Il-Punt | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Wisq nibża’ li t-tibdiliet għall-Kostituzzjoni ta’ Malta f’dak li jirrigwarda s-sistema elettorali u t-tqassim tad-distretti huma parti minn sensiela ta’ eżerċizzi maħsuba mill-Membri Parlamentari biex jimmanipulaw il-Liġi kif jaqbel lilhom u lill-partiti tagħhom. Sa mill-bidunett Azzjoni Nazzjonali kienet ċara fi kliemha li ż-żewġ partiti kbar f’Malta saru mostri u kif jgħid il-Malti kappell ma jmilx lill-ieħor!
Ta’ xejn narawhom jilagħbuha tal-kelb u l-qattus għax fil-verità draw iħokku dahar xulxin mingħalihom li l-poplu Malti għadu ma ntebaħx.
Nistaqsi x’sugu għad fadlilha l-Kostituzzjoni. Apparti mill-fatt li din il-Kostituzzjoni kontinwament qed tkun mhedda mill-Kostituzzjoni Ewropea, ninnota wkoll kif qed tkun injorata mill-Membri Parlamentari li neleġġu aħna stess biex mingħalina jaħdmu għall-interessi tal-pajjiż.
Filwaqt li qabel l-1974 kwalunkwe tibdil serju fil-kostituzzjoni kien jinħtieġ vot b’maġġoranza ta’ żewġ terzi kif ukoll referendum, l-istess Parlamentari tagħna vvutaw fl-1974 biex id-dritt taċ-ċittadin għar-referendum jitnaqqas għal ftit okkażjonijiet rari.
Il-Parlament Malti qed jittratta l-Kostituzzjoni qisha xi klwasola fil-Liġi li rridu kull darba naraw kif se nduru madwarha.Minflok m’hi Kostituzzjoni li tgħaqqadna saret waħda li tfixkel. Insemmi żewġ eżempji fejn il-membri tal-Parlament għażlu li jaqblu li jmorru kontra l-Kostituzzjoni: l-ewwel meta ġġedded it-terminu ta’ l-Awditur Ġenerali u t-tieni meta sar it-tisħiħ fl-operat ta’ l-Ombudsman.
Din id-darba għandna waħda goffa. Il-Membri Parlamentari ftehimu biex jikkontradixxu l-Kostituzzjoni u jħallu distrett jissupera l-5 fil-mija f’dik li hi popolazzjoni bl-implikazzjonijiet kollha u l-konsegwenzi li ġġorr magħha din id-deċiżjoni. Dan każ serju ħafna u jkun aħjar li kieku kien diskuss fil-miftuħ b’mod ċar qabel ma tefgħuna fl-ixkora.
Imbagħad xi ngħidu għall-mod li bih il-partiti l-kbar donnhom ikkapparraw il-poter? Jafu dawn li l-poplu ma jridx aktar żewġ partiti biss fil-parlament? Jafu li l-poplu llum jemmen fil-pluraliżmu tal-partiti? Minn mindu saru jaqblu daqshekk bejniethom il-Gvern u l-Oppożizzjoni? Kif setgħet l-Oppożizzjoni tivvota mal-Gvern? Jewwilla jaqblilha tagħmel hekk?
Is-soltu meta tkun se tgħaddi liġi tinħareġ white paper biex il-Gvern jiddiskuti ma’ l-entitajiet konċernati biex imbagħad xorta jispiċċa jagħmel ta’ rasu. Din id-darba lanqas kellu d-diċenza jiddiskuti mal-partiti politiċi ż-żgħar.
Azzjoni Nazzjonali ma rċeviet l-ebda invit biex tiddiskuti dawn it-tibdiliet kostituzzjonali. Il-poplu ma jridx emendi ta’ iġri u ġerri għax jemmen li l-Kostituzzjoni hi xi ħaġa serja u mhux se noqogħdu nibdluha kulmeta jqammrilna qisna għandna xi libsa u kulmeta nitqawwew ikollna nniżlulha ftit il-keffa.
Madankollu nħoss li b’din il-liġi qed inraqqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar għax f’nifs qed nikkontemplaw li rridu ntejbu l-ligi u f’nifs ieħor qed norbtu l-istess liġi ma’ ipotesi li Malta se tibqa’ għal dejjem b’żewġ partiti politiċi.
Hawnhekk jidħolli dubju personali.Nies serji u validi bħal Austin Gatt u John Dalli ġew ikkonsultati fuq dawn l-emendi? Jekk iva, possibbli dawn jaqblu ma’ dawn il-proposti? Jekk le, dawn ivvutaw bl-addoċċ bħan-nagħaġ ta’ Bendu?
Azzjoni Nazzjonali m’għamlitx bħall-Oppożizzjoni billi żammet lura u ma tatx soluzzjonijiet. Azzjoni Nazzjonali, sa mill-bidunett, stqarret li s-sistema elettorali għandha tissaħħaħ darba għal dejjem u filwaqt li jitneżża’ mill-predispożizzjoni li Malta għandha żewġ partiti politiċi biss għandhom jissawru sisien fejn il-Parlament Malti jkollu anqas deputati, ikun jista’ jeleġġi teknokratiċi biex ikunu esperti fit-tmexxija, iħalli lok għal ammont ta’ kandidati li ma joħorġux fuq distretti imma jikkontestaw fuq Malta kollha u jinkorpora sistema ta’ kunsilli indipendenti, ċertament b’numru inqas ta’ sindki. Fuq kollox iżda għandna ngħożżu l-Kostituzjoni billi nagħtuha d-dritt li tkun protetta mill-President tar-Repubblika ħalli jkun jista’ jirrifjuta milli jiffirma jekk verament jemmen li l-Parlamentari qed iżebilħu l-għan u l-eżistenza tal-Kostituzzjoni.
Għal dan il-għan il-President tar-Repubblika m’għandux jibqa’ jinħatar mill-partit fil-Gvern tal-ġurnata iżda jiġi elett mill-poplu.
Min għandu l-widnejn ħa jisma’ u min jemmen f’art twelidu għandu jaġixxi issa!
Charles Attard hu President ta’ l-Eżekuttiv ta’ Azzjoni Nazzjonali
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|