Ittri | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Minn Renald Micallef,
Ħamrun
Fil-Ħamrun dan l-aħħar bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett tant mistenni tal-kumpless Daniels. Dan proġett bżonjuż ħafna għal-lokal u se jieħu post bini li għal dawn l-aħħar snin kien abbandunat.
Filwaqt li ntenni l-appoġġ tiegħi għal dan il-proġett, fl-istess waqt ninsab urtat ħafna għall-mod kif iġġarfet l-opramorta ta’ dik li kienet il-fabbrika l-antika ta’ l-injam.
Fir-ritratti wieħed jinnota d-data MCMXXX li tfisser 1930. Għalhekk din l-opramorta kienet ilha hemmhekk għal dawn l-aħħar 77 sena. Nifhem li din l-opramorta ma kellha l-ebda valur arkitettoniku, però nħoss li kellha valur storiku għall-Ħamrun.
Peress li nagħmel parti mis-sottokumitat dwar l-aspett tal-patrimonju Ħamruniż ħassejt li kelli nagħmel xi ħaġa biex nipprova nsalva din l-opramorta.
Għalhekk xi xahrejn ilu kont ċempilt personalment lil David Agius, wieħed mill-iżviluppaturi tal-proġett. Kont tlabtu jgħidli x’se jagħmel bl-opramorta u hu kien weġibni li kellu l-permessi neċessarji biex iwaqqagħha imma qal li kien lest jagħtiha lill-Kunsill Lokali jekk xi ħadd imur għaliha.
Ovvjament irringrazzjajtu għall-ġenerożità tiegħu għax li kieku ried seta’ iddeċieda mod ieħor. Jien irriferejt b’dan kollu lill-Kunsilliera Judith Bugeja li min-naħa tagħha tkellmet ma’ xi kunsilliera oħra. Għalhekk għandi nifhem li l-Kunsill Lokali kien infurmat bil-każ.
Mid-dehra ħadd mill-kunsilliera ma kellu l-kapaċità li jsalva din l-opramorta li ’l quddiem setgħet tiġi nkorporata jew esposta x’imkien ieħor. Issa din intilfet darba għal dejjem.
Dan każ wieħed li juri t-telqa li teżisti fil-Ħamrun fejn jidħol l-aspett storiku tal-lokal. Il-kunsill lokali li taħtu jaqgħu dawn l-affarijiet x’jirrispondi għal dan?
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|