Pjazzetta | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Re-Processed, wirja ta’ ħames xogħlijiet ta’ l-arti li se jinħolqu fuq il-post minn 11-il artist Malti u barrani b’użu ta’ materjal riċiklat, se tittella’ fil-Barrakka ta’ Fuq. L-artisti jużaw materjali differenti biex jinterpretaw bosta elementi artistiċi.
Din is-sena Atelier għażel it-tema ta’ riċiklaġġ u proċessi ġodda għax kreattiv u etiku. L-għan ta’ l-artisti hu li jispiraw, joħolqu kuxjenza, jipprovokaw, jistqarru dak li ma jaqblux miegħu u jużaw oġġetti li jidhru bla użu.
Fil-wirja se jieħu sehem Sure Creative Lab, grupp ta’ sitt artisti Taljani, bix-xogħol tiegħu Guardian Angel. L-installazzjoni hi għolja 2.5m mibnija minn skart u materjal riċiklat, miġbur u mgħaqqad flimkien hawn Malta stess. Hu proġett magħmul biex jiskopri mill-ġdid il-kunċett ta’ l-Anġlu Kustodju li jingħata lil kull persuna biex titħares tul ħajjitha kollha.
Bix-xogħol tagħhom Junk Jungle goes into the sea and out again, Romina Delia u Enrique Tabone iridu joħolqu kuxjenza dwar id-dinja mniġġsa li ngħixu fiha u jfakkru li tista’ toħloq xogħol ta’ arti kreattiva billi tuża oġġetti wżati.
Patrick Fenech jaħdem fuq l-istess tema iżda minn perspettiva aktar metaforika bl-installazzjonijiet tiegħu ta’ dawl u ilma.
Portrait of an Upsidedown Tree hi metafora għall-indħil li qed isir fin-natura f’kuntest ta’ diżordni universali li qed iwassal biex id-dinja tkompli tisħon u jonqos l-ammont ta’ siġar. F’dan il-vidjo, Ruth Bianco tagħmel stqarrija ambjentali permezz tas-‘siġra’ bħala mudell ewlieni li jixbaħ iċ-ċiklu tal-ħajja.
F’Looking Inside Christopher Saliba juża ċ-ċaċċis ta’ tieqa komuni li kienet wżat diġà. F’xogħlu t-tpinġija astratta ssir pajsaġġ spiritwali li jipproponi dimensjoni li ma tirrappreżenta lil ħadd u mhix illużjoni. Meta tħares mit-tieqa l-osservatur jirrealizza li qed iħares lejn veduta intima u personali li l-artist lest li jaqsam miegħu.
Bħala organizzazzjoni, Atelier irid li jiġġenera żvilupp u innovazzjoni permezz tal-kultura u ta’ l-arti. L-għan ta’ Atelier hu li joħloq sinerġija bejn is-settur kulturali, entitajiet pubbliċi u privati u l-isfera korporattiva fejn il-kultura ssir mezz effettiv u viabbli għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali.
Għal aktar informazzjoni żur www.nottebiancamalta.com jew ċempel fuq 99668833.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|