Intervista | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Julia Farrugia tintervista lil Helena Dalli
Fid-9.15am Ħaż-Żabbar hi belt ħawtiela u mimlija attività: tal-ħobż ikarwat il-ħorn, in-nisa tad-dar għaddejjin bieżla bix-xirja tagħhom f’xena tipika ta’ pjazza Maltija.
Karozza b’mejda marbuta fuq is-saqaf tieqaf ftit metri ’l bogħod mis-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. Mit-tieqa jixref raġel li bi ħlewwa jgħajjat: “Helena, Helena kif inti?” u joħroġ idejh biex bħallikieku jista’ jgħannaq lill-mara minn fejn kien.
Fil-ftit sekondi li ndum fuq l-għatba ta’ l-uffiċċju ma’ Helena Dalli n-nies ma tiqafx. Il-mara maħbuba minn ħafna u f’Ħaż-Żabbar qed tilgħab ‘home’ għax twieldet u trabbiet f’din il-belt.
“In-nies għalija hi l-qalba tal-politika,” tistqarr Helena.
“Iż-żjarat fid-djar tal-familji huma parti minn ħajti. Ma niqafx, ġimgħa wara l-oħra.
“Għax kif nista’ jien nirrappreżentak fil-Parlament jekk ma nafx x’inhuma l-problemi tiegħek?” tistaqsi l-mara, omm ta’ żewġt itfal.
Helena Dalli ilha nvoluta fil-politika sa minn meta kellha 16-il sena. Minn meta kienet is-Sixth Form, fiż-żagħżagħ Laburisti ta’ Ħaż-Żabbar, fil-kumitati lokali, Segretarja Internazzjonali tan-Nisa Laburisti u fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-MLP.
“Fil-politika jien tlajt tarġa tarġa minn kariga għall-oħra. Dan għalija tajjeb ħafna għax meta tkun trid issolvi problema tifhem u tagħder aktar għax tkun għext is-saffi kollha li tinvolvi l-ħajja politika,” tispjega Dalli.
Imma d-Deputata Laburista tistqarr li warajha kellha surmast b’saħħtu.
“Ara kemm tkun mort Università. L-aqwa skola fil-politika għalija kienet ta’ Mintoff. Kien tani taħriġ ta’ veru,” tistqarr il-mara.
“Tgħallimt li fil-politika u fil-pajjiż trid tissielet,” tkompli Dalli hekk kif tispjega li fi żmien Mintoff kienet tieħu ħsieb xogħol importanti ta’ dokumenti u xogħol segretarjali fil-Maċina.
Imma llum wara dawn is-snin kollha meta l-pajjiż jinsab fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali x’taħseb li se jkunu l-elementi li jistgħu jtellfu elezzjoni lill-partit fil-Gvern?
“Bla dubju l-korruzzjoni u l-arroganza,” twieġeb mingħajr ma tieqaf taħseb.
“Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mhux qed juża l-poter biex jasal għal riżultati ta’ titjib imma sempliċiment biex jgħid ‘għandna l-poter’,” targumenta Dalli.
“In-nies qed jgħixu aħjar?” tistaqsi lilha nnifisha d-deputata.
“Ma naħsibx. Propaganda wara propaganda l-poplu se jiġġudika fuq dawn l-affarijiet bħala ċittadin,” tinsisti d-Deputata Laburista.
Indawwar l-argument fuq dak li qed jistennew minnha n-nies jekk tkun eletta fil-Parlament u jekk jitla’ gvern Laburista.
Is-settur pubbliku, il-ħaddiema tal-Gvern, x’futur se jkollhom taħt gvern ta’ Alfred Sant?
“Biex timplimenta kważi kull tip ta’ deċiżjoni li tagħti l-frott trid tgħaddi mis-settur pubbliku. Trid tgħaddi minn din il-magna. Din hi l-qalb!” twieġeb Dalli.
“Jekk ma jkollokx management tajjeb fis-settur pubbliku, minkejja li jkollok nies kapaċi, ma tasalx. U ma tasalx għax ma tkunx qed ittejjeb il-ħajja tan-nies.”
L-enfasi hi fuq ‘il-ħajja tan-nies’ u ninnota li tul l-intervista, l-argumenti kollha tal-mara jduru dejjem bħal fus fuq dan l-argument.
“Jekk fil-pajjiż jiġi investiment barrani u jeħel fil-magna burokratika, dan se jaffettwa ċ-ċaqliq ta’ l-ekonomija, se jkollok mewġ li jinħoloq minħabba din il-problema. Se titlef opportunitajiet li toħloq impjiegi ġodda, se titlef iċ-ċans li jkollok dħul minn taxxi li jinġabru mill-istess xogħlijiet,” tispjega l-mara.
“Jien għandi responsabbiltà kbira li din il-magna tkun tajba,” tkompli.
“Ħafna jgergru kontra l-ħaddiema tal-gvern imma jien ngħid li meta kien hemm Gvern Laburista, anke jekk għal ftit, il-ħaddiem tal-Gvern ta tweġiba. Gvern Laburista wera fiduċja fil-ħaddiem taċ-Ċivil għax kien ilu disa’ snin sħaħ ma jkun fdat bi proġett kapitali. Meta nvolvejniehom huma qamu fuq saqajhom u taw l-isbaħ riżultati bħal fil-każ tal-proġett ta’ Buġibba,” targumenta.
Nispara żewġ mistoqsijiet f’waħda. Imma mal-Gvern hemm ħaddiema żejda? U n-nofs ta’ nhari se jitneħħew?
“Jien naf għax konna għamilna studju li dak iż-żmien li konna fil-Gvern mas-settur pubbliku kien hemm ħafna ħaddiema misplaced. Għad hemm nies li demotivati għaliex tefgħuhom jagħmlu xogħol li mhux fil-linja tagħhom u li kieku jitħallew jagħmlu x-xogħol li kapaċi għalih jittella’ aktar xogħol,” twieġeb Helena.
Tagħti eżempju bil-ħaddiema tal-PBS u tat-Tarzna.
“Nies mill-PBS tefgħuhom f’dipartimenti b’xogħol mhux marbut mas-snajja’ li tħarrġu u kapaċi fiha. Anke fit-Tarzna.”
Dwar in-nofs ta’ nhari l-mara twieġeb b’sentenza waħda: “Hemm ċerti oqsma li diġà qed jaħdmu ħinijiet differenti mill-kumplament taċ-Ċivil. Jien naħseb li l-enfasi għandha tkun fuq il-flessibbiltà u l-effiċjenza. Matul is-sena, bħala medja l-ħaddiema tal-Gvern jaħdmu 40 siegħa bħal ħaddiema l-oħra kollha.”
Hi taqbel ma’ Alfred Sant li ddeskriva lix-xandir ta’ l-istat bħala “mandra”?
“Nirreferik għal dak li qal iċ-Chairman tal-Bord Editorjali tal-PBS li hu stess qal li l-PBS hu fi stat miżerabbli. Xi trid aktar minn dikjarazzjoni bħal din?” twieġeb b’ton aktar sod Helena.
It-ton jindika li din tal-PBS se tkun waħda mill-prijoritajiet ta’ Partit Laburista fil-Gvern.
“Fil-PBS hemm nies validi u ta’ esperjenza kbira u għalhekk dejjem ngħid li programmi ta’ ġrajjiet kurrenti għandhom isiru mill-ħaddiema tal-PBS stess.”
U hawn ifaqqa’ l-argument li ħafna jistaqsu dwaru. Ir-relazzjoni tal-Partit Laburista fil-Gvern ma’ kumpaniji bħal Where’s Everybody. Bla ma nistaqsi hi twieġeb dan l-argument weħidha.
“Għandek programm ta’ ġrajjiet kurrenti li jieħu Lm2,000 fil-ġimgħa. Normalment skeda tkun ta’ 39 ġimgħa. Ejja noħduha għad-dritt u nagħmluha 40. Jekk timmultiplikahom ma’ Lm2,000 issib li dan il-programm waħdu jieħu Lm80,000.
“B’dawk il-flus inħaddmu tmien ġurnalisti bravi b’paga ta’ Lm10,000 kull wieħed. Dawn jaħdmu biss biex itellgħu programmi ta’ ġrajjiet kurrenti ta’ livell,” tfisser Helena.
Imma l-WE mhux se jingħataw aktar programmi?
“Jien ngħid li l-Where’s Everybody u l-kumpaniji kollha l-oħra għandhom japplikaw bħal kulħadd għal dawk il-programmi li se jkunu miftuħa għal farming out. Imma fejn hu possibbli programmi ta’ ġrajjiet kurrenti se jsiru mill-ħaddiema tal-PBS stess,” tisħaq id-Deputata Laburista.
“Minn naħa l-oħra jien ġenwinament nemmen li min hu kapaċi, anki jekk bħalissa jaħdem ma’ kumpaniji privati ewlenin, postu hu fil-PBS,” targumenta Helena Dalli.
“Hemm min qal li l-kwalità f’Xandir Malta hi sagrifikata għall-uċuh u jien naqbel li bħalissa hekk qed jiġri,” tkompli Dalli.
U t-Tarzna? X’se jiġri meta fl-2008 iridu jinqatgħu s-sussidji li jagħti l-Gvern?
“Id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista hi li aħna nemmnu fit-tarzna. Il-kelma ‘tagħlaq’ ma teżistix fuq l-aġenda tagħna.
“Fit-Tarzna kellek benniena ta’ nies bis-snajja’. Tneħħew nies validi. Irridu nisfruttaw il-potenzjal tagħna bħala gżira fil-qasam marittimu. F’din in-niċċa hemm it-Tarzna. Aħna irridu naraw modi kif it-Tarzna nġibuha tagħmel profit.
“Bħalissa għaddej xogħol anki mill-Oppożizzjoni u, iva, tinvolvi Parlamentari Ewropej Laburisti li minn issa qed jesploraw x’toroq ġodda nistgħu naqbdu għat-Tarzna,” tkompli Dalli.
Indawwar l-argument fuq il-Partit Laburista. X’taħseb li hi l-akbar problema li għandu l-partit tagħha?
“L-akbar problema li għandu l-Partit Laburista hi biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Il-media tagħna mhix biżżejjed biex tindirizza l-floating voters. Il-votanti li għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw jagħtu kas tal-media indipendenti,” tinsisti l-kelliema Laburista.
Nistaqsiha jekk taqbilx li ż-żewġ partiti politiċi ikollhom l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni.
“Iddejjaqni jew ma ddejjaqnix dik hi r-realtà. Qiegħdha hemm,” twieġeb dritt lura.
Nistaqsiha jekk hix lesta li ġġib il-PBS tant ’il quddiem li tkisser lil One Productions li fl-aħħar mill-aħħar hi kumpanija kompetitur tax-Xandir ta’ l-Istat.
Twieġeb billi tgħid li “Il-kompetizzjoni hi tajba. Hi the healthy survival of the fittest.”
Nitkellmu dwar il-kwoti u jekk Helena Dalli taqbilx li għandu jkun hemm kwota biex fil-Parlament ikun hemm aktar nisa.
“Fil-Parlament għandna ftit nisa għax joħorġu ftit nisa għall-politika,” tgħid id-deputata.
“Il-poplu Malti għandu ħafna fiduċja fin-nisa fil-politika. Is-soluzzjoni nemmen li mexjin ’l hemm, lejn il-punt li l-ħajja tax-xogħol tkun aktar friendly, irridu nimxu lejn familja aktar simetrika,” tispjega.
Il-mara tinsisti li l-Gvern irid jagħmel strutturi mhux biss b’referenza għaċ-child care centres imma wkoll għall-kunċett ta’ ħinijiet imnaqqsa għall-ġenituri li jridu jsibu bilanċ bejn xogħol u familja.
“Dan kollu jmur id f’id ma’ l-aspett ekonomiku. Il-pajjiż qed jitlef ħafna finanzjarjament meta mhux qed juża l-potenzjal tan-nisa,” targumenta Dalli b’numru ta’ eżempji.
Nistaqsiha dwar Alfred Sant u x’ġibidha lejh kemm damet taħdem qrib tiegħu.
“Alfred Sant femminist. Kif laħaq Prim Ministru poġġa lili Kastilja biex immexxi ’l quddiem ċerti temi.
“Alfred Sant bniedem uman ħafna. Kien konxju li biex nimxu ’l quddiem kellu, u kien jagħti każ ħafna, li biex mara li tkun fil-politika ma tissagrifikax il-familja,” tispjega Dalli.
“Alfred Sant kapaċi jżewweġ is-soċjal ma’ l-ekonomiku. Jaf li hemm nisa validi li jistgħu jagħtu kontribut imma jibqgħu lura minħabba l-familja. Poġġa wkoll speaker mara fil-Parlament.
“Fis-2pm Alfred Sant kien imur kuljum jiġbor lit-tifla mill-iskola. Kien jurina li hemm impenji familjari li rridu nagħtu kashom. Meta tara bniedem jaħdem hekk int awtomatikament taħdem aħjar b’moħħok aktar mistrieħ.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|