X'kien jgħid| 23 ta’ Settembru 2007 • Nr 47
Fl-Eġittu għadhom kif issentenzjaw sena ħabs lil erba’ edituri ta’ gazzetti ta’ kuljum għax azzardaw jgħidu li l-President Hosni Mubarak, li għandu kważi 80 sena, hu marid serjament u li x’aktarx ibnu Gamal qed jitħejja biex jeħodlu postu.
Minħabba dawn ir-rapporti, skond il-Bank Ċentrali Eġizzjan, intilef investiment barrani b’kemm jiswa’ $350 miljun. Ngħid is-sew din l-aħbar kidditni u fl-istess ħin ikkunslatni xi ftit. Tgħidli kif?
Ftit huma l-privileġġi li jista’ jkollu priġunier bħali f’kamp ta’ l-Ingliżi ġewwa Lixandra għal dawn is-snin kollha. Issa jekk editur Eġizzjan jispiċċa jdabbar sena ħabs għax ippubblika xi ħaġa bħal dik, għedt bejni u bejn ruħi, kieku dak ir-rapport ħriġt bih jien lili ma jistgħu jagħmluli xejn għax ma jistgħux jibagħtuni l-ħabs meta diġà ninsab f’dan l-ispeċi ta’ ħabs ikkakkmat għal dawn is-snin kollha.
Mela għandi raġun nikkonsla li jien wieħed mill-ftit ‘privileġġati’ fl-Eġittu li nista’ ninsolenta lil Mubarak kemm irrid u nibagħtu kemm nibagħtu jieħdu ’l hemm u ’l hawn lili mhux se jibagħtuni l-ħabs għal raġunijiet ovvji.
Mill-ftit li nista’ nsegwi minn hawn dak li qed jiġri f’art twelidi, l-ajru politiku qed jitqal ġmielu iktar ma toqrob id-data ta’ l-elezzjoni. Għalkemm għandi l-impressjoni wkoll li tista’ tkun din l-elezzjoni ġenerali fejn għall-ewwel darba l-Maltin ma jibqgħux jivvutaw bħal hawn u bħal fir-repubbliki ta’ l-Unjoni Sovjetika, b’iktar minn 95% joħorġu jivvutaw b’saqajhom aktar milli b’moħħom. X’aktarx li f’din l-elezzjoni iktar Maltin mis-soltu se jiġu jitmejlu minn kollox u jew jibqgħu d-dar inkella jivvutaw lil xi partit ta’ l-iljun jew taċ-ċavetta. Imma nkun prużuntuż biex ngħid x’se jiġri f’Malta minn dan ’il bogħod kollu.
Ngħid is-sew minn dak li jirnexxili nosserva minn hemm u minn hawn fuq il-kompjuter tal-Maġġur Dick meta jkun qed jongħos, id-dibattitu politiku f’Malta qajla jogħla mil-livell tat-tappieri tad-drenaġġ. U dan mhux kumbinazzjoni li l-Maltin qed jgħajjew mill-politika bl-istess uċuh u l-istess battibekki u diskorsi għal dawn is-snin kollha.
Ejja ngħiduha kif inhi. Fit-Tmeninijiet dwar id-drenaġġ fil-baħar tal-Balluta kontu titkellmu u minn dakinhar għaddew 20 sena u fuq il-qlalet fil-wiċċ fil-bajja tal-Balluta għadkom qed titkellmu. Mhux bilfors staġnat id-dibattitu politiku f’Malta jewilla imwaħħal kif inhu fid-drenaġġ jgħum fil-baħar tal-Balluta?
Biex tkompli tgħaxxaqha 20 sena ilu kellkom ċertu Ministru Falzun li kien tħajjar minn Turu Rizzo u għamel stunt quddiem il-kameras biex jagħti prova li ma kienx jipprendih il-baħar, anki jekk ikun ikanġi fil-kannella. U minn kif qaluli dan Falzun sa llum għadu jferfer anki jekk b’kappell differenti, li ma nafx jekk ġiehx jew le, u għad għandu x’jaqsam mad-drenaġġ fil-Balluta.
Qaluli li l-Ħadd li għadda dan Falzun instema’ jgħid fuq ir-radju li d-drenaġġ li kien jiskula 20 sena ilu m’għandu x’jaqsam xejn mad-drenaġġ li qed jiskula bħalissa għax ġej minn katusa mxaqqa differenti. Issa jien ma nafx x’differenza tagħmlilhom lin-nies ta’ San Ġiljan minn liema katusa mxaqqa ġejja l-kakka li qed taqsmilhom imnifsejhom huma u jagħmlu l-passiġġata tagħhom fuq il-Front.
Imn’Alla kienet il-Maġistrata tal-Pepè bħalhom li daħlet għalihom u għamlet seduta wara l-oħra fis-sajf sakemm raw xaqq dawl fit-tarf tal-katusa mxaqqa. Ħasra li dawk li jgħumu t-Torri tax-Xgħajra u Wied Għammieq fejn il-baħar ta’ spiss ikanġi fil-kannella għadhom ma sabux xi maġistrat li jidħol għalihom.
Tassew kienet sitwazzjoni traġi-komika li biċċa mill-Gvern, id-Dipartiment tas-Sanità, daħlet il-Qorti biex fittxet biċċa oħra mill-Gvern, il-Korporazzjoni ta’ l-Ilma, biex jaraw min suppost kellu jsib tarf tal-problema.
Mhux emblematika jewilla li f’pajjiż bħall-Italja l-maġistrati jissieltu u jwerwru l-allat żgħar u kbar tal-politika u f’Malta l-maġistrati jkollhom jheddew fuq il-katusi u t-tappieri?
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|