Carmelo Mifsud Bonnici | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48 Id-dinja ta’ llum u wliedna1. Il-każ tat-tifla Madeleine McCann fil-Portugall irnexxielu jikseb l-attenzjoni internazzjonali. Tant hu każ li jolqot fil-laħam il-ħaj li daħal fil-moħħ u fl-immaġinazzjoni ta’ kulmin għandu t-tfal. Għax min jista’ jgħid fiċ-ċert li qatt ma kien hemm jew hemm okkażjonijiet fejn uliedu setgħu jsibu l-istess sitwazzjoni li għandha din il-koppja Ingliża? F’mument xi ħadd se jniżżel id-difiża materna, volontarjament jew involontarjament. Hemm dejjem ir-riskju u s-sogru li xi ħaġa se tiġri. Ma naf lil ħadd li rnexxielu jew qatt se jirnexxilu jżomm lil uliedu f’bozza. U dan fil-konfront ta’ terzi persuni għax hemm ukoll ir-riskji marbuta ma’ teħid tat-tfal mill-ġenituri kontra xulxin. 2. Fit-22 ta’ Settembru miet wieħed mill-aqwa artisti li rat id-dinja, Marcel Marceau. Kien magħruf għall-ħiliet kbar li kellu fuq il-palk. Kapaċi mix-xejn idaħħlek f’ħajja mingħajr ebda forma ta’ xena sabiex jgħinek fl-immaġinazzjoni. Marceau kien ta’ nisel Lhudi u kellu l-kuraġġ li jingħaqad mar-reżistenza Franciża tat-Tieni Gwerra. F’dan iż-żmien, flimkien ma’ ħuh Alain, kien strumentali biex ħafna tfal Lhud jaħarbu għall-Isvizzera, li kienet libera. 3. L-impenn lejn it-tfal minn Marceau seħħ fuq livell determinanti, drammatiku u verament effettiv. Biss ix-xenarji tal-ħajja jibqgħu jitolbu varjetà fl-impenn biex wieħed isalva ħajjet it-tfal. Mhux biss protezzjoni fiżika iżda wkoll dik morali u legali għax lit-tfal, sfortunatament, l-adulti mhux dejjem jarawhom bħala bnedmin. Huma wisq dawk li jintilfu u jispiċċaw jaħsbu li huma forom ta’ oġġetti li wieħed għandu l-pussess fuqhom. Jiċċaqilqu naħa jew oħra skond il-volontà tal-kbar u dak li hu tajjeb għall-ulied ma jiġix ikkunsidrat. 4. Quddiem dan, id-dinja, fil-mixja tagħha lejn is-sewwa, fortunatament bniet u għadha tibni strutturi legali li huma ferm iktar attenti lejn id-dinjità u l-bżonnijiet tat-tfal. Hemm differenza fil-kunċett sħiħ ta’ post l-ulied fis-soċjetà li żviluppat f’dawn l-aħħar 100 sena b’mod l-iktar qawwi. Altru dak li kitbu fuqu Charles Dickens jew Fyodor Dostoyevsky u altru llum. M’hemmx dubju li hemm għarfien akbar għad-drittijiet fundamentali tagħhom iżda l-istrutturi amministrattivi u legali li nbnew ma nistgħux ngħidu li huma adegwati biżżejjed. Għad hawn problemi li għadna ma sibniex irkaptu tagħhom, anzi li f’mumenti nħawdu l-ħajjiet tal-bnedmin ma’ dawk ta’ l-esiġenzi nazzjonali. Problemi personali u legali jsiru diplomatiċi. 5. Il-każ Madeleine, li d-dinja twaqqfet taħseb u tirrifletti fuqu, huwa sfortunatament parti minn xenarju ferm iktar ikkumplikat. Għad fadal sitwazzjonijiet fil-ħajja marbuta mat-teħid ta’ l-ulied minn min jaħseb li għandu dritt fuqhom, speċjalment fi żwiġijiet bejn persuni ta’ nazzjonalitajiet u kulturi differenti. Meta l-ulied jiġu mċaqilqa mid-dar fejn il-ġenituri jkunu stabbilew bħala ‘id-dar’ biex jittieħdu mal-parti l-oħra, huma jbatu ħafna. Din hi wkoll problema soċjali u legali kbira ħafna. 6. Għad hawn wisq problemi marbuta ma’ sistemi legali u amministrattivi differenti li ħafna drabi jsibu ruħhom kontra xulxin minflok jikkoperaw. Pajjiżna għaraf dan u tajjeb jingħad li kien strumentali li organizza żewġ konferenzi biex jipprova jġib bidliet. F’Marzu 2004 u fl-istess xahar ta’ l-2006 saru laqgħat flimkien mal-Hague Conference on Private International Law bejn numru ta’ pajjiżi minn madwar il-Mediterran u barra. Fuq livell ġudizzjarju u amministrattiv inġabru numru ta’ mħallfin, avukati u professuri tal-liġi biex jippruvaw jibnu qafas legali fejn preżentement hemm inċertezzi kbar. Fortunatament il-problemi varji ġew diskussi u nbdiet triq li minnha wieħed jittama li jibdew jittaffew ħafna mid-diffikultajiet li llum il-ġurnata jeżistu, speċjalment fit-teħid tat-tfal u d-dmir li tinħareġ informazzjoni utili mill-awtoritajiet kompetenti. Fuq dan kien hemm qbil li ssarraf f’żewġ dikjarazzjonijiet importanti ħafna. 7. Għalkemm pajjiżna għandu l-vantaġġ li huwa gżira u għalhekk il-ħruġ tat-tfal minn xtutna huwa iktar diffiċli, però xorta waħda ħass il-bżonn li jkun promotur ta’ dawn it-tip ta’ konferenzi. Dak li llum huwa magħruf fuq livell Ewropew u internazzjonali bħala The Malta Process tajjeb li jitkompla. Il-każ ta’ din it-tifla Ingliża ħaqqu attenzjoni. Daqshekk ieħor ħaqqhom dawk l-ulied li jittieħdu minn pajjiż għall-ieħor minn ġenitur kontra l-volontà tal-ġenitur l-ieħor. Nittama li fiż-żmien li ġej uliedna jkollhom ambjent li jipproteġihom aħjar milli huma llum. |
FEATURES Iddawnlowdja l-features f'PDF
|
|