Editorjal | 30 ta’ Settembru 2007 • Nr 48
Ma nifhmux kif il-kunċett tal-proporzjonalità bejn il-voti li jġib partit politiku u s-siġġijiet li jakkwista fil-Parlament japplika biss għaż-żewġ partiti kbar u mhux għal kulħadd.
Il-tibdil fil-Kostituzzjoni biex jakkomoda, għal darb’oħra, liż-żewġ ġganti mhi xejn għajr demokrazija tas-sulluzzu li tfittex li traqqa’ l-pannu biex ma tfixkilx id-dominanza assoluta li għandhom il-PN u l-MLP.
Il-proporzjonalità li qed jiftaħru biha ż-żewġ partiti l-kbar tapplika biss jekk fil-Parlament ikun hemm żewġ partiti rappreżentati u wara li jkun magħruf ir-riżultat elettorali.
Il-maturità politika titlob li l-proporzjonalità tkun tapplika għal kull partit politiku u għalhekk l-emenda kostituzzjonali kellha tinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ kwota nazzjonali ta’ voti li jekk partit jilħaqha jkun rappreżentat fil-Parlament skond in-numru ta’ voti li jġib.
Is-sistema elettorali tagħna hi maħduma biex teskludi l-partiti ż-żgħar mir-rappreżentanza Parlamentari. Anki jekk partit politiku jġib eluf ta’ voti madwar Malta u Għawdex jibqa’ r-riskju li ma jkollux rappreżentanza parlamentari għax ma jkunx laħaq kwota f’distrett wieħed.
Nemmnu li Parlament b’iżjed minn żewġ partiti politiċi jkun ta’ ġid għad-demokrazija għax id-dibattitu politiku jkun iktar miftuħ.
Minkejja l-attitudni xejn demokratika li qed juru ż-żewġ partiti ewlenin fejn jidħlu r-regoli tal-logħba jibqa’ l-fatt li l-poplu bil-vot tiegħu jista’ jagħmel differenza.
Is-sistema kif inhi llum tfisser li kull partit politiku li f’distrett wieħed iġib madwar 3,000 vot, bejn dawk li jġib fl-ewwel għadd u b’dawk li jiret mill-partiti l-oħra, ikun jista’ jtella’ deputat fil-parlament. It-triq hi iebsa iżda mhux impossibbli.
Ma jagħmilx sens li nibqgħu l-uniku pajjiż fl-UE fejn fil-Parlament jinstemgħu biss żewġ vuċijiet.
Il-leave tal-maternità
Il-proposta li ħarġu biha l-Alternattiva Demokratika li l-leave tal-maternità bil-ħlas jiżdied minn 13-il ġimgħa għal 26, bil-Gvern jagħmel tajjeb għall-ispiża żejda, hi tajba għax tfisser transizzjoni inqas trawmatika għall-omm li trid toħroġ taħdem wara t-twelid tat-tarbija.
Anki jekk omm tibqa’ tħoss id-diffikultà li tħalli tarbija ta’ sitt xhur ma’ xi ħadd jew f’ċentru ta’ ħarsien, is-sitwazzjoni hi ferm inqas trawmatika milli tħalli tarbija ta’ tliet xhur. Apparti dan ikun iktar faċli għall-omm li tagħżel li tredda’ t-tarbija fl-ewwel sitt xhur, kif inhu rakkomandat mill-awtoritajiet tas-saħħa.
L-AD qed tgħid li ż-żieda ta’ 13-il ġimgħa m’għandux jagħmel tajjeb għalihom min iħaddem biex ma tikbirx l-ispiża fuq l-industrija u n-negozju u għalhekk il-kompetittività tkun imħarsa. Minflok l-AD qed tipproponi li l-ġimgħat miżjuda jitħallsu mill-Gvern b’rata fissa ta’ Lm70 fil-ġimgħa.
Il-mistoqsija ta’ dejjem tibqa’ minn fejn se jġib il-flus il-Gvern. Iżda kalkolu sempliċi jurik li l-ispiża mhix daqshekk kbira u faċilment tista’ tkun inkorporata fl-infieq tal-Gvern issa li l-ekonomija bdiet tħalli iktar frott.
Jekk wieħed jikkalkula li f’sena jitwieldu madwar 3,800 tarbija, il-massimu li din l-ispiża tista’ titla’ hi ta’ Lm3.5 miljun. Il-probabbiltà hi li tkun ferm inqas għax mhux kull omm taħdem jew tkun lesta li tkompli taħdem wara li twelled tarbija.
Din il-gazzetta tħeġġeġ lill-Gvern biex fil-baġit jiddedika parti żgħira mill-ispiża għal din il-proposta ta’ l-AD. Apparti li jkun qed jagħmel il-ħajja iktar faċli għal numru kbir ta’ nisa, skema bħal din tkun qed tgħin biex iktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol imħallas u b’hekk l-ekonomija tikber aktar.
Hu mezz ieħor kif il-Gvern jiżgura li d-distribuzzjoni tal-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż jilħaq livelli differenti tas-soċjetà u ma jibqax ristrett għal ċerti saffi biss.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|