Emmanuel Micallef | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Minn għada ma neħodhiex bi kbira li naraw iktar ħaddiema tal-Gvern u tal-kuntratturi fit-toroq tagħna jnaddfu t-toroq u jħawlu l-pjanti u l-fjuri fil-ġonna pubbliċi u mar-roundabouts. Bir-raġun għax hekk aħna mdorrijin.
Xahar wara għandha tasal f’pajjiżna għal darb’oħra r-Reġina Eliżabetta ta’ l-Ingilterra u bix-xieraq li nifirxulha t-tapit l-aħmar. Anki jekk ġejja fuq żjara privata biex tiċċelebra l-anniversarju tat-tieġ tagħha!
Minn għada wkoll nistennew li tkun konfermata d-data tal-baġit li jmiss. X’aktarx li l-aħħar baġit ta’ din il-leġislatura se jitressaq fil-Parlament bħal għada tmint ijiem. Iktar milli d-data iktar jinteressana x’se jkun fih dan il-baġit. Għandna kurżità iktar mis-soltu. Għaliex din id-darba żgur li se jkun ‘baġit tajjeb.’
L-onorevoli Tonio Fenech diġà qalilna li dan mhux se jkun baġit ta’ l-elezzjoni. Ngħid jien, mela hawn xi baġit li jrid ikun għall-elezzjoni? Jiġifieri li l-iskop tiegħu jkun li nroxxu l-bżar fl-għajnejn u minflok nonfqu b’mod għaqli noħorġu l-miljuni basta nikkuntentaw lill-massa ħalli niġbdu l-akkwist tal-voti?
Mela biex il-baġit ikun wieħed tajjeb ċioè li ma jagħfasx daqstant fuq il-but taċ-ċittadin irridu noqogħdu nistennew l-aħħar sena ta’ l-elezzjoni? Daż-żgur li le. Min qal li t-tindif tat-toroq jieħu spinta meta tkun ġejja xi personalità barranija distinta? B’daqshekk irridu nagħmlu l-istess fil-każ tal-baġit ta’ qabel l-elezzjoni?
Is-Segretarju Parlamentari assigurana li le. Jiġifieri fil-baġit li ġej ma noqogħdux nistennew ċejċa imma fejn hemm bżonn inkomplu nagħmlu s-sagrifiċji, kif kienet l-għajta u fil-fatt kellna nagħmlu f’kull baġit ta’ dawn l-aħħar snin.
Is-sagrifiċji għad għandna bżonnhom għax mhux kollox ward u żahar. Id-defiċit beda nieżel imma għad baqa’ mhux ħażin x’innaqqsu biex imbagħad inkunu nistgħu ngħidu li d-dejn nazzjonali jinsab taħt kontroll. Il-kriżijiet internazzjonali għad mhumiex juru sinjali ta’ fejqan. L-indikazzjonijiet qed juru li l-prezz taż-żejt se jkompli jispara ’l fuq. Minn 60 laħaq it-80 u fi ftit xhur oħra mistenni jilħaq il-100 dollaru l-barmil!
Biex ngħidu kollox ukoll issa tfaċċat il-problema tal-prezzijiet ta’ l-ikel u ċ-ċereali. Diġà għolew il-ħobż, il-ġobon, l-għaġin u l-butir konsegwenza ta’ din il-kriżi fid-dinja.
Imbagħad hemm problemi oħra li għad irridu niffaċċaw mingħajr m’għandna wisq kontroll fuqhom. Il-pagi tagħna ma nistgħux ngħolluhom kif ġieb u laħaq. Diġà huma l-inqas pagi li għolew fl-Ewropa u diġà qalulna li ma nistgħux ngħolluhom għax inkella togħla l-inflazzjoni fil-pajjiż u ma nibqgħux kompetittivi.
Sa ċertu punt irnexxielna niġbru iktar taxxi b’iktar effiċjenza u kontrolli u mingħajr ma żdiedu. Iżda spiċċajna f’sitwazzjoni li bit-taxxi huma kif inhuma u bil-pagi huma kif inhuma, filwaqt li l-prezzijiet baqgħu jogħlew il-flus fil-but taċ-ċittadin komuni naqsu u s-saħħa tax-xiri ddgħajfet mhux ftit.
Nistennew li l-UE issa toħlom bl-idea li jkun hemm armonija fir-rati tat-taxxi fl-istati membri u ma neħduhiex bi kbira li fuq ċerti komoditajiet u servizzi minflok it-18% ikollna nħallsu xi ħaġa oħra wkoll. Biex tkompli tgħaxxaqha issa se ndaħħlu l-ewro u ngħidu x’ngħidu u nagħmlu kemm nagħmlu l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra wriet li bil-qalba fil-munita l-ħajja togħla xi ftit jew wisq.
Għadni qed nistenna lill-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-ewro jagħtina statistika tal-pajjiżi li bidlu l-munita tagħhom u li effettivament minn dakinhar tal-bidla raħsu l-prezzijiet. U mhux qed nirreferi għall-prezzijiet tal-proprjetà biss tafux. Mela kif se nibqgħu nħallsu l-pensjonijiet biż-żidiet tal-għoli tal-ħajja sħiħa?
Kif se niffinanzjaw il-mediċina u kull servizz modern li joffri l-Mater Dei? Kif se niffinanzjaw il-ħtiġijiet soċjali bħal dawk il-benefiċċji tal-mard, korriment, ta’ min jirreġistra, tal-boarded out, ta’ l-ommijiet jew missirijiet li mhumiex miżżewġin, tar-romol u kull benefiċċju soċjali ieħor?
Daż-żgur li għandna bżonn is-sagrifiċċji! X’konna nagħmlu mela kieku mhux se nirċievu 855 miljun ewro mill-Unjoni Ewropea? Għalkemm dawn la huma ġejjin f’sena waħda u lanqas mhu se jagħtuhomlna fuq platt tal-fidda. Irridu nxammru l-kmiem u nuru snienna biex nieħdu sa l-inqas ewro! Għalissa nxommuhom nistgħu. Biex ingawdu l-frott tagħhom għad iridu jgħaddu s-snin.
F’dan ix-xenarju wieħed jasal biex jifhem għalfejn Tonio Fenech qed jgħid li l-baġit mhux ta’ l-elezzjoni. Mhux ta’ l-elezzjoni għax il-qagħda ta’ pajjiżna ma tippermettix li jkun u mhux għax il-Gvern ma jixtieqx iroxx.
Jekk irridu nkunu responsabbli bis-serjetà meta qed nittrattaw l-ekonomija u l-amministrazzjoni finanzjarja ta’ pajjiż ċkejken b’riżorsi limitati u bi sfidi kbar ġejjin mill-kurrenti bla waqfien tal-globalizzazzjoni u ta’ pajjiż li jinsab fi proċess ta’ fejqan, ma nistgħux inħallu l-għamad partiġġan jiġri bina u nieħdu l-attitudni li għalissa niftħu jdejna mbagħad wara naraw.
Qisna noqogħdu nitmejlu biċ-ċittadin billi nagħtuh l-impressjoni li l-aħħar baġit tal-leġislatura hu xi żejża mimlija b’ħalib sustanzjuż imbagħad fi żmien sena, fl-ewwel baġit tal-leġislatura li jmiss minflok żejża nsibu zokk li jġegħlek twaħwaħ kif tmiss miegħu.
B’danakollu xorta waħda m’inix konvint li l-baġit li jmiss ma jkunx fih xamma elettorali. Diġà qed nisimgħu esponenti tal-gvern jiddikjaraw li dan se jkun “baġit tal-familja.” F’termini ta’ gvern dan jagħmel sens għax il-progress ekonomiku u soċjali li sar jibda jitgawda, jew aħjar, jinħass miċ-ċittadini komuni u minn dawk li l-aktar għandhom bżonn fis-soċjetà. Iżda f’termini ta’ politika partiġġana “baġit tal-familja” jimplika li l-gvern se jroxx iċ-ċejċa u bilħaqq mhux għax ġejja l-elezzjoni imma biex inkomplu l-maratona tas-sagrifiċċji!
Din id-darba mhux importanti li jittieħed il-vot fil-Parlament dwar il-baġit. L-importanti li wara l-baġit jittieħed il-vot taċ-ċittadin. Jalla l-ġid.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|