Aħbarijiet | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Minn Eddy Privitera,
Mosta
Mhux ta’ b’xejn il-Prim Ministru Gonzi mhux qed jitwemmen! Gonzi kellu l-wiċċ jgħid fuq il-Fosos tal-Furjana li hu qatt ma kellu fallimenti.
Meta smajt dan il-kliem ftakart li dan hu l-istess bniedem li xi xhur ilu kien stqarr li qed jagħmel il-mirakli.
Ma nistax nifhem kif Gonzi mhux qed jinduna li aktar ma jipprova jonfoħ u jesaġera dak li hu fi dmiru li jagħmel bħala Prim Ministru, aktar se jitlef il-fiduċja tal-poplu li jafu li r-realtà hi ferm differenti minn kif qiegħed ipinġiha l-Prim Ministru.
Ħalli nfakkar lil-qarrejja ta’ Illum kemm Gonzi ried jgħaddi ż-żmien bin-nies meta qal li hu qatt ma kellu fallimenti.
Minn meta laħaq Kap tal-PN u Prim Ministru tilef kull elezzjoni tal-kunsilli lokali u l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Ħamsa b’kollox. Dawk mhux fallimenti?
Il-wegħdiet kollha li għamel il-PN u li ma wettaqx kemm meta Gonzi kien viċi-kap kif ukoll meta laħaq Prim Ministru. Dawn mhux ukoll fallimenti?
Meta l-Prim Ministru ta’ qablu, Eddie Fenech Adami, flimkien miegħu bħala viċi-kap, kienu wiegħdu lill-poplu, lejlet l-elezzjoni ta’ l-1998: “Ma rridux inżidu taxxi fil-pajjiż’, biex wara l-elezzjoni għabbew lill-Maltin u l-Għawdxin b’xita ta’ taxxi ta’ kull xorta. Dak mhux ukoll falliment?
Meta wiegħed is-sena l-oħra li sa Novembru ta’ dik is-sena l-mediċini kienu se jorħsu biex illum, 11-il xhar wara, mhux talli l-mediċini ma roħsux talli komplew jogħlew ’il fuq. Dak mhux falliment ieħor?
Imbagħad hemm il-famużi wegħdiet li se jinbena mill-ġdid Bieb-il-Belt, it-terminus tal-karozzi tal-linja, it-Teatru Rjal, il-lift tal-Barrakka ta’ Fuq, il-kumpless turistiku tal-White Rocks, il-baċir Numru 1, il-villaġġ ġdid tas-snajja’ f’Ta’ Qali, l-ispiża ta’ Lm87 miljun li kellu jiswa l-isptar Mater Dei biex spiċċa jiswa iktar minn Lm300 miljun, il-mina li kellha tgħaqqad il-port ta’ Marsamxett mal-Port il-Kbir u f’nofsha jsir lift li bih wieħed ikun jista’ jitla’ fil-pjazza tal-Palazz, it-taparsi ftuħ ta’ Mater Dei. Dawn mhux fallimenti?
Nista’ nibqa’ sejjer b’kantaliena sħiħa ta’ wegħdiet u fallimenti li kellu Gonzi fil-karriera politika tiegħu iżda naħseb li m’hemmx għalfejn inġib provi ta’ kemm dan il-ftaħir kollu, li qatt ma kellu fallimenti, aktar inaqqaslu l-fiduċja tan-nies li għandhom moħħ.
Nemmen li hu eżatt biex jgħatti dawk il-fallimenti kollha li issa Gonzi qed juża l-flus tal-poplu f’kampanja ta’ riklamar fil-gazzetti u f’pubblikazzjoni ta’ 30 paġna li qed jibgħat fid-djar mimli ritratti maħdumin bil-kompjuter kollha kuluri, ta’ xi 20 proġett, jew ħolm ieħor.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|