. Irnexxieli noħloq grupp ta’ plejers li kienu aktar ħbieb milli kollegi fl-istess tim.
“Il-Furjaniżi kollha jħobbu lit-tim tagħhom. S’issa qed narahom jiżdiedu ma’ kull partita. Nemmen li ninsabu fit-triq it-tajba.”
Danilo jgħidli li fil-plejers Furjaniżi skopra talenti kbar u li l-partitarji għandhom għalxiex iħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu kbir. Allura l-mistoqsija awtomatika tiegħi kienet biex jispjegali x’kien sejjer ħażin qabel.
“Ma rridx nitkellem x’kien hemm ħażin qabel għax inkun qed nitkellem negattiv fuq l-eks coaches li kienu qabli ma’ Floriana. Imma dak li bdilt kien li għaqqadt il-grupp u daħħalt dixxiplina kbira fil-plejers. Dejjem nipprova nurihom x’inhi s-sistema professjonali ta’ kif plejer jgħix u jilgħab. It-training camp li għamilna s-Serbja ħdimna b’mod iebes ħafna u dan qed jidher fil-ground.
“Fil-bidu kienet biċċa xogħol diffiċli. Grazzi għall-assistenti tiegħi rnexxielna noħorġu l-aqwa tal-materjal li għandna. Ħloqna atmosfera mill-isbaħ li kulħadd qed jieħu pjaċir. Naħseb li l-plejers kollha għamlu progress. Mano Micallef huwa tarġa bogħod mit-tim nazzjonali imma ma nixtieqx insemmi plejers b’isimhom għax illum hemm hu fl-aqwa forma u xahar ieħor jista’ jkun hemm plejers oħra.
L-għan tagħna fil-bidu kien li nassiguraw ruħna mill-Premier billi nispiċċaw fl-ewwel sitt postijiet. Kollha għadhom żgħar taqta’ għal xi żewġ plejers veterani. Fis-snin li ġejjin nibdew naħsbu biex nikkompetu f’xi tazza Ewropea. Ma tantx qed togħġobni l-affari li hemm tamiet għoljin għax bdejna tajjeb. Irridu nżommu saqajna ma’ l-art. Jekk inkomplu naħdmu b’mod serju r-riżultati se jiġu żgur.”
Nistaqsih ukoll fuq il-Kumitat ta’ Floriana. Wara tant snin ta’ indeċiżjonijiet jidher li fl-aħħar qed terġa’ tirrenja s-serenità.
“Illum il-ġurnata fil-Kumitat hemm nies li qed jaħdmu ħafna u qed jagħtu ħafna ħin lill-club. Sfortunatament issib ukoll minnhom li jistgħu jgħinu ftit aktar milli qed jagħmlu. Nixtieq li l-organizzazjoni li hemm bejni u bejn il-plejers tkun tinħass aktar u kullimkien.
“Fid-deċiżjoni ta’ kif jilgħab it-tim jien qed niddeċiedi kollox. Il-Kumitat qed iħalli kollox f’idi. Iżda nemmen li l-Kumitat għandu jinbidel f’wieħed aktar professjonali. Jien nistenna biss li jagħtuni l-informazzjoni meħtieġa. Imma mhux il-pressjoni tagħhom li nilgħab lil dak jew lill-ieħor.
“Il-mod professjonali fil-futbol hu li l-club iħallas lill-coach biex jagħmel xogħlu. Jekk fl-aħħar tal-kuntratt ma jagħmilx xogħlu tista’ tgħidlu grazzi ħafna u daqshekk. Jien lest nieħu l-opinjoni ta’ kulħadd iżda d-deċiżjonijiet finali jridu jkunu tiegħi. S’issa mixjin hekk u kull deċiżjoni tajba u ħażina dejjem kienet tiegħi.”
Nerġa’ nkellmu fuq l-inkwiet li qalgħu l-partitarji Furjaniżi wara l-logħba kontra Sliema Wanderers. Kienu mijiet li waqqfu mal-gates tal-VIP Area u ma ħallew lil ħadd joħroġ, b’uħud minnhom jitfgħu anki ġebel li setgħu laqtu lil min ma kellu x’jaqsam xejn.
“Smajt li wara kien hemm xi inkwiet mill-partitarji tagħna imma ma nafx eżatt x’ġara għax jien kont għadni ġewwa. Qaluli li kienu maħruqin għar-referee. Il-goal kontra Sliema ġie fil-ħin għax kienet għadha ma qabżitx l-94 minuta. Il-problema kienet li kontra Valletta kien hemm erba’ minuti ta’ ħin miżjud u lgħabna tmienja. Kontra Hibernians kien hemm ħames minuti ta’ ħin miżjud u lgħba seba’. Dejjem kienu referees differenti. Kien hemm ħafna tgergir fuq ħafna fouls li saffar kontriena u ħafna karti sofor żejda li ntwerew il-plejers tagħna. Imma dan kollu żgur li ma jiġġustifikax il-vjolenza.”
Insaqsih kif iħossu meta jisma’ nies jitkellmu tajjeb dwaru u min jaħseb li se jirbaħ il-kampjonat.
“Kuntent li għandi r-rispett ta’ ħafna nies. Probabbli jgħidu hekk għax kull fejn lgħabt ħallejt timbru warajja.
“Il-kampjonat se jirbħuh Valletta jew Sliema. Għandhom l-akbar organizzazzjoni bl-aqwa plejers. Iż-żewġ clubs jidher li għandhom bażi soda ta’ finanzi u dik hija importanti ħafna.”
Danilo jkellimni wkoll fuq l-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħu li jibqa’ jiftakar.
“L-aktar goal importanti kien kontra Hamrun Spartans fil-finali tat-Trophy meta kont għadni ma’ Valletta. Kont skurjajt fil-ħin barrani. Hamrun kellhom skwadra żagħżugħa u lil Sean Sullivan ma stajna niskurjawlu b’xejn.
“L-isbaħ mument fil-karriera kien meta rbaħt l-ewwel kampjonat ma’ Valletta. Li nagħlaq għajnejja u nara dawk il-baħar ta’ Beltin jifirħu quddiemi wkoll jaqbadni l-bard.”
Fl-aħħar ta’ l-intervista, Danilo ħass li għandu jirringrazza lill-persuna partikolari li jemmen li kien strumentali fil-karriera tiegħu.
“L-aktar persuna li għenitni u għallmitni f’Malta kien Edward Aquilina. Miegħu għamilt sentejn ma’ Valletta u erba’ snin ma’ Sliema. Kważi kulma rbaħt hawn Malta kien miegħu. Jaf perfettament il-mumenti li jkun għaddej minnhom plejer u psikoloġimant jifhmek eżatt. Jien nikkunsidrah bħala rebbieħ kbir u persuna li jaf bl-amment il-futbol Malti.”
Il-coach Furjaniż jgħaddi messaġġ finali lill-partitarji.
“Il-messaġġ tiegħi lill-partitarji hu li jibqgħu jappoġġawna kif inhuma fil-mument. Qed narahom jiżdiedu ma’ kull logħba u nispera li jibqgħu jiżdiedu. Nittama li jibqgħu warajna anki jekk jiġu r-riżultati negattivi.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulmin għeni kemm ili Malta. Lill-familja u l-ħbieb. Lill-Kumitat ta’ Floriana tal-fiduċja li wera fija u lill-Furjaniżi ta’ l-appoġġ kontinwu.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|