Ittri | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Minn Ignatius Farrugia,
Sindku Żurrieq
Nirreferi għaż-żewġ ittri li dehru fil-gazzetta, miktuba minn J. Darmanin miż-Żurrieq fid-9 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Settembru.
Qed nikteb biex iktar minn kull ħaġ’oħra niċċara diversi żbalji li fihom dawn l-ittri.
Fl-ittra tad-9 ta’ Settembru Darmanin qal li jien tlajt naqbeż mal-marċ fuq l-ispallejn u ‘ngħajjar lill-partitarji’ tal-każin tal-Banda Santa Katarina.
Filwaqt li hu minnu li kont preżenti għal dan il-marċ, niċħad b’mod kategoriku li għajjart jew b’xi mod lissint xi kliem offensiv fil-konfront ta’ dawn l-istess partitarji. Dan jistgħu jixhduh il-pulizija stess li ssemmew f’dik l-ittra u li kienu preżenti waqt il-marċ.
Issemma wkoll li jien qed ninstiga l-provokazzjoni fil-festi tagħna. Għal darb’oħra dan m’huwiex minnu.
Safejn naf jien dejjem ippruvajt nittratta lill-għaqdiet tal-każini tal-banda bl-istess mod u fl-ebda mument ma mxejt b’diskriminazzjoni ma’ għaqda jew oħra. Mhux hekk biss, talli l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq dejjem kien ġust ma’ kull għaqda u ra li jinżamm bilanċ bejn għaqda u oħra u fuq kollox mexa skond il-Liġi. Fuq bażi personali mbagħad jien minn dejjem kont fuq quddiem biex tajt donazzjonijiet kemm lill-għaqda kif ukoll lill-oħra, mingħajr ma nħares lejn liema għaqda tkun.
Dan il-fatt ma jeskludix li jien għandi twemmin jew simpatija lejn għaqda partikolari. Iżda naħseb li dan hu dritt tiegħi u ħadd ma jista’ jindaħalli f’dak li nemmen fih. F’dan id-dawl ngħid ukoll li mhuwiex minnu li jien qgħadt inlissen kliem fis-sens li ‘matul il-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu ninża’ l-libsa tas-Sindku.’
Il-fatt hu sempliċiment li matul dik il-ġimgħa, minn sena sħiħa, nieħu l-mistrieħ tiegħi għall-vaganzi tas-sajf. Dan ma jfissirx li ma nibqax Sindku taż-Żurrieq.
Nirreferi wkoll għall-ittra tat-23 ta’ Settembru u li darb’oħra fiha ħafna żbalji. Jien l-ewwel Sindku li għal dawn l-aħħar snin ilni nattendi għall-funzjonijiet reliġjużi, inklużi il-quddiesa tal-paniġierku, taż-żewg festi taż-Żurrieq. Din is-sena ma kinitx eċċezzjoni. Bħala Sindku taż-Żurrieq mistenni wkoll nipparteċipa attivament f’din il-funzjoni u bħal snin oħra għamilt dan billi tellajt l-offerti waqt il-quddiesa.
Minħabba dan jien ġejt aggredit u mhedded mill-kittieb ta’ l-ittri nnifsu, Joe Darmanin, li ‘jekk nattendi għall-paniġierku li jsir f’Novembru ikaxkarni ’l barra.’ Dan hu kliem li ma nippretendi li jintqal lil ħadd fiż-Żurrieq, wisq iktar, allura, lili bħala Sindku.
Jekk kien hemm xi ‘mġiba pastaża u partiġġana’ din kienet ta’ Darmanin u żgur mhux tiegħi. Fil-fehma tiegħi dawn huma kliem tal-mistħija u jagħmel għajb lil Darmanin innifsu li lissnu fil-preżenza ta’ nies oħra fosthom is-surġent tal-pulizija, iktar u iktar meta tikkunsidra li konna għadna ħerġin minn sagħtejn fil-knisja fejn smajna dwar il-virtujiet ta’ Santa Katarina!
Ħadd mhu ’l fuq mil-Liġi, lanqas Darmanin, li bl-arja kollha ippretenda li jiddettali x’għandi nagħmel u ma nagħmilx. Minkejja kollox, lil dan Darmanin, fi spirtu ta’ festa u ta’ rikonċiljazzjoni u b’sens ta’ maturità, ħfirtlu dakinhar stess u ħadna b’idejn xulxin.
Fuq kollox mhuwiex minnu, kif intqal f’dik l-ittra, jien ‘dejjem nisfida u nipprovoka, u li b’xi mod abbużajt mill-poter li tagħtini l-Liġi.’
L-ewwelnett kont biss qed nuża u mhux nabbuża mill-poter li tagħtini l-Liġi u dan billi rrappurtajt l-inċident lill-Pulizija kif kelli kull dritt nagħmel. Kelli dritt ukoll nitlob li jittieħdu proċeduri kontra Darmanin innifsu iżda m’għamiltux biex ma nkabbarx l-affarijiet. Aħfer u insa.
Quddiem għajnejja dejjem għandi l-interessi taż-Żrieraq, huma ta’ liema kulur huma, ġejjin minn fejn ġejjin.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|